Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 875/2012 tal-25 ta’ Settembru 2012 li jibda investigazzjoni rigward il-possibbiltà ta' evażjoni tal-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 990/2011 fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina b’importazzjonijiet ta’ roti kkunsinjati mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija u kemm jekk le, u li jagħmel tali importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2012/875@2012-09-25/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ir-Regolament bażiku) u b'mod partikolari l-Artikoli 13(3) u 14(5) tiegħu,
Wara li, f'konformità mal-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, ikkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv,
Billi: IT-TALBA
(1) Il-Kummissjoni Ewropea (il-Kummissjoni) irċeviet talba skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku biex tinvestiga l-possibbiltà ta’ evażjoni tal-miżuri anti-dumping imposti fuq importazzjonijiet ta' roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u biex tagħmel l-importazzjonijiet ta' roti kkunsinjati mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija soġġetti għar-reġistrazzjoni, kemm jekk dawn ikunu ddikjarati li joriġinaw mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija u kemm jekk le.
(2) It-talba tressqet fl-14 ta' Awwissu 2012 mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tar-Roti (European Bicycles Manufacturers Association EBMA) f’isem In Cycles - Montagem e Comercio de Bicicletas, Ldo, SC. EUROSPORT DHS S.A. u MAXCOM Ltd, tliet produtturi tar-roti fl-Unjoni.
IL-PRODOTT
(3) Il-prodott ikkonċernat mill-possibbiltà ta' evażjoni huwa biċikletti u roti oħrajn (inklużi triċikletti għat-tqassim, iżda esklużi l-uniċikletti), mhux bil-mutur, li attwalment jaqgħu fil-kodiċi NM 87120030 u ex87120070 (kodiċi TARIC 8712007090) u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (il-prodott ikkonċernat).
(4) Il-prodott li qed jiġi investigat huwa l-istess bħal dak definit fil-premessa preċedenti, iżda kkunsinnat mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija, kemm jekk iddikjarat li joriġina mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija u kemm jekk le, u li bħalissa jaqa’ taħt l-istess kodiċi NM bħall-prodott ikkonċernat (il-prodott li qed jiġi investigat).
IL-MIŻURI EŻISTENTI
(5) Il-miżuri attwalment fis-seħħ u li possibbilment qed jiġu evitati huma miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 990/2011 li jimponu dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 tal-miżuri imposti bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1524/2000 u emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1095/2005.
IR-RAĠUNIJIET
(6) It-talba tinkludi biżżejjed evidenza prima facie li l-miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina qegħdin jiġu evitati permezz ta' trasbord vija l-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija u permezz ta' operazzjonijiet ta' assemblaġġ ta' ċerti partijiet tar-roti mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina skont l-Artikolu 13.2 tar-Regolament bażiku vija l-Indoneżja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija.
(7) L-evidenza prima facie li ġiet ippreżentata hija din:
(8) It-talba turi li seħħet bidla sinifikanti fix-xejra tal-kummerċ li jinvolvi esportazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, l-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija lejn l-Unjoni wara ż-żieda fid-dazji anti-dumping fuq il-prodott ikkonċernat imposta bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1095/2005, mingħajr raġuni jew ġustifikazzjoni biżżejjed għal tibdil bħal dan għajr l-impożizzjoni tad-dazju.
(9) Din il-bidla tidher li tirriżulta mit-trasbord ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina vija l-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija lejn l-Unjoni u minn operazzjonijiet ta' assemblaġġ fl-Indoneżja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija.
(10) Barra minn hekk, it-talba tinkludi biżżejjed evidenza prima facie li l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri anti-dumping eżistenti fuq il-prodott ikkonċernat qegħdin jiddgħajfu kemm f’termini ta’ kwantità kif ukoll f’termini ta’ prezz. Volumi sinifikanti ta’ importazzjonijiet tal-prodott investigat jidher li ħadu post l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, hemm biżżejjed evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat qed isiru bi prezzijiet aktar baxxi mill-prezz mhux dannuż stabbilit fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri eżistenti.
(11) Fl-aħħar nett, it-talba tinkludi biżżejjed evidenza prima facie li l-prezzijiet tal-prodott li qed jiġi investigat qegħdin ikunu l-oġġett ta’ dumping fir-rigward tal-valur normali stabbilit qabel għall-prodott ikkonċernat.
(12) Jekk prassi ta’ evażjoni vija l-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija koperti mill-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, għajr għat-trasbord u l-operazzjonijiet ta' assemblaġġ, tkun identifikata fil-proċess tal-investigazzjoni, l-investigazzjoni tista’ tkopri din il-prassi wkoll.
IL-PROĊEDURA
(13) Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li teżisti biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-bidu ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku u biex tagħmel l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat soġġetti għar-reġistrazzjoni, kemm jekk ikunu ddikjarati li joriġinaw mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija u kemm jekk le, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.
Kwestjonarji
(14) Sabiex tikseb it-tagħrif meqjus neċessarju għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-esportaturi/produtturi magħrufa u lill-assoċjazzjonijiet tal-esportaturi/produtturi magħrufa fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija, lill-esportaturi/produtturi magħrufa u lill-assoċjazzjonijiet tal-esportaturi/produtturi magħrufa fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, lill-importaturi magħrufa u lill-assoċjazzjonijiet tal-importaturi magħrufa fl-Unjoni u lill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, tal-Indoneżja, tal-Malasja, tas-Sri Lanka u tat-Tuneżija. Jista' jintalab ukoll tagħrif mill-industrija tal-Unjoni, skont kif ikun xieraq.
(15) F’kull każ, il-partijiet interessati kollha għandhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni minnufih, iżda mhux iktar tard mil-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament, u jitolbu kwestjonarju fil-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3(1) ta' dan ir-Regolament, peress li l-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta' dan ir-Regolament japplika għall-partijiet interessati kollha.
(16) L-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, l-Indoneżja, il-Malasja is-Sri Lanka u t-Tuneżija se jiġu nnotifikati bil-ftuħ tal-investigazzjoni.
Il-ġbir ta' informazzjoni u s-seduti ta' smigħ
(17) Il-partijiet kollha interessati huma b'dan mistiedna jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jagħtu evidenza ta' sostenn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' lill-partijiet interessati, jekk dawn jagħmlu talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu.
L-eżenzjoni mir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet jew mill-miżuri
(18) B’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat jistgħu jiġu eżentati mir-reġistrazzjoni jew mill-miżuri jekk l-importazzjoni ma tikkostitwixxix evażjoni.
(19) Minħabba li l-possibbiltà li sseħħ evażjoni barra mill-Unjoni, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet, skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, lil produtturi fl-Indoneżja, il-Malasja is-Sri Lanka u t-Tuneżija ta' biċikletti u roti oħrajn (inklużi triċikletti għat-tqassim, iżda esklużi l-uniċikletti), mhux bil-mutur, li jistgħu juru li mhuma relatati ma' ebda produttur soġġett għall-miżuri u li jinstabu li mhumiex involuti fi prattiki ta' evażjoni kif definiti fl-Artikoli 13(1) u 13(2) tar-Regolament bażiku. Il-produtturi li jixtiequ jiksbu eżenzjoni għandhom iressqu talba sostnuta b'evidenza xierqa fil-limitu taż-żmien indikat fl-Artikolu 3(3) ta' dan ir-Regolament.
IR-REĠISTRAZZJONI
(20) Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat għandhom ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni sabiex jiġi żgurat li, jekk l-investigazzjoni tirriżulta f'sejbiet ta' evażjoni, ikunu jistgħu jiġu imposti dazji anti-dumping addattati mid-data li fiha ġiet imposta r-reġistrazzjoni ta' importazzjonijiet bħal dawn ikkonsenjati mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija.
IL-LIMITI TAŻ-ŻMIEN
(21) Fl-interess ta' amministrazzjoni soda, għandhom jiġu ddikjarati l-limiti taż-żmien li fihom:
il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni, jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jressqu l-kwestjonarju mimli jew kwalunkwe informazzjoni oħra li għandha titqies matul l-investigazzjoni,
il-produtturi fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija jistgħu jitolbu eżenzjoni mir-reġistrazzjoni tal-importazzjoni jew mill-miżuri,
il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu talba bil-miktub biex jinstemgħu mill-Kummissjoni.
(22) Ta’ min jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li t-tħaddim tal-biċċa l-kbira tad-drittijiet proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku jiddependi mill-fatt li l-parti tippreżenta ruħha fil-limiti taż-żmien imsemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.
IN-NUQQAS TA' KOOPERAZZJONI
(23) F'każijiet li xi parti interessata tiċħad l-aċċess jew ma tagħtix l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti taż-żmien, jew tfixkel l-investigazzjoni b'mod sinifikanti, jistgħu jsiru sejbiet, pożittivi jew negattivi, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, abbażi tal-fatti disponibbli.
(24) Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, dik l-informazzjoni għandha tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.
(25) Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u għalhekk is-sejbiet ikunu bbażati fuq fatti disponibbli b’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku din kienet ikkooperat.
L-ISKEDA TAL-INVESTIGAZZJONI
(26) L-investigazzjoni se tintemm, skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, fi żmien disa’ xhur mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
L-IPPROĊESSAR TAD-DEJTA PERSONALI
(27) Ta’ min jinnota li kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-dejta.
L-UFFIĊJAL TAS-SEDUTA
(28) Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta' medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrevedi t-talbiet għall-aċċess tal-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-limiti taż-żmien u t-talbiet minn partijiet terzi għal smigħ. L-Uffiċjal tas-Seduta jista' jorganizza seduta ta' smigħ ma' parti interessata individwali u jagħmilha ta' medjatur sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jitħaddmu b'mod sħiħ.
(29) Talba għal seduta ta' smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet li għalihom tkun qiegħda ssir. L-Uffiċjal tas-Seduta se jagħti wkoll opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi lill-partijiet u li jippermetti li jitressqu fehmiet differenti u argumenti kuntrarji.
(30) Għal aktar informazzjoni u dettalji ta' kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni tal-internet tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/hearing-officer/index_en.htm.,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 B’dan qed tinbeda investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, sabiex ikun iddeterminat jekk l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' biċikletti u roti oħrajn (inklużi triċikletti għat-tqassim, iżda esklużi l-uniċikletti), mhux bil-mutur, ikkunsinnati mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija u kemm jew le, li attwalment jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM ex87120030 u ex87120070 (il-kodiċi TARIC 8712003010 u 8712007091) humiex qed jevitaw il-miżuri imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 990/2011.
Artikolu 2 L-awtoritajiet Doganali, skont l-Artikolu 13(3) u l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni identifikati fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament. Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa' xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni, permezz ta' regolament, tista' titlob lill-awtoritajiet Doganali jwaqqfu r-reġistrazzjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' prodotti manifatturati minn produtturi li jkunu applikaw għal eżenzjoni mir-reġistrazzjoni u li jkunu nstabu li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-għoti ta' eżenzjoni.
Artikolu 3
1. Il-kwestjonarji għandhom jintalbu mill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2. Biex ir-rappreżentazzjonijiet tagħhom jitqiesu waqt l-investigazzjoni, il-partijiet interessati jridu jippreżentaw ruħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jibagħtu t-tweġibiet għall-kwestjonarju jew kwalunkwe informazzjoni oħra fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm mhux speċifikat mod ieħor.
3. Il-produtturi fl-Indoneżja, il-Malasja is-Sri Lanka u t-Tuneżija li jitolbu eżenzjoni mir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet jew mill-miżuri, għandhom iressqu talba sostnuta b'evidenza xierqa fl-istess limitu taż-żmien ta' 37 jum.
4. Il-partijiet interessati jistgħu wkoll japplikaw sabiex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu taż-żmien ta' 37 jum.
5. Il-partijiet interessati jeħtieġ li jagħmlu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha f'format elettroniku (sottomissjonijiet li mhumiex kunfidenzjali permezz tal-posta elettronika, dawk kunfidenzjali fuq CD-R/DVD), u jridu jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tagħhom. Madankollu, kull Prokura, kull ċertifikazzjoni ffirmata, u kull aġġornament tagħhom, li jakkumpanjaw it-tweġibiet għall-kwestjonarju għandhom jitressqu fuq karta, jiġifieri bil-posta jew bl-idejn, fl-indirizz ta' hawn taħt. Jekk xi parti interessata ma tkunx tista' tagħti s-sottomissjonijiet u t-talbiet tagħha f'format elettroniku, din għandha tgħarraf minnufih lill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament bażiku. Għal aktar informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġna tal-web rilevanti fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/trade-defence. Kull sottomissjoni bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f'dan ir-Regolament, it-tweġibiet għall-kwestjonarju u l-korrispondenza mogħtija mill-partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali trid tkun immarkata Limited (Ristrett) u, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, għandha tkun akkumpanjata minn verżjoni mhux kunfidenzjali, li għandha tkun immarkata For inspection by interested parties (Għall-ispezzjoni minn partijiet interessati). L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza: European Commission Directorate-General for Trade Directorate H Office: N105 08/020 1049 Bruxelles/Brussel BELGIQUE/BELGIË Faks +32 22985353 L-indirizz elettroniku: TRADE-R563-BICYCLES-CIRC@ec.europa.eu
Artikolu 4 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Settembru 2012. Għall-Kummissjoni Il-President José Manuel Barroso