Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1063/2013 tat-30 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2454/93 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità fir-rigward tal-użu tas-sistema ta’ ekwivalenza fis-settur taz-zokkor
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2013/1063@2013-10-30/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, u b’ mod partikolari l-Artikolu 247 tiegħu,
Billi:
(1) Il-Punt 3 tal-Anness 74 għar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 jippermetti l-użu tas-sistema ta’ ekwivalenza bejn iz-zokkor tal-kannamieli mhux raffinat (kodiċi NM 17011190) u zokkor tal-pitravi mhux raffinat (kodiċi NM 17011290) bil-kundizzjoni li jinkisbu l-prodotti ta’ kumpens li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 17019910 (zokkor abjad).
(2) Madankollu, il-punt 3 tal-Anness 74 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 ma jistax jiġi applikat b’mod korrett minħabba li m’hemmx suq għal zokkor tal-pitravi mhux raffinat fl-Unjoni.
(3) Għandha tinstab soluzzjoni li tiżgura ċertezza legali fis-settur taz-zokkor f’konnessjoni mal-użu ta’ prodotti ekwivalenti.
(4) Iz-zokkor abjad jinkiseb normalment minn konsenja ta’ zokkor tal-pitravi fi proċess kontinwu. Iz-zokkor tal-pitravi mhux raffinat ma jiġix prodott bħala prodott separat waqt dan il-proċess u għalhekk ma jistax jitqiegħed fis-suq. Minħabba din ir-raġuni, huwa xieraq li l-użu ta’ zokkor tal-pitravi jkun permess minflok zokkor tal-pitravi mhux raffinat bħala oġġetti ekwivalenti.
(5) Ir-rendiment taz-zokkor tal-kannamieli mhux raffinat għandu jkun ukkalkulat f’konformità mal-punt III (3) tal-Parti B tal-Anness IV għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 minħabba li dan huwa metodu ta’ kalkolu speċifiku fis-settur taz-zokkor.
(6) Ir-referenzi għall-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda (NM) fil-punt 3 tal-Anness 74 għar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 għandhom jiġu aġġornati minħabba t-tibdil fin-NM.
(7) Il-Punt 3 tal-Anness 74 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 għandu għalhekk jiġi emendat kif xieraq.
(8) Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 3.
Il-Punt 3 tal-Anness 74 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 hu mibdul b’dan li ġej: Zokkor Rikors għall-użu ta’ prodotti ekwivalenti huwa permess bejn iz-zokkor tal-kannamieli mhux raffinat li mhux tal-Unjoni (kodiċi NM 17011390 u/jew 17011490) u z-zokkor tal-pitravi (kodiċi NM 12129180) bil-kundizzjoni li jinkisbu l-prodotti ta’ kumpens li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 17019910 (zokkor abjad). Il-kwantità ekwivalenti taz-zokkor tal-kannamieli mhux raffinat ta’ kwalità standard kif definit fil-punt III tal-Parti B tal-Anness IV għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tiġi kkalkolata billi ssir multiplikazzjoni tal-kwantità ta’ zokkor abjad bil-koeffiċjent 1,0869565. Il-kwantità ekwivalenti taz-zokkor tal-kannamieli mhux raffinat ta’ kwalità standard tiġi kkalkolata billi ssir multiplikazzjoni tal-kwantità ta’ zokkor abjad b’koeffiċjent miksub billi ssir diviżjoni ta’ 100 bir-rendiment taz-zokkor tal-kannamiela mhux raffinat. Ir-rendiment ta’ zokkor tal-kannamiela mhux raffinat jiġi kkalkulat kif stabbilit fil-punt III (3) tal-parti B tal-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.
Artikolu 2 Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Ottubru 2013. Għall-Kummissjoni Il-President José Manuel Barroso