Gelex

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 385/2013 tat-22 ta’ April 2013 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

In forceVersion 2013-04-22from 2013-05-17
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2013/385@2013-04-22/mt

Contents
  1. Preamble
  2. ANNEX

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni, u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1) Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifika tal-prodotti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2) Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqha, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet tal-Unjoni speċifiċi, bil-għan tal-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3) Skont dawn ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ din it-tabella.

(4) Hu f’loku li jkun ipprovdut li informazzjoni tariffarja li torbot u li nħarġet mill-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri rigward il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda, iżda li mhijiex skont dan ir-Regolament, tkun tista’, għal perjodu ta’ tliet xhur, tibqa’ tkun invokata mid-detentur, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità.

(5) Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1 L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ din it-tabella.

Artikolu 2 Informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffa, maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li mhijiex skont dan ir-Regolament, tista’ tkompli tkun invokata għal perjodu ta’ tliet xhur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

Artikolu 3 Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ April 2013. Għall-Kummissjoni, F'isem il-President, Algirdas Šemeta Membru tal-Kummissjoni

ANNEX

ANNESS

Deskrizzjoni tal-oġġetti Klassifikazzjoni (Kodiċi NM) Raġunijiet (1) (2) (3) Prodott magħmul minn 25 wipes magħmula minn drappijiet mhux minsuġa b’daqs ta’ madwar 15 cm × 20 cm kull biċċa, li jkunu ġo borża tal-plastik għall-bejgħ bl-imnut. Fost ingredjenti oħrajn dawn il-biċċiet huma mxappin b’ilma, żejt tal-fażola tas-sojja, żejt tal-lewż ħelu (Prunus dulcis), alkoħol ċetiliku, gomma ta’ xanthan, fwieħa, ċitronellol, ġeranjol, gliċerina, tetrasodju EDTA u kokoamfodiaċetat tad-disodju. Skont it-tagħrif mogħti l-prodott jintuża biex jitneħħa l-make-up, jingħalqu l-pori u biex jippurufika ġielda normali u ta’ tip żejtnija u xotta. 33049900 Il-Klassifikazzjoni hija stabbilita mir-Regoli Ġenerali 1, 3(b) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, in-Nota 2(e) tat-Taqsima VI, in-Nota 4 tal-Kapitolu 33 kif ukoll il-kliem tal-kodiċijiet NM 3304 u 33049900. L-aġent attiv fil-wiċċ (kokoamfodiaċetat tad-disodju) li jinsab fil-prodott ma jagħtix lill-prodott il-karattru essenzjali hekk kif għandu biss il-funzjoni ta’ emulsjonant. Konsegwentament il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 3401 hija eskluża (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni dwar is-Sistema Armonizzata tal-intestatura 3401, esklużjoni (c)). In-Nota 4 tal-Kapitolu 33 ma tistax tiġi applikata hekk kif il-karattru essenzjali tal-prodott huwa dak tal-kura tal-ġilda. Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 3307 hija eskluża wkoll. Hekk kif il-prodott jintuża biex jitneħħa l-make-up, jingħalqu l-pori u jippurifika l-ġilda huwa preparat għall-kura tal-ġilda (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni dwar is-Sistema Armonizzata tal-intestatura 3304). Għaldaqstant il-prodott għandu jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 3304 bħala preparat għall-kura tal-ġilda.

Versions

  1. 2013-04-22