Deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2013 li testendi l-perijodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri xierqa stabbiliti għar-Repubblika tal-Ginea bid-Deċiżjoni 2011/465/UE u li temenda dik id-Deċiżjoni (2013/386/UE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2013/386@2013-07-15/mt
Contents
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000, kif emendat l-aħħar f’Ouagadougou fit-22 ta’ Ġunju 2010 (il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE), u b’mod partikolari l-Artikolu 96 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, dwar miżuri li għandhom jittieħdu u proċeduri li għandhom ikunu segwiti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE, u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/465/UE tistabbilixxi miżuri xierqa għar-Repubblika tal-Ginea (minn hawn ‘il quddiem il-Ginea) skont l-Artikolu 96(2)(c) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE.
(2) Din id-Deċiżjoni, estiża u emendata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/404/UE, tistabbilixxi żewġ kundizzjonijiet biex terġa’ tibda l-kooperazzjoni mar-Repubblika tal-Ginea, jiġifieri t-tfassil ta’ skeda ta’ żmien dettaljata u l-adozzjoni tagħha mill-awtoritajiet kompetenti għaż-żamma tal-elezzjonijiet parlamentari sal-aħħar tal-2012, u ż-żamma ta’ elezzjonijiet parlamentari ħielsa u trasparenti.
(3) Wara t-trasmissjoni mill-President tal-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti tal-Ginea ta’ skeda ta’ żmien elettorali għaż-żamma tal-elezzjonijiet fit-12 ta’ Mejju 2013, il-Kunsill ikkunsidra li l-ewwel punt ta’ riferiment minnhom kien intlaħaq.
(4) Il-perijodu ta’ validità tad-Deċiżjoni 2011/465/UE, kif estiż u emendat bid-Deċiżjoni 2012/404/UE, huwa sad-19 ta’ Lulju 2013.
(5) Fit-13 ta’ April 2013, digriet presidenzjali stabbilixxa t-30 ta’ Ġunju 2013 bħala d-data tal-elezzjonijiet parlamentari. L-iskadenza legali għall-pubblikazzjoni tar-riżultati finali tal-elezzjonijiet mill-Qorti Suprema tar-Repubblika tal-Ginea tmur lil hinn mid-19 ta’ Lulju 2013.
(6) Għaldaqstant huwa meħtieġ li jiġi estiż il-perijodu tal-applikazzjoni tal-miżuri xierqa stabbiliti fid-Deċiżjoni 2011/465/UE għal perijodu ta’ 12-il xahar. Huwa neċessarju wkoll li tiġi estiża sa tmiem Ottubru 2013 l-iskadenza stabbilita fiha għaż-żamma tal-elezzjonijiet parlamentari fil-Ginea,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2011/465/UE, id-data 19 ta’ Lulju 2013 hija mibdula bid-data 19 ta’ Lulju 2014.
Artikolu 2 L-iskadenza għall-impenn tar-Repubblika tal-Ginea li żżomm elezzjonijiet parlamentari liberi u trasparenti, kif stabbilit fil-miżuri xierqa fl-Anness għad-Deċiżjoni 2011/465/UE, hija estiża sal-31 ta’ Ottubru 2013.
Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Lulju 2013. Għall-Kunsill Il-President V. Jukna