Direttiva 2013/58/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li temenda d-Direttiva 2009/138/KE (Solvenza II) rigward id-data tat-traspożizzjoni tagħha u d-data tal-applikazzjoni tagħha, u d-data tat-tħassir ta’ ċerti Direttivi (Solvenza I) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2013/58@2013-12-11/mt
Contents
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 53(1) u 62 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Waqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja,
Billi:
(1) Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tipprovdi sistema moderna bbażata fuq ir-riskju għar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tal-impriżi Ewropej tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni tal-Unjoni. Dik is-sistema hija essenzjali sabiex jiġi żgurat settur tal-assigurazzjoni sikur u solidu li jista’ jipprovdi prodotti tal-assigurazzjoni sostenibbli u jappoġġa l-ekonomija reali permezz ta’ investimenti fit-tul u stabbiltà addizzjonali.
(2) Id-Direttiva 2011/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tagħmel ċertu emenfi fl-Artikoli 212 sa 262 tad-Direttiva 2009/138/KE li għandhom isiru applikabbli mill-10 ta’ Ġunju 2013.
(3) Id-Direttiva 2012/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill temenda d-Direttiva 2009/138/KE billi tipposponi d-data għat-traspożizzjoni mill-31 ta’ Ottubru 2012 għat-30 ta’ Ġunju 2013, id-data tal-applikazzjoni mill-1 ta’ Novembru 2012 għall-1 ta’ Jannar 2014 u d-data tat-tħassir tad-Direttivi ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni eżistenti (imsejħa kollettivament Solvenza I) mill-1 ta’ Novembru 2012 sal-1 ta’ Jannar 2014
(4) Fid-19 ta’ Jannar 2011 il-Kummissjoni adottat proposta (il-proposta Omnibus II) biex temenda, inter alia, id-Direttiva 2009/138/KE sabiex tieħu kont tal-arkitettura ta’ superviżjoni l-ġdida għall-assigurazzjoni u l-aktar it-twaqqif tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) (EIOPA). Il-proposta Omnibus II tinkludi wkoll proviżjonijiet biex tipposponi d-data ta' transpożizzjoni u d-data ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2009/138/KE u d-data ta' tħassir ta' Solvenza I, u sservi wkoll bħala mezz biex id-Direttiva 2009/138/KE tiġi adattata għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea billi temenda d-dispożizzjonijiet li jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni b’ dispożizzjonijiet li jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti ddelegati u ta’ implimentazzjoni.
(5) Minħabba l-kumplessità tal-proposta Omnibus II, hemm riskju li mhux se tkun daħlet fis-seħħ qabel id-data tat-trspożizzjoni u d-data ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/138/KE. Jekk dawk id-dati ma jinbidlux, id-Direttiva 2009/138/KE tiġi implimentata qabel id-dħul fis-seħħ tar-regoli tranżitorji u l-adattamenti rilevanti, inkluż aktar kjarifika ta’ għoti ta’ setgħat ta’ atti ddelegati u ta’ implimentazzjoni, pprovduti mill-proposta Omnibus II.
(6) Sabiex jiġu evitati obbligi leġislattivi ta’ piż żejjed għall-Istati Membri skont id-Direttiva 2009/138/KE u aktar tard skont l-arkitettura superviżorja l-ġdida prevista mill-proposta Omnibus II, huwa għalhekk xieraq li d-data għat-traspożzzjoni u d-data tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/138/KE jiġu posposti biex is-superviżuri u l-impriżi ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni jingħataw biżżejjed ħin biex jippreparaw għall-applikazzjoni ta’ dik l-arkitettura superviżorja l-ġdida.
(7) Huwa evidenti mill-ordni kronoloġiku tal-ġrajjiet li d-dati posposti għat-traspożizzjoni u d-data tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/138/KE, għandhom japplikaw ukoll għall-emendi li sarulha mid-Direttiva 2011/89/KE.
(8) Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, id-data tat-tħassir tas-Solvenza I għandha tiġi posposta skont dan.
(9) Minħabba l-perjodu qasir ħafna ta’ żmien li fadal qabel id-dati rilevanti stabbiliti fid-Direttiva 2009/138/KE, din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ mingħajr dewmien.
(10) Konsegwentement, huwa wkoll iġġustifikat li tiġi applikata l-eċċezzjoni għal każijiet urġenti pprovduti fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea f’dan il-każ fir-rigward tat-trażmissjoni lill-parlamenti nazzjonali tal-proposta għal din id-Direttiva,
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1 Id-Direttiva 2009/138/KE hija emendata kif ġej:
Artikolu 1
1. l-Artiklu 309(1) huwa emendat kif ġej:
1.
(a) fl-ewwel subparagrafu, id-data tat-30 ta’ Ġunju 2013 tinbidel b’dik tal-31 ta’ Marzu 2015;
(b) fit-tieni subparagrafu, id-data tal-1 ta’ Jannar 2014 tinbidel b’dik tal-1 ta’ Jannar 2016.
2. Fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 310, id-data tal-1 ta’ Jannar 2014 tinbidel b’dik tal-1 ta’ Jannar 2016.
3. Fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 311, id-data tal-1 ta’ Jannar 2014 tinbidel b’dik tal-1 ta’ Jannar 2016.
Artikolu 2 Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 3 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta’ Diċembru 2013. Għall-Parlament Ewropew Il-President M. Schulz Għall-Kunsill Il-President V. Leškevičius