Deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2013 dwar l-iffirmar tal-Ftehim, f’isem l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Franċiża li jikkonċerna l-applikazzjoni, f’dak li jirrigwarda l-kollettività ta’ Saint-Barthélemy, tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-taxxa fuq it-tfaddil u l-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa (2013/671/UE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2013/671@2013-11-15/mt
Contents
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 113 u 115 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(5) u it-tieni paragrafu tal-Artikolu 218(8),
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) F’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew Nru 2010/718/UE il-gżira ta’ Saint-Barthélemy ma baqgħetx reġjun ultraperiferiku tal-Unjoni Ewropea b’effett mill-1 ta’ Jannar 2012 u kisbet l-istatus ta’ pajjiż jew ta’ territorju extra-Ewropew kif imsemmi fil- Parti Erbgħa tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Ir-Repubblika Franċiża kienet obbligat ruħha li tikkonkludi l-ftehimiet meħtieġa sabiex jiġu miżmuma l-interessi tal-Unjoni f’din il-bidla, sabiex jiġu garantiti fost l-oħrajn l-mekkaniżmi tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE u tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE japplikaw bl-istess mod fir-rigward ta’ Saint-Barthélemy wara l-bidla fl-istatus tagħha.
(2) B’segwitu għall-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kunsill fl-20 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni nnegozjat Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Franċiża rigward l-applikazzjoni għall-kollettività ta’ Saint-Barthélemy tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-taxxa fuq it-tfaddil u l-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa (minn hawn ’il quddiem il-Ftehim).
(3) L-iskop tal-Ftehim hu li jiggarantixxi li l-mekkaniżmi tad-Direttivi 2011/16/UE u 2003/48/KE, li huma maħsuba b’mod partikolari biex jiġġieldu kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa transfruntiera, jibqgħu japplikaw għal Saint-Barthélemy, minkejja l-bidla fl-istatus tagħha.
(4) Il-Ftehim għandu jkun iffirmat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data ulterjuri,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI,
Artikolu 1 L-iffirmar f’isem l-Unjoni tal-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Franċiża li jikkonċerna l-applikazzjoni għall-kollettività ta’ Saint-Barthélemy, tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-taxxa fuq it-tfaddil u l-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim. It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni.
Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Novembru 2013. Għall-Kunsill Il-President R. Šadžius