Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2013 li timplimenta r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (2013/797/UE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2013/797@2013-12-16/mt
Contents
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 291(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, u b’mod partikolari l-Artikolu 26(3) tiegħu,
Billi:
(1) Fil-15 ta' Ottubru 2013, il-Kunsill adotta r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu.
(2) L-ippjanar u l-eżekuzzjoni tal-kompiti kkonferiti lill-BĊE għandhom jitwettqu b'mod sħiħ minn korp intern magħmul mill-President u l-Viċi President tiegħu u erba’ rappreżentanti tal-BĊE u rappreżentant wieħed tal-awtorità kompetenti nazzjonali f’kull Stat Membru parteċipanti (Bord Superviżorju).
(3) Il-Bord Superviżorju għandu jkun korp essenzjali fit-twettiq ta’ kompiti superviżorji mill-BĊE, kompiti li sa issa dejjem kienu f’idejn l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali. Għal din ir-raġuni, il-Kunsill għandu jingħata s-setgħa li jadotta deċiżjoni ta' implimentazzjoni sabiex jaħtar fost l-oħrajn il-President tal-Bord Superviżorju.
(4) F'konformità mal-Artikolu 26(3) tar-Regolament imsemmi hawn fuq, u wara li sama' l-Bord Superviżorju, il-BĊE ippreżenta proposta għall-ħatra tal-President tal-Bord Superviżorju lill-Parlament Ewropew għall-approvazzjoni fit-22 ta' Novembru. Il-Parlament Ewropew approva din il-proposta fil-11 ta' Diċembru.
(5) Sussegwentement, fil-11 ta' Diċembru 2013, il-BĊE ppreżenta lill-Kunsill proposta għall-ħatra tal-President tal-Bord Superviżorju.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Is-Sinjura Danièle NOUY hija maħtura President tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew.
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2013. Għall-Kunsill Il-President V. Jukna