Gelex

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar in-notifika mir-Renju ta’ Spanja ta’ pjan nazzjonali tranżizzjonali msemmi fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emissjonijiet industrijali (notifikata bid-dokument C(2013) 9089) (It-test bl-Ispanjol biss huwa awtentiku) (2013/799/UE)

In forceVersion 2013-12-17from 2013-12-18
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2013/799@2013-12-17/mt

Contents
  1. Preamble
  2. Artikolu 1
  3. 2.
  4. ANNEX
  5. ANNESS I LISTA TA’ IMPJANTI INKLUŻI FIT-TNP
  6. ANNESS II LISTA TAD-DEJTA MSEMMIJA FIL-PUNT (E) TAL-ARTIKOLU 1(2) 1.2.3.

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis), u b’mod partikolari l-Artikolu 32(5) tagħha,

Billi:

(1) Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(5) tad-Direttiva 2010/75/UE, ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta lill-Kummissjoni pjan nazzjonali tranżizzjonali (TNP) permezz ta’ ittra elettronika fil-21 ta’ Diċembru 2012 u permezz ta’ ittra uffiċjali tat-28 ta’ Diċembru 2012, li waslet għand il-Kummissjoni fit-2 ta’ Jannar 2013.

(2) It-TNP ġie vvalutat skont l-Artikolu 32(1), (3) u (4) tad-Direttiva 2010/75/UE u skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/115/UE.

(3) Matul il-valutazzjoni tagħha tal-kompletezza tat-TNP ippreżentat mir-Renju ta’ Spanja, il-Kummissjoni sabet li ħafna impjanti inklużi fit-TNP ma kinux jaqblu mal-impjanti rreġistrati fl-inventarju tal-emissjonijiet tal-2009 li ġie ppreżentat mir-Renju ta’ Spanja b’konformità mad-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Il-Kummissjoni skopriet ukoll li fil-każ tal-impjant 5, il-kontribuzzjoni għal-limitu massimu tat-TNP għall-SO2 għall-perjodu 2001-2007 kienet ikkalkulata fuq il-bażi tar-rata ta’ desulfurizzazzjoni minima, u għall-perjodu 2008–2010 dik il-kontribuzzjoni kienet iddeterminata permezz tal-metodu ta’ valur ta’ limitu tal-emissjonijiet, filwaqt li l-kundizzjonijiet għall-użu ta’ dan l-approċċ ma kinux sodisfatti.

(4) Billi d-diskrepanzi bejn id-dejta fit-TNP u fl-inventarju tal-emissjonijiet skont id- Direttiva 2001/80/KE xekklu l-valutazzjoni tat-TNP, il-Kummissjoni, fl-ittra tagħha tal-11 ta’ Ġunju 2013, talbet lir-Renju ta’ Spanja jipprovdi kjarifika għad-differenzi li nstabu. Il-Kummissjoni talbet ukoll lir-Renju ta’ Spanja biex jikkalkula mill-ġdid il-kontribuzzjoni tal-impjant 5 għal-limitu massimu tat-TNP għall-SO2.

(5) Permezz tal-ittra tat-28 ta’ Ġunju 2013, ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta informazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni li pprovdiet kjarifika dwar id-differenzi bejn l-informazzjoni fit-TNP u l-inventarju tal-emissjonijiet tal-2009 skont id- Direttiva 2001/80/KE. F’dik l-ittra, ir-Renju ta’ Spanja stqarr ukoll li ma kienx hemm bżonn li tiġi eżaminata l-kontribuzzjoni tal-impjant 5 għal-limitu massimu tat-TNP għall-SO2.

(6) Wara valutazzjoni ulterjuri tat-TNP u l-informazzjoni addizzjonali ppreżentata mir-Renju ta’ Spanja, il-Kummissjoni bagħtet it-tieni ittra lir-Renju ta’ Spanja fid-19 ta’ Settembru 2013, li fiha kkonfermat il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-użu tal-metodu bir-rata ta’ desulfurizzazzjoni minima għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni tal-impjant 5 għal-limiti massimi tat-TNP għall-SO2. Il-Kummissjoni rrimarkat ukoll li fil-każ tal-impjant 2, ir-Renju ta’ Spanja kien uża valur ta’ limitu tal-emissjonijiet għall-SO2 ta’ 800 mg/Nm3 biex jikkalkula l-kontribuzzjoni tal-impjant għal-limitu massimu tat-TNP għall-2016, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2001/80/KE, li l-Kummissjoni kkunsidrat li ma japplikawx għal dan il-għan. Il-Kummissjoni nnutat ukoll li għal disa’ impjanti, intuża valur ta’ limitu tal-emissjonijiet għall-NOx ta’ 1200 mg/Nm3 biex jikkalkula l-kontribuzzjoni tagħhom għal-limitu massimu tat-TNP għall-2016, fuq il-bażi tan-Nota 2 mat-Tabella C.1 fl-Appendiċi C tal-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/115/UE, iżda ma ġiet ipprovduta l-ebda informazzjoni dwar il-kontenut volatili tal-fjuwil solidu li ntuża f’dawn l-impjanti, li b’xi mod tista’ tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din in-Nota. Il-Kummissjoni talbet ukoll lir-Renju ta’ Spanja għal aktar informazzjoni dwar il-miżuri previsti għal kull wieħed mill-impjanti inklużi fit-TNP sabiex tiġi żgurata konformità f’waqtha mal-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet li se japplikaw mill-1 ta’ Lulju 2020. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni talbet lir-Renju ta’ Spanja jipprovdi dejta addizzjonali għall-impjanti li jużaw diversi tipi ta’ fjuwils jew li jikkonsistu f’tipi ta’ impjanti differenti f’dak li jirrigwarda l-ammont ta’ fjuwil użat, il-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet, ir-rati medji tal-fluss tal-gass tal-iskart u l-fatturi ta’ konverżjoni għal kull wieħed mill-fjuwils użati jew għal kull wieħed mit-tipi ta’ impjanti separatament.

(7) Fl-ittra tiegħu tat-30 ta’ Settembru 2013, ikkompletata b’ittra tal-10 ta’ Ottubru 2013, ir-Renju ta’ Spanja rrisponda għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni u pprovda dejta addizzjonali. Fil-każ tal-impjant 2, ir-Renju ta’ Spanja tenna l-fehma tiegħu li ma kienx hemm bżonn li jinbidel il-valur ta’ limitu tal-emissjonijiet għall-SO2 użat peress li huwa kkunsidrat li l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2001/80/KE kien japplika f’dan ir-rigward. Fil-każ tal-impjant 5, ir-Renju ta’ Spanja kompla jargumenta li hu kien intitolat juża taħlita tal-metodu bir-rata ta’ desulfurizzazzjoni minima u l-metodu bil-valur ta’ limitu tal-emissjonijiet. Ir-Renju ta’ Spanja pprovda informazzjoni dwar il-kontenut volatili tal-fjuwil solidu użat fil-perjodu 2001-2010 minn disa’ impjanti li għalihom kien ġie applikat valur ta’ limitu tal-emissjonijiet għall-NOx ta’ 1200 mg/Nm3 biex jiġi kkalkulat il-limitu massimu għall-2016, u dan wera li kien biss fil-każ tal-impjanti 3, 4 u 19 li l-kontenut volatili medju annwali tal-fjuwil solidu użat kien inqas minn 10 % fis-sena bejn l-2001 u l-2010, filwaqt li fil-każ tal-impjanti 13, 15, 17, 18, 24 u 25 il-livell medju annwali kien aktar minn 10 % f’sena waħda jew aktar. Ir-Renju ta’ Spanja argumenta li għad-disa’ impjanti kollha kemm huma, il-valur medju tal-kontenut volatili matul il-perjodu ta’ referenza kollu (2001-2010) kien inqas mill-valur imsemmi fin-Nota 2 mat-Tabella C.1 fl-Appendiċi C tal-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/115/UE.

(8) Fuq il-bażi tal-informazzjoni li waslet mingħand l-awtoritajiet Spanjoli fit-30 ta’ Settembru 2013 u fl-10 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni nnutat li fil-każ tal-impjanti li jużaw diversi tipi ta’ fjuwils, li għalihom ġew ipprovduti l-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet għall-fjuwils kollha użati, u għal impjant wieħed li għalih ġie pprovdut il-valur ta’ limitu tal-emissjonijiet medju għall-fjuwils kollha użati, huwa meħtieġ li jiġi ċċarat kif ġew ikkalkulati l-kontribuzzjonijiet għal-limiti massimi kollha minn dawk l-impjanti, u jiġu speċifikati l-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet u r-rati medji annwali tal-fluss tal-gass tal-iskart użat għal kull wieħed mill-fjuwils użati f’dawn l-impjanti.

(9) Wara l-valutazzjoni finali tat-TNP ippreżentat mir-Renju ta’ Spanja, kif emendat skont l-informazzjoni addizzjonali, u li jinkludi l-impjanti kbar tal-kombustjoni elenkati fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni identifikat tliet elementi ewlenin li mhumiex konformi mad-dispożizzjonijiet applikabbli, kif ġej:

fil-każ tal-impjant 2: il-Kummissjoni tikkunsidra l-applikazzjoni tal-valur ta’ limitu tal-emissjonijiet ta’ 800 mg/Nm3 għall-SO2 għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni tiegħu għal-limitu massimu tat-TNP għall-2016 fuq il-bażi tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2001/80/KE, billi m’hemmx referenza għal dak il-valur ta’ limitu tal-emissjonijiet fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tad-Direttiva 2010/75/UE bħala mhux adegwata;

fil-każ tal-impjant 5: il-Kummissjoni tikkunsidra l-metodu għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni tiegħu għal-limitu massimu tat-TNP għall-SO2, li juża kemm l-approċċ bir-rata ta’ desulfurizzazzjoni minima kif ukoll l-approċċ bil-valur ta’ limitu tal-emissjonijiet, bħala mhux adegwat;

fil-każ tal-impjanti 13, 15, 17, 18, 24 u 25: il-Kummissjoni tikkunsidra l-applikazzjoni tal-valur ta’ limitu tal-emissjonijiet ta’ 1200 mg/Nm3 għall-NOx għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni tagħhom għal-limitu massimu tat-TNP għall-2016, billi l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan il-valur ta’ limitu tal-emissjonijiet, li huma stipulati fin-Nota 2 mat-Tabella C1 fl-Appendiċi C tal-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/115/UE mhumiex sodisfatti, bħala mhux adegwata.

(10) Barra minn hekk, il-Kummissjoni identifikat diversi impjanti fit-TNP fejn l-informazzjoni għadha inkonsistenti u/jew fejn trid tintbagħat dejta li għadha nieqsa. Il-lista sħiħa tad-dejta nieqsa u t-talbiet għal kjarifika hija inkluża fl-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni.

(11) Għaldaqstant, it-TNP innotifikat mir-Renju ta’ Spanja ma għandux jiġi aċċettat.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1. Il-pjan nazzjonali tranżizzjonali li r-Renju ta’ Spanja nnotifika lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 32(5) tad-Direttiva 2010/75/UE fl-14 ta’ Diċembru 2012, li jinkludi l-impjanti kbar tal-kombustjoni elenkati fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni, ma jikkonformax mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 32(1), (3) u (4) tad-Direttiva 2010/75/UE u fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/115/UE, u għaldaqstant, ma għandux jiġi aċċettat.

2. Jekk ir-Renju ta’ Spanja beħsiebu jimplimenta pjan nazzjonali tranżizzjonali skont l-Artikolu 32(5), huwa għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jindirizza, f’verżjoni eżaminata tal-pjan, l-elementi li ġejjin:

2.

(a) fil-każ tal-impjant 2, għandu jikkoreġi l-valur ta’ limitu tal-emissjonijiet għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni tiegħu skont il-limitu massimu għall-SO2 għall-2016; l-impjant mhuwiex eliġibbli li juża l-valur ta’ limitu tal-emissjonijiet ta’ 800 mg/Nm3 għall-SO2 għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni tiegħu għal-limitu massimu tat-TNP għall-2016 fuq il-bażi tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2001/80/KE, billi dak il-valur ta’ limitu tal-emissjonijiet mhuwiex imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tad-Direttiva 2010/75/UE;

(b) fil-każ tal-impjant 5, għandu jikkoreġi l-metodu applikat għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni tiegħu skont il-limitu massimu tat-TNP għall-SO2 għall-2016; dik il-kontribuzzjoni għandha tiġi kkalkulata għall-perjodu kollu 2001-2010 jew fuq il-bażi tar-rata ta’ desulfurizzazzjoni minimata, jew fuq il-bażi tal-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet;

(c) fil-każ tal-impjanti 13, 15, 17, 18, 24 u 25: għandu jikkoreġi l-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet applikati għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni tagħhom skont il-limitu massimu għall-NOx għall-2016; sabiex l-impjanti jkunu eliġibbli li jużaw il-valur ta’ limitu tal-emissjonijiet ta’ 1200 mg/Nm3, ir-Renju ta’ Spanja għandu juri li l-kontenut volatili medju annwali tal-fjuwil solidu użat fl-impjanti kien inqas minn 10 % fis-snin ta’ referenza kkunsidrati għat-TNP;

(d) għandu jaġġorna b’mod korrett il-limiti massimi tal-emissjonijiet totali għas-snin kollha kkalkulati skont il-valuri kkoreġuti msemmija fil-punti preċedenti;

(e) għandu jiċċara l-kwistjonijiet kollha u jikkumplimenta d-dejta kif imsemmi fl-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ Spanja.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2013. Għall-Kummissjoni Janez Potočnik Membru tal-Kummissjoni

ANNEX

ANNESS I LISTA TA’ IMPJANTI INKLUŻI FIT-TNP

Numru L-isem tal-impjant fit-TNP Kapaċità termali kklassifikata totali fil-31.12.2010 (MW) 1 C.T. Litoral I 1222 2 C.T. Litoral II 1268 3 C.T. Compostilla I (G2 u 3) 1332 4 C.T. Compostella I (G4 u 5) 1960 5 C.T. As Pontes 3800 6 C.T. Teruel (Andorra) 3000 7 C.T. Besós 3 (CTCC) 722 8 C.T. San Roque (G2) (CTCC) 711 9 C.T. Foix 1315 10 C.T. Los Barrios 1645 11 C.T. Puentenuevo 976 12 C.T. Tarragona I (CTCC) 676 13 C.T. Anllares 953 14 C.T. La Robla I 691 15 C.T. La Robla II 951 16 C.T. Meirama 1437 17 C.T. Narcea I 193 18 C.T. Narcea II 459 19 C.T. Narcea III 993 20 C.T. Aboño I 919 21 C.T. Aboño II 1364 22 C.T. Soto III 830 23 C.T. de Lada 4 986 24 C.T. de Velilla 1 430 25 C.T. de Velilla 2 1010 26 Central GICC Puertollano 670 27 San Ciprián I 147 28 San Ciprián II 147 29 San Ciprián IIII 147 30 Cogecan 93 31 Sniace Co-generation I 126 32 Sniace Co-generation II 126 33 Solal 146 34 Solvay I 376

ANNESS II LISTA TAD-DEJTA MSEMMIJA FIL-PUNT (E) TAL-ARTIKOLU 1(2) 1.2.3.

Fil-każ tal-impjant 6 li juża rata ta’ desulfurizzazzjoni ta’ 92 % fl-2016: għandha tingħata kjarifika jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan il-valur kif stipulat fit-tabella C3 fl-Appendiċi C tal-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/115/UE ikunu sodisfatti (ikun daħal fis-seħħ kuntratt għall-installazzjoni ta’ tagħmir għad-desulfurizzazzjoni mill-gassijiet tal-kombustjoni jew ta’ tagħmir ta’ injezzjoni tal-ġir, jew ikun beda x-xogħol fuq l-installazzjoni, qabel l-1 ta’ Jannar 2001). Fil-każ tal-impjanti 1, 2, 3, 4, 6, 13, 14, 15, 16, 18, 19, 20, 21, 22, 23, 24, 25, 30 u 34: għandha tingħata kjarifika dwar kif il-kontribuzzjonijiet minn dawn l-impjanti kienu kkalkulati mal-limiti massimi totali tat-TNP. Fil-każ tal-impjant 34: għandha tiġi pprovduta separatament dejta dwar ir-rati ta’ fluss tal-gass tal-iskart għal kull fjuwil użat f’dan l-impjant.

Versions

  1. 2013-08-21
  2. 2013-12-17