Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 876/2013 tat-28 ta’ Mejju 2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar il-kulleġġi għall-kontropartijiet ċentrali (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2013/876@2013-05-28/mt
Contents
- Preamble
- Artikolu 1 Determinazzjoni tal-aktar muniti rilevanti
- Artikolu 2 L-organizzazzjoni operattiva tal-kulleġġi
- Artikolu 3 Parteċipazzjoni fil-kulleġġi
- Artikolu 4 Governanza tal-kulleġġi
- 3.
- 4.
- Artikolu 5 Skambju ta’ informazzjoni fost l-awtoritajiet
- 2.
- Artikolu 6 Kondiviżjoni volontarja u delega tal-kompiti
- 2.
- Artikolu 7 Dħul fis-seħħ
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet u b’mod partikolari l-Artikolu 18(6) tiegħu,
Billi:
(1) Sabiex tiżgura funzjonament konsistenti u koerenti tal-kulleġġi madwar l-Unjoni huwa meħtieġ li jiġu speċifikati l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni fil-kulleġġi għas-CCPs biex jiġi ffaċilitat l-eżerċitar tal-kompiti speċifikati fir-Regolament (UE) Nru 648/2012.
(2) L-esklużjoni ta’ bank ċentrali tal-ħruġ ta’ munita rilevanti tal-Unjoni tal-istrumenti finanzjarji kklerjati fis-CCP ma taffettwax id-drittijiet tat-tali bank ċentrali tal-ħruġ li jitlob u jirċievi informazzjoni skont l-Artikolu 18(3) u l-Artikolu 84 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.
(3) L-attività ta’ CCP tista’ tkun rilevanti għal bank ċentrali tal-ħruġ partikolari fid-dawl tal-volumi kklerjati fil-munita maħruġa mit-tali bank ċentrali. Madankollu, ir-rilevanza ta’ munita għall-parteċipazzjoni ta’ bank ċentrali tal-ħruġ fil-kulleġġ tas-CCP għandha tkun determinata permezz tas-sehem irrappreżentat minn dik il-munita minn fost il-medja tal-pożizzjonijiet miftuħa ikklerjati tas-CCP, sabiex id-daqs tal-kulleġġ jinżamm proporzjonat.
(4) Biex ikun żgurat li l-laqgħat tal-kulleġġ jiksbu riżultat effettiv, l-għanijiet ta’ kwalunkwe laqgħa jew attività tal-kulleġġ għandhom jiġu identifikati b’mod ċar mill-awtorità kompetenti tas-CCP, b’konsultazzjoni mal-membri tal-kulleġġ. Dawk l-għanijiet għandhom jiġu ċċirkolati mal-parteċipanti minn ħafna qabel flimkien ma’ dokumentazzjoni ppreparata mill-awtorità kompetenti tas-CCP jew minn membri oħra tal-kulleġġ, sabiex toħloq diskussjoni effettiva.
(5) Il-funzjoni tal-kulleġġi hija li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tal-kompiti speċifikati fir-Regolament (UE) Nru 648/2012 u l-kompiti assenjati lill-membri tal-kulleġġ kif ukoll il-kompożizzjoni tagħhom, l-istabbiliment u l-immaniġġjar tal-kulleġġi ġew artikolati mil-leġiżlatur fir-Regolament bħala obbligi legali u, għalhekk, huma vinkolanti u direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha. Għall-funzjonament prattiku ta’ kulleġġ għandu jiġu adottat ftehim bil-miktub mill-membri ta’ dak il-kulleġġ. Sabiex jiġi żgurat l-użu ta’ ftehimiet bil-miktub standard fil-kulleġġi CCP kollha, li jkunu jinkorporaw l-aħjar prassi fl-operazzjonijiet tal-kulleġġ, approċċi konsistenti mill-awtoritajiet kompetenti, u biex jiġi ffaċilitat l-istabbiliment b’ħeffa tal-kulleġġi CCP sal-iskadenza stabbilita bl-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-AETS għandha toħroġ linji gwida u Rakkomandazzjonijiet skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2012 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq).
(6) Xejn f’dan l-Att ma għandu jippreġudika s-setgħa tal-Kummissjoni li tniedi proċeduri ta’ ksur skont l-Artikolu 258 tat-TFUE, kif ukoll l-azzjonijiet previsti fl-Artikoli 265 u 271(d) tat-TFUE.
(7) Biex jiġi żgurat l-iskambju ta’ informazzjoni fil-waqt u aġġornat fost il-membri tal-kulleġġ, il-kulleġġ għandu jiltaqa’ regolarment u jagħti l-opportunità lill-membri tal-kulleġġ jiddiskutu u jagħtu input għall-analiżi tal-awtorità kompetenti tal-arranġamenti, l-istrateġija, il-proċess u l-mekkaniżmu użati mis-CCP biex tikkonforma mar-Regolament (UE) Nru 648/2012, kif ukoll biex jiddiskutu l-evalwazzjoni tal-awtorità kompetenti tar-riskji li għalihom is-CCP tkun, jew tista’ tkun esposta u dawk li tista’ toħloq hi.
(8) Biex jiġi żgurat li l-opinjonijiet kollha tal-membri tal-kulleġġ jitqiesu kif xieraq, l-awtorità kompetenti għandha tagħmel l-almu tagħha biex tiżgura li kwalunkwe nuqqas ta’ ftehim fost l-awtoritajiet li ser isiru membri ta’ kulleġġ jiġu solvuti qabel tiffinalizza l-ftehim bil-miktub għall-istabbiliment u l-funzjonament tal-kulleġġ. L-AETS għandha tiffaċilita l-finalizzazzjoni tal-ftehim permezz tar-rwol tagħha ta’ medjazzjoni, fejn xieraq.
(9) Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji sottomess mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) lill-Kummissjoni.
(10) L-AETS ikkonsultat, fejn rilevanti, lill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku u lill-membri tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) qabel ma ssottomettiet l-abbozz tal-istandards tekniċi li fuqhom huwa msejjes dan ir-Regolament. Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, l-AETS wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar dan l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 Determinazzjoni tal-aktar muniti rilevanti
1. L-aktar muniti rilevanti tal-Unjoni għandhom jiġu identifikati abbażi tas-sehem relattiv ta’ kull munita fil-medja tal-pożizzjonijiet miftuħa ta’ tmiem il-jum tas-CCP fl-istrumenti finanzjarji kollha kklerjati mis-CCP, ikkalkulat fuq perjodu ta’ sena.
2. L-aktar muniti rilevanti tal-Unjoni jkunu t-tliet muniti bl-ogħla sehem relattiv ikkalkulat skont il-paragrafu 1 sakemm kull sehem individwali jaqbeż l-10 %.
3. Il-kalkolu tas-sehem relattiv tal-muniti għandu jiġi kkalkulat fuq bażi annwali.
Artikolu 2 L-organizzazzjoni operattiva tal-kulleġġi
1. Wara li tivvaluta li applikazzjoni tkun kompleta kif imsemmi fl-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-awtorità kompetenti tas-CCP għandha tiċċirkola proposta għal ftehim bil-miktub skont l-Artikolu 18(5) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 lill-membri tal-kulleġġ stabbilit skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Dak il-ftehim bil-miktub jinkludi proċess għal analiżi annwali. Għandu jinkludi wkoll proċess ta’ emendar li bih ikunu jistgħu jinbdew bidliet fi kwalunkwe ħin mill-awtorità kompetenti tas-CCP jew minn membri oħra tal-kulleġġ, soġġett għall-approvazzjoni mill-kulleġġ skont il-proċedura stabbilita f’dan l-Artikolu.
2. Fejn il-membri tal-kulleġġ imsemmija fil-paragrafu 1 ma jagħtu l-ebda kummenti fi żmien 10 ijiem tal-kalendarju, l-awtorità kompetenti tas-CCP għandha tipproċedi bl-adozzjoni tal-ftehim bil-miktub mill-kulleġġ u bl-istabbiliment tal-kulleġġ skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.
3. Fejn il-membri tal-kulleġġ jesprimu kummenti dwar il-proposta ta’ ftehim bil-miktub ċirkolat skont il-paragrafu 1, huma għandhom jissottomettu dawk il-kummenti flimkien ma’ spjegazzjoni bir-reqqa lill-awtorità kompetenti tas-CCP fi żmien 10 ijiem tal-kalendarju. Jekk rilevanti, l-awtorità kompetenti tas-CCP għandha tħejji proposta riveduta u tissejjaħ laqgħa biex jintlaħaq ftehim dwar il-ftehim bil-miktub finali filwaqt li titqies l-iskadenza msemmija fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.
4. Il-kulleġġ għandu jitqies stabbilit wara l-adozzjoni tal-ftehim bil-miktub.
5. Il-membri kollha tal-kulleġġ se jkunu marbuta bil-ftehim miktub adottat skont il-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 3 Parteċipazzjoni fil-kulleġġi
1. Meta ssir talba għal informazzjoni lil kulleġġ minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru li ma jkunx membru tal-kulleġġ skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-awtorità kompetenti tas-CCP, wara li tkun ikkonsultat lill-kulleġġ, għandha tiddeċiedi dwar l-aktar mod xieraq biex tipprovdi u titlob informazzjoni mingħand l-awtoritajiet li mhumiex membri tal-kulleġġ.
2. Kull membru tal-kulleġġ għandu jinnomina parteċipant wieħed biex jattendi l-laqgħat tal-kulleġġ u jista’ jinnomina sostitut wieħed, bl-eċċezzjoni tal-awtorità kompetenti tas-CCP li tista’ titlob aktar parteċipanti mingħajr drittijiet tal-vot.
3. Fejn il-bank ċentrali tal-ħruġ ta’ waħda mill-iżjed muniti rilevanti tal-Unjoni jikkorrispondi għal aktar minn bank ċentrali wieħed, il-banek ċentrali rilevanti jiddeterminaw rappreżentant uniku li se jipparteċipa fil-kulleġġ.
4. Meta awtorità jkollha d-dritt tipparteċipa fil-kulleġġ taħt aktar minn punt wieħed minn (c) sa (h) tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, tista’ taħtar parteċipanti oħra mingħajr dritt tal-vot.
5. Fejn skont dan l-Artikolu jkun hemm aktar minn parteċipant wieħed minn kulleġġ membru, jew ikun hemm aktar membri tal-kulleġġ li jappartjenu għall-istess Stat Membru mill-għadd ta’ voti li jistgħu jiġu eżerċitati minn dawk il-membri tal-kulleġġ skont l-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, dak il-membru tal-kulleġġ jew dawk il-membri tal-kulleġġ jinformaw lill-kulleġġ liema parteċipanti jeżerċitaw drittijiet tal-vot.
Artikolu 4 Governanza tal-kulleġġi
1. L-awtorità kompetenti tas-CCP għandha tiżgura li l-ħidma tal-kulleġġ tiffaċilita l-kompiti li jridu jitwettqu skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012.
2. Il-Kulleġġ għandu jinnotifika lill-AETS bi kwalunkwe kompitu li jwettaq il-kulleġġ skont il-paragrafu 1. L-AETS ikollha rwol ta’ koordinazzjoni fil-monitoraġġ tal-kompiti mwettqa minn kulleġġ u għandha tiżgura li kemm jista’ jkun l-għanijiet tiegħu huma konformi ma’ dawk ta’ kulleġġi oħra.
3. L-awtorità kompetenti tas-CCP mill-inqas għandha tiżgura li:
3.
(a) l-għanijiet ta’ kull laqgħa jew attività tal-kulleġġ ikunu identifikati b’mod ċar;
(b) il-laqgħat jew l-attivitajiet tal-kulleġġ jibqgħu effettivi, filwaqt li tiżgura li l-membri kollha tal-kulleġġ ikunu infurmati bis-sħiħ dwar l-attivitajiet tal-kulleġġ li jkunu rilevanti għalihom;
(c) l-iskeda għal-laqgħat jew l-attivitajiet tal-kulleġġ tkun ddefinita b’tali mod li r-riżultat tagħha jipprovdi assistenza għas-superviżjoni tas-CCP;
(d) is-CCP u partijiet interessati ewlenin oħra jkollhom fehim ċar tar-rwol u l-funzjonament tal-kulleġġ;
(e) l-attivitajiet tal-kulleġġ jiġu analizzati regolarment u tittieħed azzjoni ta’ rimedju jekk il-kulleġġ ma jkunx qed jaħdem b’mod effettiv;
(f) fl-aġenda jkun hemm laqgħa annwali ta’ ppjanar għall-immaniġġjar tal-kriżijiet fost il-membri tal-kulleġġ b’kooperazzjoni mas-CCP jekk meħtieġ.
4. Biex tiġi żgurata l-effiċjenza u l-effikaċja tal-kulleġġ, l-awtorità kompetenti tas-CCP taġixxi bħala punt ċentrali ta’ kuntatt għal kwalunkwe kwistjoni relatata mal-organizzazzjoni prattika tal-kulleġġ. L-awtorità kompetenti tas-CCP għandha mill-inqas twettaq il-kompiti li ġejjin:
4.
(a) tfassil, aġġornament u ċirkolazzjoni tal-lista tal-kuntatti tal-membri tal-kulleġġ;
(b) ċirkolazzjoni tal-aġenda kif ukoll dokumentazzjoni għal-laqgħat jew l-attivitajiet tal-kulleġġ;
(c) rekord tal-minuti tal-laqgħat u formalizzazzjoni ta’ punti ta’ azzjoni;
(d) immaniġġjar tal-websajt tal-kulleġġ jew ta’ metodi elettroniċi oħra ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni, jekk ikun hemm;
(e) meta prattiku, tipprovdi informazzjoni u fejn xieraq timijiet speċjalizzati, biex tgħin lill-kulleġġ fil-kompiti tiegħu;
(f) taqsam l-informazzjoni b’mod xieraq fost il-membri tal-kulleġġ.
5. Il-frekwenza tal-laqgħat tal-kulleġġ tiġi ddeterminata mill-awtorità kompetenti tas-CCP wara li jiġu kkunsidrati d-daqs, in-natura, l-iskala u l-kumplessità, l-implikazzjonijiet sistemiċi tas-CCP fil-ġurisdizzjonijiet u l-muniti, l-impatti potenzjali tal-attivitajiet tas-CCP, iċ-ċirkostanzi esterni u t-talbiet potenzjali mill-membri tal-kulleġġ. Tal-anqas għandu jkun hemm laqgħa annwali tal-kulleġġ u jekk jitqies meħtieġ mill-awtorità kompetenti tas-CCP, laqgħa kull darba li jkun meħtieġ tittieħed deċiżjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012. L-awtorità kompetenti tas-CCP għandha torganizza, perjodikament, laqgħat bejn il-membri tal-kulleġġ u l-maniġment superjuri tas-CCP.
6. Il-ftehim bil-miktub imsemmi fl-Artikolu 2 għandu jispeċifika kworum ta’ żewġ terzi għal-laqgħat tal-kulleġġ.
7. L-awtorità kompetenti tas-CCP għandha tagħmel ħilitha biex tiżgura li kull laqgħa tal-kulleġġ ikollha kworum validu biex ikunu jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet. Fil-każ li ma jintlaħaqx kworum, il-President għandu jiżgura li kwalunkwe deċiżjoni li teħtieġ tittieħed tiġi posposta sakemm ikun hemm kworum, b’kunsiderazzjoni tal–iskadenzi rilevanti stabbiliti mir-Regolament (UE) Nru 648/2012.
Artikolu 5 Skambju ta’ informazzjoni fost l-awtoritajiet
1. Kull membru ta’ kulleġġ għandu jipprovdi fil-ħin lill-awtorità kompetenti tas-CCP l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-funzjonament operazzjonali tal-kulleġġ u għat-twettiq tal-attivitajiet ewlenin li fihom jipparteċipa l-membru. L-awtorità kompetenti tas-CCP tipprovdi lill-membri tal-kulleġġ b’informazzjoni u fil-ħin.
2. L-awtorità kompetenti tas-CCP għandha tipprovdi mill-inqas l-informazzjoni segwenti lill-kulleġġ:
2.
(a) tibdiliet sinifikanti fl-istruttura u s-sjieda tal-grupp tas-CCP;
(b) tibdiliet sinifikanti fil-livell tal-kapital tas-CCP;
(c) tibdiliet fl-organizzazzjoni, il-maniġment superjuri, il-proċessi jew l-arranġamenti meta dawk it-tibdiliet ikollhom impatt sinifikanti fuq il-governanza jew l-immaniġġjar tar-riskju;
(d) lista tal-membri tal-ikklerjar tas-CCP;
(e) dettalji tal-awtoritajiet involuti fis-superviżjoni tas-CCP, inkluża kwalunkwe bidla fir-responsabbiltajiet tagħhom;
(f) informazzjoni dwar kwalunkwe theddida materjali għall-ħila tas-CCP li jikkonformaw mar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u regolamenti oħra delegati u ta’ implimentazzjoni;
(g) diffikultajiet li għandhom effetti ta’ riperkussjoni potenzjalment sinifikanti;
(h) fatturi li jissuġġerixxu riskju għoli potenzjali ta’ kontaġju;
(i) żviluppi sinifikanti fil-pożizzjoni finanzjarja tas-CCP;
(j) twissijiet bikrin ta’ possibblità ta’ diffikultajiet ta’ likwidità jew frodi maġġuri;
(k) avvenimenti ta’ inadempjenza ta’ membri u kwalunkwe azzjoni ta’ segwitu;
(l) sanzjonijiet u miżuri superviżorji eċċezzjonali;
(m) rapporti dwar problemi ta’ prestazzjoni jew dwar inċidenti li seħħew u azzjonijiet ta’ rimedju meħuda;
(n) dejta regolari dwar l-attività tas-CCP, li l-ambitu u l-frekwenza tagħha tiġi miftiehma bħala parti tal-ftehim bil-miktub deskritt fl-Artikolu 2;
(o) ħarsa ġenerali lejn il-proposti kummerċjali ewlenin, inklużi prodotti jew servizzi ġodda li se jiġu offruti;
(p) tibdil fil-mudell tar-riskju tas-CCP, ittestjar tal-istress u ttestjar retrospettiv;
(q) tibdiliet fl-arranġamenti tal-interoperabbiltà tas-CCPs, fejn applikabbli.
3. L-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-membri tal-kulleġġ għandu jirrifletti r-responsabbiltajiet u l-ħtiġijiet tal-informazzjoni tagħhom. Sabiex jiġu evitati flussi tal-informazzjoni bla ħtieġa, l-iskambju tal-informazzjoni għandu jinżamm proporzjonat u ffokat fuq ir-riskju.
4. Il-membri tal-kulleġġ għandhom iqisu l-aktar modi effettivi biex jikkomunikaw l-informazzjoni biex jiżguraw skambju ta’ informazzjoni kontinwu, f’waqtu u proporzjonat.
5. Ir-rapport tal-valutazzjoni tar-riskju li għandu jitħejja mill-awtorità kompetenti ta’ CCP skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għandu jiġi ppreżentat lill-kulleġġ fi żmien xieraq biex jiġi żgurat li l-membri tal-kulleġġ ikunu jistgħu janalizzawh u jikkontribwixxu għalih jekk meħtieġ.
Artikolu 6 Kondiviżjoni volontarja u delega tal-kompiti
1. Il-membri tal-kulleġġ għandhom jiftiehmu dwar termini dettaljati ta’ kwalunkwe arranġament speċifiku ta’ delega u arranġamenti għall-għoti volontarju ta’ kompiti lil membri oħra, b’mod partikolari fil-każ ta’ delegi li jirriżultaw fid-delega ta’ kompiti superviżorji ewlenin ta’ membru.
2. Partijiet għal arranġamenti speċifiċi ta’ delega u arranġamenti għall-għoti volontarju ta’ kompiti għandhom jiftiehmu dwar termini dettaljati li jkopri mill-inqas is-suġġetti li ġejjin:
2.
(a) l-attivitajiet speċifiċi f’oqsma speċifikati biċ-ċar li se jingħataw jew jiġu delegati;
(b) il-proċeduri u l-proċessi li se jiġu applikati;
(c) ir-rwol u r-responsabbiltajiet ta’ kull parti;
(d) it-tip ta’ informazzjoni li se tiġi skambjata bejn il-partijiet.
3. Il-kondiviżjoni u d-delega ta’ kompiti ma għandhomx jitqiesu li jirriżultaw f’bidla fl-allokazzjoni tas-setgħa deċiżjonali tal-awtorità kompetenti tas-CCP.
Artikolu 7 Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Mejju 2013. Għall-Kummissjoni Il-President José Manuel Barroso