Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1358/2014 tat-18 ta' Diċembru 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 fir-rigward tal-oriġini tal-annimali tal-akkwakultura organika, il-prattiki tat-trobbija tal-akkwakultura, l-għalf għall-annimali tal-akkwakultura organika u l-prodotti u s-sustanzi permessi għall-użu fl-akkwakultura organika (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2014/1358@2014-12-18/mt
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta' Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2092/91, u b'mod partikolari l-Artikolu 13(3), l-Artikolu 15(2) u l-Artikolu 16(1) tiegħu,
Billi:
(1) Ir-Regolament (KE) Nru 834/2007 jistabbilixxi r-rekwiżiti bażiċi għall-produzzjoni organika tal-algi u tal-annimali tal-akkwakultura. Ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' dawk ir-rekwiżiti huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008.
(2) Fil-perjodu ta' bejn Novembru 2012 u April 2013, ċerti Stati Membri ressqu talbiet għar-reviżjoni tar-regoli marbuta mal-prodotti, is-sustanzi, is-sorsi tal-għalf u t-tekniki awtorizzati li għandhom jintużaw fil-produzzjoni tal-akkwakultura organika. Dawk it-talbiet ġew evalwati mill-grupp espert għall-pariri tekniċi dwar il-produzzjoni organika (EGTOP) stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/427/KE. Filwaqt li qieset l-opinjoni ta' EGTOP, il-Kummissjoni identifikat il-ħtieġa li taġġorna u tintegra r-regoli eżistenti għall-implimentazzjoni tar-rekwiżiti għall-produzzjoni organika tal-algi u l-annimali tal-akkwakultura.
(3) Skont l-Artikolu 15(1)(a)(ii) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007, l-annimali prodotti b'mod mhux organiku jistgħu jiddaħħlu f'azjenda skont kundizzjonijiet speċifiċi, meta ma jkunx disponibbli stokk żagħżugħ minn stokk matur organiku jew mill-azjendi. Ir-Regolament (KE) Nru 889/2008 jistabbilixxi r-restrizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-annimali tal-akkwakultura maqbuda mis-selvaġġ, inkluż il-ġabra ta' ġuvenili tal-akkwakultura selvaġġa. Xi prattiki tradizzjonali ta' pixxikultura estensiva fl-artijiet mistagħdra, bħall-għadajjar tal-ilma salmastru, iż-żoni tal-marea u l-laguni kostali, magħluqa bid-digi u x-xtut, ilhom jeżistu għal sekli sħaħ u huma ta' valur f'termini ta' wirt kulturali, konservazzjoni tal-bijodiversità u perspettiva ekonomika għall-komunitajiet lokali. F'ċerti kundizzjonijiet, dawk il-prattiki ma jaffettwawx l-istatus tal-istokk tal-ispeċi konċernata.
(4) Għalhekk, il-ġabra tal-ħut żgħir selvaġġ għal skopijiet ta' tkabbir f'dawk il-prattiki tradizzjonali tal-akkwakultura hija kkunsidrata bħala konformi mal-għanijiet, il-kriterji u l-prinċipji tal-produzzjoni tal-akkwakultura organika, sakemm il-miżuri ta' ġestjoni approvati mill-awtorità rilevanti responsabbli mill-ġestjoni tal-istokkijiet tal-ħut konċernati huma fis-seħħ biex jiżguraw l-isfruttar sostenibbli tal-ispeċijiet konċernati, li l-istokkjar mill-ġdid huwa konformi ma' dawk il-miżuri, u li l-ħut jiġi mitmugħ għalf esklussivament disponibbli b'mod naturali fl-ambjent.
(5) EGTOP esprima tħassib li s-sorsi tal-għalf u l-adittivi permessi fil-produzzjoni tal-akkwakultura organika ma jissodisfawx b'mod suffiċjenti r-rekwiżiti tad-dieta tal-ispeċijiet tal-ħut karnivoru. Skont l-Artikolu 15(1)(d)(i) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007, l-annimali għandhom jiġu mitmugħa għalf li jissodisfa r-rekwiżiti nutrittivi tagħhom fl-istadji varji tal-iżvilupp tagħhom. Għalhekk għandu jkun permess l-użu ta' ħut sħiħ bħala sors ta' għalf għall-annimali karnivori fl-akkwakultura organika. Madankollu, dak ma għandux jirriżulta fi pressjoni addizzjonali fuq stokkijiet mhedda jew li huma mistgħada wisq. Għal dik ir-raġuni, għandhom jintużaw biss prodotti tas-sajd li huma ċertifikati bħala sostenibbli minn parti terza biex jissupplixxu għalf għall-annimali karnivori fl-akkwakultura organika. F'dak il-kuntest, il-kredibbiltà tal-iskema sostenibbli użata hija importanti biex tiżgura lill-konsumaturi dwar is-sostenibbiltà kumplessiva tal-prodott tal-akkwakultura organika. Għalhekk, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jidentifikaw l-iskemi ta' ċertifikazzjoni li huma jikkunsidraw, fid-dawl tal-prinċipji tas-sajd sostenibbli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, adattati biex juru s-sostenibblità tal-prodotti tas-sajd għall-użu bħala għalf fl-akkwakultura organika. Il-Linji Gwida tal-FAO tal-2009 għall-ekotikkettar tal-ħut u l-prodotti tas-sajd mis-sajd maqbud mill-baħar jistgħu jintużaw bħala referenza fil-valutazzjoni tal-adattabbiltà tal-iskemi ta' ċertifikazzjoni.
(6) EGTOP enfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġi pprovdut ukoll ammont suffiċjenti ta' istidina fid-dieta tal-ħut tal-familja Salmonidae, biex ikun żgurat livell għoli ta' saħħa u benessri tal-annimali f'dan l-ispeċi. Filwaqt li jitqiesu l-varjazzjonijiet sinifikanti fil-kontenut tal-istidina fil-materja prima tal-baħar skont l-ispeċi u l-istaġun, kif ukoll il-produzzjoni, l-ipproċessar u l-kundizzjonijiet tal-ħażna, l-użu tal-istidina prodotta mill-fermentazzjoni għandu jkun permess biex jiżgura li r-rekwiżiti tad-dieta tal-ħut tal-familja Salmonidae huma sodisfati.
(7) L-ammont massimu ta' ħut mitħun li bħalissa huwa permess fl-għalf għall-gambli mhux suffiċjenti biex jissodisfa l-ħtiġijiet tad-dieta tagħhom u għalhekk għandu jiżdied. Is-supplimentar tal-għalf bil-kolesterol għandu jkun permess wkoll, meta jkun meħtieġ biex jissodisfa r-rekwiżiti kwantitattivi tad-dieta, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport EGTOP. Għal dak il-għan, għandu jintuża l-kolesterol organiku jekk ikun disponibbli. Il-kolesterol miġbur mis-suf, mill-frott tal-baħar bil-qoxra jew minn sorsi oħrajn jista' jintuża wkoll meta ma jkunx disponibbli l-kolesterol organiku.
(8) L-eżenzjoni prevista fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 25k tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2014; għalhekk dak il-paragrafu għandu jitħassar.
(9) Sabiex tkun żgurata l-konformità mal-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007 b'rabta mat-trobbija ta' stokk żagħżugħ li joriġina minn stokk matur organiku u minn azjendi organiċi, huwa kkunsidrat meħtieġ, u konformi mar-rapport EGTOP, li jiġu introdotti regoli speċifi għall-użu tal-plankton fl-għalf tal-ġuvenili organiċi. Il-plankton huwa neċessarju għat-trobbija tal-ġuvenili u mhux prodott skont regoli organiċi.
(10) EGTOP huwa tal-parir ukoll li għandha tiġi aġġornata l-lista tas-sustanzi permessi għat-tindif u d-diżinfezzjoni fl-akkwakultura organika, b'mod partikolari b'rabta mal-possibbiltà li jintużaw uħud mis-sustanzi diġà elenkati fil-preżenza tal-annimali ukoll. L-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 għandu jiġi emendat skont dan.
(11) Il-kamp ta' applikazzjoni tal-Anness XIIIa tar-Regolament (KE) Nru 889/2008, kif definit fl-Artikolu 25f(2), għandu jiġi definit b'mod iktar ċar, b'mod partikolari b'rabta mal-prattiki tat-trobbija.
(12) Id-densitá massima tal-istokkjar permessa għat-troti tal-Arktiku għandha tiżdied, biex takkomoda aħjar għall-ħtiġijiet ta' din l-ispeċi. Id-densitajiet massimi tal-istokkjar għandhom jiġu definiti wkoll għall-crayfish. L-Anness XIIIa tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 għandu jiġi emendat skont dan.
(13) Ir-Regolament (KE) Nru 889/2008 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.
(14) Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat regolatorju għall-produzzjoni organika,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 Ir-Regolament (KE) Nru 889/2008 huwa emendat kif ġej:
Artikolu 1
(1) L-Artikolu 25e, il-paragrafu 4 jinbidel b'dan li ġej:
(1)
4. Għal skopijiet ta' tkabbir kontinwu, il-ġabra tal-ġuvenili selvaġġi tal-akkwakultura hija ristretta speċifikament għall-każijiet li ġejjin:
4.
(a) influss naturali ta' ħut jew larvi krustaċji u ġuvenili meta jimtlew l-għadajjar, sistemi jew għeluq ta' konteniment;
(b) ferħ tas-Sallura Ewropea, sakemm ikun hemm fis-seħħ pjan ta' ġestjoni tas-sallura approvat għal-lokazzjoni u r-riproduzzjoni artifiċjali tas-sallura tibqa mhux solvuta;
(c) il-ġabra tal-ħut żgħir selvaġġ ta' speċijiet apparti mis-sallura Ewropea biex ikomplu jikbru f'pixxikultura estensiva tal-akkwakultura tradizzjonali fl-artijiet mistagħdra, bħall-għadajjar tal-ilma salmastru, iż-żoni tal-marea u l-laguni kostali, magħluqa permezz ta' ilqugħ naturali u xtut, sakemm:
(c)
(i) l-istokkjar mill-ġdid huwa konformi mal-miżuri ta' ġestjoni approvati mill-awtoritajiet rilevanti responsabbli mill-ġestjoni tal-istokkijiet tal-ħut konċernati sabiex jiżguraw l-isfruttar sostenibbli tal-ispeċijiet konċernati, u
(ii) il-ħut jintemgħa esklussivament b'għalf naturali disponibbli fl-ambjent.
(2) Fl-Artikolu 25f, il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:
(2)
2. Id-densità tal-istokk u l-prattiki tat-trobbija huma stabbiliti fl-Anness XIIIa skont l-ispeċi jew il-grupp ta' speċijiet. Filwaqt li jitqiesu l-effetti tad-densità tal-istokk u l-prattiki tat-trobbija fuq il-benessri tal-ħut fl-azjenda, għandhom jiġu mmonitorjati l-kundizzjoni tal-ħut (bħall-ħsara fil-ġwienaħ, feriti oħrajn, ir-rata tal-iżvilupp, l-imġiba espressa u s-saħħa ġenerali) u l-kwalità tal-ilma.
(3)(e) Fl-Artikolu 25k, il-paragrafu 1, jiżdied il-punt (e) li ġej: prodotti tal-għalf derivati minn ħut sħiħ maqbud fis-sajd ċertifikat bħala sostenibbli taħt skema rikonoxxuta mill-awtorità kompetenti f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(4) Fl-Artikolu 25k, jitħassar il-paragrafu 2.
(5) Fl-Artikolu 25k, jiżdied il-punt li ġej:
(5)
5. L-istidina prodotta permezz tal-fermentazzjoni tista' tintuża fil-porzjon tal-għalf għall-ħut tal-familja Salmonidae meta s-sorsi tal-għalf elenkati fil-paragrafu 1 ma jipprovdux ammont suffiċjenti ta' istidina biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tad-dieta tal-ħut u jipprevjenu l-formazzjoni tal-katerretti.
(6) Fl-Artikolu 25 l, il-paragrafu 3 jinbidel b'dan li ġej:
(6)
3. Fejn l-għalf naturali huwa supplimentat skont il-paragrafu 2:
3.
(a) il-porzjon tal-għalf għas-siamese catfish (Pangasius spp.) kif jissemma fit-Taqsima 9 tal-Anness XIIIa jista' jinkludi massimu ta' 10 % ta' ħut mitħun jew żejt tal-ħuta derivat minn sajd sostenibbli;
(b) il-porzjon tal-għalf għall-gambli kif jissemma fit-Taqsima 7 tal-Anness XIIIa jista' jinkludi massimu ta' 25 % ħut mitħun u 10 % żejt tal-ħuta derivat mis-sajd sostenibbli. Sabiex ikunu żgurati l-ħtiġijiet tad-dieta kwantitattivi tal-gambli, il-kolesterol organiku jista' jintuża biex jissupplimenta d-dieta tagħhom; fejn ma jkunx disponibbli l-kolesterol organiku, jista' jintuża l-kolesterol mhux organiku derivat mis-suf, mill-frott tal-baħar bil-qoxra jew minn sorsi oħrajn.
(7) Jiddaħħal l-Artikolu 251a li ġej:
(7)
Artikolu 25la Regoli speċifiċi dwar l-għalf għall-ġuvenili organiċi
Fit-trobbija tal-larva tal-ġuvenili organiċi jistgħu jintużaw bħala għalf il-fitoplankton konvenzjonali u ż-żooplankton.
(8) L-Artikolu 25s, il-paragrafu 6 jinbidel b'dan li ġej:
(8)
6. Għall-kontroll bijoloġiku tal-ektoparassiti, għandha tingħata preferenza għall-użu ta' ħut iktar nadif u għall-użu tal-ilma ħelu, l-ilma baħar u ta' soluzzjonijiet tal-klorur tas-sodju.
(9) L-Annessi VII u XIIIa huma emendati skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 2 Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Japplika mill-1 ta' Jannar 2015.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Diċembru 2014. Għall-Kummissjoni Il-President Jean-Claude Juncker
ANNEX
ANNESS 1.2. Il-Punt 2 tal-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 jinbidel b'dan li ġej: L-Anness XIIIa tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 huwa emendat kif ġej:
2. Prodotti għat-tindif u għad-diżinfezzjoni tal-produzzjoni tal-annimali tal-akkwakultura u tal-algi msemmija fl-Artikoli 6e(2), 25s(2) u 29a.
2.1. Suġġett għall-konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Unjoni u nazzjonali kif jissemma fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007, u b'mod partikolari mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-prodotti użati għat-tindif u d-diżinfezzjoni tat-tagħmir u l-faċilitajiet fin-nuqqas tal-annimali tal-akkwakultura jista' jkollhom is-sustanzi attivi li ġejjin:
ożonu
ipoklorit tas-sodju
ipoklorit tal-kalċju
idrossidu tal-kalċju
ossidu tal-kalċju
soder
alkoħol
kupru (sulfat tar-ram): sal-31 ta' Diċembru 2015 biss.
permanganat tal-potassju,
kejk taż-żerriegħa tat-te magħmul miż-żerriegħa naturali tal-kamelja (l-użu huwa ristrett għall-produzzjoni tal-gambli).
taħlit ta' peroksomonosulfat tal-potassju u klorur tas-sodju li jipproduċu l-aċidu ipokloru
2.2. Suġġett għall-konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Unjoni u nazzjonali kif jissemma fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007, u b'mod partikolari mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 u d-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-prodotti użati għat-tindif u d-diżinfezzjoni tat-tagħmir u l-faċilitajiet fil-preżenza kif ukoll fin-nuqqas tal-annimali tal-akkwakultura jista' jkollhom is-sustanzi attivi li ġejjin:
ġir (karbonat tal-kalċju) għall-kontroll tal-pH
dolomit għall-korrezzjoni tal-pH (l-użu huwa ristrett għall-produzzjoni tal-gambli)
klorur tas-sodju
perossidu tal-idroġenu
perkarbonat tas-sodju
aċidi organiċi (aċidu aċetiku, aċidu lattiku u aċidu ċitriku)
aċidu umiku
aċidi peroksjaċetiċi
aċidi peraċetiċi u peroktanojċi
jodofori (fil-preżenza tal-bajd biss)
ANNESS 1.2.
(a) Fir-ringiela dwar id-Densità massima tal-istokkjar fit-tabella fit-Taqsima 1, Troti tal-Arktiku 20 kg/m3 tinbidel bi Troti tal-Arktiku 25 kg/m3
(b) It-Taqsima li ġejja tiddaħħal wara t-Taqsima 7:
(b)
Taqsima 7a Produzzjoni organika tal-crayfish: Speċijiet konċernati: Astacus astacus, Pacifastacus leniusculus. Densità massima tal-istokkjar Għal crayfish ta' daqs żgħir (< 20 mm): 100 individwu għal kull m2. Għal crayfish ta' daqs medju (20 - 50 mm): 30 individwu għal kull m2. Għal crayfish adulti (> 50 mm): 10 individwi għal kull m2, sakemm ikunu jeżistu postijiet adegwati fejn jistaħbew.