Regolament (UE) Nru 1384/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar it-trattament tariffarju għal merkanzija li toriġina fl-Ekwador
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2014/1384@2014-12-18/mt
Contents
- Preamble
- Artikolu 1 Definizzjonijiet
- Artikolu 2 Trattament tariffarju
- Artikolu 3 Kundizzjonijiet għad-dritt għal trattament tariffarju
- Artikolu 4 Sospensjoni temporanja
- Artikolu 5 Klawsola ta’ salvagwardja
- Artikolu 6 Proċedura ta' kumitat
- Artikolu 7 Dħul fis-seħħ, applikazzjoni u skadenza
- ANNEX
- PATTIJIET, KONVENZJONIJIET U PROTOKOLLI LI HEMM REFERENZA GĦALIHOM FL-ARTIKOLU 3(C) KONVENZJONIJIET ESSENZJALI TA’ NU/ILO DWAR ID-DRITTIJIET TAL-BNIEDEM U TAX-XOGĦOL 1.2.3.4.5.6.7.8.9.10.11.12.13.14.15.
- KONVENZJONIJIET B’RABTA MAL-PRINĊIPJI DWAR L-AMBJENT U L-GOVERNANZA 16.17.18.19.20.21.22.23.24.25.26.27.
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz ta’ att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Waqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva,
Billi:
(1) L-Artikolu 329 tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra (il-Ftehim) iffirmat fis-26 ta’ Ġunju 2012, jipprevedi l-possibbiltà ta' adeżjoni mal-Ftehim ta’ Pajjiżi Oħra Membri tal-Komunità Andina.
(2) Wara t-talba mill-Ekwador sabiex jerġgħu jibdew negozjati mal-Unjoni biex isir Parti għall-Ftehim, in-negozjati seħħew bejn l-Unjoni u l-Ekwador fl-2014. Bħala riżultat ta’ dawk in-negozjati, ġie inizjalat Protokoll ta’ Adeżjoni mill-Ekwador għall-Ftehim (il-Protokoll ta’ Adeżjoni) fit-12 ta' Diċembru 2014.
(3) Wara l-inizjalar tal-Protokoll ta’ Adeżjoni, jinħtieġ arranġament reċiproku interim għat-twaqqif ta’ żona ta’ kummerċ ħieles mal-Ekwador sabiex jiġi evitat tfixkil żejjed fil-kummerċ. Għalhekk, mill-1 ta’ Jannar 2015, id-dazji doganali applikati fid-data tal-inizjalar tal-Protokoll tal-Adeżjoni m'għandhomx jiżdiedu u lanqas m'għandhom jiġu applikati dazji doganali ġodda għall-merkanzija li toriġina fl-Ekwador.
(4) Għalhekk dan ir-Regolament jipprevedi ż-żamma tal-livell tar-rati tad-dazju applikabbli għall-merkanzija li toriġina fit-12 ta' Diċembru 2014 mill-1 ta’ Jannar 2015.
(5) It-trattament tariffarju previst skont dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal miżuri meħuda skont ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 260/2009, (KE) Nru 597/2009 jew (KE) Nru 1225/2009.
(6) Bħala kundizzjoni għall-applikazzjoni tat-trattament tariffarju previst skont dan ir-Regolament, l-Ekwador għandu jastjeni milli jintroduċi dazji ġodda jew imposti li jkollhom effett ekwivalenti u restrizzjonijiet kwantitattivi ġodda jew miżuri li jkollhom effett ekwivalenti għall-importazzjonijiet mill-Unjoni, jew milli jżid livelli eżistenti ta' dazji jew imposti jew milli jintroduċi xi restrizzjoni oħra mit-12 ta' Diċembru 2014.
(7) Biex jiġi żgurat li l-Ekwador isostni l-impenn tiegħu lejn il-konvenzjonijiet internazzjonali ewlenin dwar id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, protezzjoni ambjentali u governanza tajba, l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha tkun suġġetta għal implimentazzjoni kontinwa u effettiva ta’ dawk il-konvenzjonijiet mill-Ekwador.
(8) Sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ frodi, l-intitolament għal benefiċċju mit-trattament tariffarju previst skont dan ir-Regolament għandu jkun jiddependi fuq il-konformità mill-Ekwador mar-regoli relevanti tal-oriġini tal-merkanzija u l-proċeduri relatati magħha.
(9) Huwa neċessarju li tiġi prevista l-applikazzjoni tad-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni fir-rigward ta' kwalunkwe merkanzija li toriġina fl-Ekwador li tikkawża, jew li thedded li tikkawża, diffikultajiet serji għal produtturi tal-Unjoni ta’ prodotti simili jew li jkunu f'kompetizzjoni diretta, soġġett għal investigazzjoni mill-Kummissjoni.
(10) Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament, is-setgħat ta' implimentazzjoni għandhom jingħataw lill-Kummissjoni biex tissospendi temporanjament, kompletament jew parzjalment, it-trattament tariffarju previst fih. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(11) Dan ir-Regolament għandu jiġi applikat sa sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ jew id-data tal-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll ta’ Adeżjoni, u sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2016,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:
(a) trattament tariffarju tfisser id-dazji doganali u t-trattament applikat għall- merkanzija li toriġina fl-Ekwador kif previst fl-Artikolu 2;
(b) dazji tat-Tariffa Doganali Komuni tfisser id-dazji speċifikati fil-Parti II tal-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, ħlief dawk id-dazji stabbiliti bħala parti minn kwoti tariffarji;
(c) merkanzija li toriġina fl-Ekwador tfisser prodott(i) li jikkonforma(w) mar-rekwiżiti tal-oriġini skont it-Titolu II, Kapitolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 u, skont it-trattament tariffarju mitlub f'konformità mal-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament, Titolu IV, Kapitolu 1 jew Titolu IV, Kapitolu 2, Taqsima 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93.
Artikolu 2 Trattament tariffarju
1. Dazji doganali applikati għal merkanzija li toriġina fl-Ekwador fit-12 ta' Diċembru 2014 ma għandhomx jiżdiedu u l-ebda dazji doganali ġodda introdotti wara dik id-data ma għandhom jiġu applikati għal dik il-merkanzija.
2. It-trattament tariffarju previst fil-paragrafu 1 għandu jiġi applikat mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe miżura meħuda skont ir-Regolamenti (KE) Nru 260/2009, (KE) Nru 597/2009 jew (KE) Nru 1225/2009.
Artikolu 3 Kundizzjonijiet għad-dritt għal trattament tariffarju
L-intitolament għall-benefiċċju mit-trattament tariffarju stipulat fl-Artikolu 2 ikun soġġett għal:
(a) konformità mill-Ekwador mar-regoli tal-oriġini msemmija fl-Artikolu 1(c) u l-proċeduri relatati magħhom, inkluż, kif xieraq, id-dispożizzjonijiet dwar kooperazzjoni amministrattiva effikaċi applikabbli fit-12 ta' Diċembru 2014;
(b) astensjoni mill-Ekwador milli jintroduċi dazji ġodda jew imposti li jkollhom effett ekwivalenti u restrizzjonijiet kwantitattivi ġodda jew miżuri li jkollhom effett ekwivalenti għall-importazzjonijiet mill-Unjoni, jew milli jżid livelli eżistenti ta’ dazji jew imposti jew milli jintroduċi kwalunkwe restrizzjoni oħra mit-12 ta' Diċembru 2014;
(c) żamma ta' ratifika u żgurar ta' implimentazzjoni effettiva min-naħa tal-Ekwador tal-pattijiet, il-konvenzjonijiet u l-protokolli elenkati fl-Anness, u l-aċċettazzjoni mingħajr riżerva tar-rekwiżiti ta’ rappurtar, il-monitoraġġ u r-rieżami regolari tar-rekord ta’ implimentazzjoni tal-Ekwador skont id-dispożizzjonijiet tal-pattijiet, il-konvenzjonijiet u l-protokolli li rratifika;
(d) kooperazzjoni mill-Ekwador mal-Kummissjoni u l-forniment tal-informazzjoni kollha meħtieġa biex ikun evalwat il-konformità tal-Ekwador mar-rekwiżiti fil-punt (c);
(e) sforzi kontinwi mill-Ekwador sabiex jiffirma u jirratifika l-Protokoll ta’ Adeżjoni.
Artikolu 4 Sospensjoni temporanja
Meta l-Kummissjoni ssib li jkun hemm biżżejjed evidenza ta' nuqqas ta' konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3, il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni sabiex tissospendi t-trattament tariffarju temporanjament, fir-rigward ta' ċerta merkanzija jew tal-merkanzija kollha li toriġina fl-Ekwador. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 6(2).
Artikolu 5 Klawsola ta’ salvagwardja
Meta merkanzija li toriġina fl-Ekwador hija importata f’volumi u/jew bi prezzijiet li jikkawżaw, jew jheddu li jikkawżaw, diffikultajiet serji lil produtturi tal-Unjoni ta’ prodotti simili jew li jikkompetu direttament magħhom, il-Kummissjoni tista' tintroduċi mill-ġdid id-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni għal dik il-merkanzija skont ir-regoli proċedurali stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 19/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, mutatis mutandis.
Artikolu 6 Proċedura ta' kumitat
1. Għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali stabbilit permezz tal-Artikolu 248a tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 7 Dħul fis-seħħ, applikazzjoni u skadenza
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2015. Dan ir-Regolament għandu jiskadi sitt xhur wara li l-Protokoll ta’ Adeżjoni jidħol fis-seħħ jew jiġi applikat provviżorjament, jew fil-31 ta’ Diċembru 2016, skont liema data minn dawn isseħħ l-ewwel. Il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’każ li dan ir-Regolament jieqaf japplika qabel il-31 ta' Diċembru 2016.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2014. Għall-Parlament Ewropew Il-President M. Schulz Għall-Kunsill Il-President S. Gozi
ANNEX
ANNESS
PATTIJIET, KONVENZJONIJIET U PROTOKOLLI LI HEMM REFERENZA GĦALIHOM FL-ARTIKOLU 3(C) KONVENZJONIJIET ESSENZJALI TA’ NU/ILO DWAR ID-DRITTIJIET TAL-BNIEDEM U TAX-XOGĦOL 1.2.3.4.5.6.7.8.9.10.11.12.13.14.15.
Il-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta’ Ġenoċidju (1948) Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni Razzjali (1965) Il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (1966) Il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (1966) Il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa (1979) Il-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra (1984) Il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (1989) Il-Konvenzjoni dwar Xogħol Furzat u Obbligatorju, Nru 29 (1930) Il-Konvenzjoni dwar il-Libertà ta’ Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt ta’ Organizzazzjoni, Nru 87 (1948) Il-Konvenzjoni dwar l-Applikazzjoni tal-Prinċipji tad-Dritt ta’ Organizzazzjoni u tal-Innegozjar Kollettiv, Nru 98 (1949) Il-Konvenzjoni dwar Rimunerazzjoni Ugwali għal Ħaddiema Rġiel u Nisa għal Xogħol ta’ Valur Ugwali, Nru 100 (1951) Il-Konvenzjoni dwar l-Abolizzjoni tax-Xogħol Furzat, Nru 105 (1957) Il-Konvenzjoni dwar id-Diskriminazzjoni fir-Rigward ta’ Impjiegi u Xogħol, Nru 111 (1958) Il-Konvenzjoni dwar l-Età Minima għal Dħul f’Impjieg, Nru 138 (1973) Il-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni u Azzjoni Immedjata għall-Eliminazzjoni tal-Agħar Forom ta’ Xogħol minn Minorenni, Nru 182 (1999)
KONVENZJONIJIET B’RABTA MAL-PRINĊIPJI DWAR L-AMBJENT U L-GOVERNANZA 16.17.18.19.20.21.22.23.24.25.26.27.
Il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (1973) Il-Protokoll ta’ Montreal dwar Sustanzi li Jnaqqsu s-Saff tal-Ożonu (1987) Il-Konvenzjoni ta’ Basel dwar il-Kontroll tal-Moviment Barra l-Konfini ta’ Skart Perikoluż u r-Rimi Tiegħu (1989) Il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (1992) Il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (1992) Il-Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosikurezza (2000) Il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (2001) Il-Protokoll ta’ Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (1998) Il-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi Narkortiċi (1961) Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Sustanzi Psikotropiċi (1971) Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffikar Illeċitu fid-Drogi Narkotiċi u s-Sustanzi Psikotropiċi (1988) Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (2004)