Gelex

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' April 2014 dwar it-trasferiment tal-unitajiet tal-ammont assenjat lill-Parti tal-Protokoll ta' Kjoto li għandha kont fir-reġistru tal-Finlandja (notifikata bid-dokument C(2014) 2475) (2014/224/UE)

In forceVersion 2014-04-23from 2014-04-22
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2014/224@2014-04-23/mt

Contents
  1. Preamble
  2. Artikolu 1

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE tal-25 ta' April 2002 dwar l-approvazzjoni f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta' Kjoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt tal-obbligi tiegħu, u b'mod partikulari l-Artikolu 3 tagħha,

Billi:

(1) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/944/KE tiddetermina l-livelli rispettivi ta' emissjonijiet allokati lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha għall-ewwel perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto.

(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/778/UE temenda d-Deċiżjoni 2006/944/KE billi tistabbilixxi l-livelli rispettivi finali tal-emissjonijiet allokati lill-Unjoni u lil kull Stat Membru u billi tipprevedi li d-differenza aritmetika finali bejn il-livelli tal-emissjonijiet tal-Unjoni u s-somma tal-livelli tal-emissjonijiet tal-Istati Membri, li hija ta' 19357532 tunnellata ta' ekwivalenti għad-dijossidu tal-karbonju, tinħareġ bħala unitajiet ta' ammont assenjat mill-Unjoni. Barra minn hekk, dik id-Deċiżjoni tipprevedi li ħames miljun unità minn fost dawn l-unitajiet tal-ammont assenjat mir-Reġistru tal-Unjoni jiġu ttrasferiti lill-Parti tal-Protokoll ta' Kjoto li għandha kont fir-reġistru tad-Danimarka.

(3) Fil-kuntest tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2010/778/UE, ġie rrikonoxxut li t-trasferiment tal-ħames miljun unità tal-ammont assenjat lid-Danimarka huwa mingħajr ħsara għas-sjieda tal-bilanċ favorevoli aritmetiku tal-Unjoni li jkun għad fadal.

(4) F'Diċembru tal-2011, waqt il-laqgħa tas-17-il Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (l-UNFCCC) li saret f'Durban, ġiet adottata d-Deċiżjoni 2/CMP.7 tal-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet tal-Protokoll ta' Kjoto (id-Deċiżjoni ta' Durban). Dik id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-regoli tal-kontabbiltà għas-settur tal-użu tal-art, tat-tibdil fl-użu tal-art u tal-forestrija (l-LULUCF) għat-tieni perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto (il-Protokoll ta' Kjoto) għall-UNFCCC.

(5) Id-Deċiżjoni ta' Durban tvarja b'mod konsiderevoli mir-regoli tal-kontabbiltà ta' qabel li kienu maqbula għall-ewwel perjodu ta' impenn fil-kuntest tal-Protokoll ta' Kjoto. Id-Deċiżjoni 16/CMP.1 tal-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet tal-Protokoll ta' Kjoto li ġiet adottata waqt il-laqgħa tal-11-il Konferenza tal-Partijiet tal-UNFCCC li saret f'Montreal f'Diċembru tal-2005 tipprevedi limiti, kif stabbilit fl-Anness ta' dik id-Deċiżjoni, għall-finijiet tal-impenji tal-Partijiet fil-kuntest tal-ewwel perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni 16/CMP.1 tipprevedi l-possibbiltà li l-Partijiet jaqbżu dawk il-limiti billi jikkumpensaw għall-emissjonijiet netti (id-debiti) li jkunu ġejjin mill-attivitajiet tal-afforestazzjoni, ir-riforestazzjoni u d-deforestazzjoni skont l-Artikolu 3(3) tal-Protokoll ta' Kjoto bl-assorbimenti netti (il-krediti) li jkunu ġejjin mill-attivitajiet tal-ġestjoni tal-foresti skont l-Artikolu 3(4) tal-Protokoll ta' Kjoto. Dik ir-regola tal-kontabbiltà ta' spiss tissejjaħ ir-regola tal-kumpens. Id-Deċiżjoni ta' Durban ma tipprevedix regola tal-kumpens bħal din għat-tieni perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto.

(6) Ir-regoli tal-kontabbiltà stipulati fid-Deċiżjoni ta' Durban jipprevedu limitu fuq l-użu tal-krediti li jkunu ġejjin mill-attivitajiet tal-ġestjoni tal-foresti sabiex, fit-tieni perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto, jitqies l-impenn favur il-mitigazzjoni. Skont dik id-Deċiżjoni, Parti partikulari ma tistax tuża krediti li jkunu ġejjin mill-attivitajiet tal-ġestjoni tal-foresti li jkunu ekwivalenti għal iktar minn 3,5 % tal-emissjonijiet tagħha stess, minbarra dawk li ġejjin mis-settur tal-LULUCF, matul is-sena jew il-perjodu ta' referenza tagħha għall-konformità mal-impenn ta' mitigazzjoni tagħha.

(7) Il-bidliet fir-regoli tal-kontabbiltà tas-settur tal-LULUCF stabbiliti fid-Deċiżjoni ta' Durban għandhom impatt sinifikanti fuq il-mod li bih il-partijiet iqisu l-attivitajiet tas-settur tal-LULUCF fit-tieni perjodu ta' impenn. Minħabba l-varjazzjoni ġeografika tas-settur tal-art, u d-diversità kbira fiċ-ċirkustanzi nazzjonali f'dan ir-rigward, l-impatt ivarja ħafna minn Stat Membru għall-ieħor. Il-fatt li r-regola tal-kumpens ġiet eskluża mir-regoli tal-kontabbiltà stabbiliti fid-Deċiżjoni ta' Durban jaffettwa t-twettiq tal-impenji tal-Partijiet fil-kuntest tat-tieni perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto. Din is-sitwazzjoni hija ta' rilevanza b'mod speċjali għal dawk il-pajjiżi li għandhom ħafna foresti, minħabba li l-kundizzjonijiet fis-settur tal-LULUCF ivarjaw minn pajjiż għall-ieħor.

(8) Fil-konklużjonijiet tiegħu tad-9 ta' Marzu 2012, il-Kunsill jagħraf l-impatt tal-bidliet fir-regola tal-kontabbiltà msejħa r-regola tal-kumpens għat-tieni perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto, billi jirrikonoxxi l-fatturi partikulari tal-pajjiżi b'ħafna foresti, b'mod speċjali f'dak li għandu x'jaqsam mal-possibbiltajiet limitati li jagħmlu tajjeb għall-emissjonijiet mill-afforestazzjoni, mir-riforestazzjoni u mid-deforestazzjoni bl-assorbiment tal-karbonju minn bjar dejjem ikbar li ġejjin mill-ġestjoni tal-foresti. Fl-istess ħin, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni tesplora l-għażliet bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni sodisfaċenti filwaqt li tiġi żgurata l-integrità ambjentali.

(9) Fl-2012, il-Kunsill irrikonoxxa wkoll is-sitwazzjoni speċifika tal-pajjiżi b'ħafna foresti fil-proċess li wassal għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 529/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar regoli tal-kontabilità dwar l-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-gassijiet serra li jirriżultaw mill-attivitajiet relatati mal-użu tal-art, mat-tibdil fl-użu tal-art u mal-forestrija u dwar informazzjoni li tikkonċerna l-azzjonijiet relatati ma' dawk l-attivitajiet, kif rifless fir-referenza għall-kundizzjonijiet ambjentali tal-pajjiżi b'ħafna foresti inkluża fil-preambolu ta' dik id-Deċiżjoni.

(10) Il-Finlandja kemm-il darba esprimiet tħassib dwar id-debiti tagħha mid-deforestazzjoni għas-settur tal-LULUCF minħabba l-bidla fir-regola tal-kumpens li ġabet magħha d-Deċiżjoni ta' Durban. Il-Finlandja tidher li qed tiġi affettwata b'mod speċifiku u uniku mill-applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta' Durban. Il-valutazzjonijiet attwali juru li l-Finlandja hija l-uniku Stat Membru li għalih il-limitu annwali ta' 3,5 % jkun ifisser li ma jistax ikopri d-debiti tiegħu li jkunu ġejjin mill-attivitajiet tal-afforestazzjoni, ir-riforestazzjoni u d-deforestazzjoni bil-krediti li jkunu ġejjin mill-attivitajiet tal-ġestjoni tal-foresti meta huwa jkun qed jagħti kont tal-impenn tiegħu fit-tieni perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto.

(11) Sabiex titqies is-sitwazzjoni speċjali u unika tal-Finlandja, l-Unjoni għandha tittrasferixxi lil dan il-pajjiż ammont ta' unitajiet tal-ammont assenjat mill-bilanċ favorevoli aritmetiku previst mid-Deċiżjoni 2006/944/KE, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/778/UE, li b'kollox m'għandux jaqbeż l-għaxar miljun unità. Dan l-ammont totali għandu jservi biss bħala kumpens ta' darba lill-Finlandja għall-impatt tal-bidla fir-regola tal-kumpens, sa fejn dan huwa meħtieġ biex dan il-pajjiż ikun jista' jikkonforma mal-impenji tiegħu tat-tieni perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto.

(12) Dak it-trasferiment għandu jsir malajr kemm jista' jkun u qabel tmiem il-perjodu ta' aġġustament (bl-Ingliż imsejjaħ true-up period) għall-ewwel perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto, skont id-disponibbiltà tal-unitajiet tal-ammont assenjat fir-Reġistru tal-Unjoni u wara li jkun tħallas jew ġie riżolt l-impenn dwar il-Kroazja stabbilit fil-Protokoll għat-Trattat dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea msejjaħ il-Protokoll dwar ċerti arranġamenti dwar trasferiment possibbli ta' darba ta' unitajiet ta' ammont assenjati maħruġa taħt il-Protokoll ta' Kjoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonjiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima lir-Repubblika tal-Kroazja, kif ukoll il-kumpens relatat.

(13) Il-Finlandja trid tuża dawk l-unitajiet tal-ammont assenjat b'mod li ma jinqabżux il-krediti li jkunu ġejjin mill-attivitajiet tal-ġestjoni tal-foresti fil-Finlandja li ma jkunux permessi għall-użu skont il-paragrafu 13 tal-Anness tad-Deċiżjoni ta' Durban. Il-Kummissjoni qieset kif xieraq l-impenn tal-Finlandja li tikkanċella kwalunkwe unità tal-ammont assenjat li jkun għad fadal minn dan it-trasferiment fi tmiem it-tieni perjodu ta' impenn.

(14) Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1. Se jitqiegħed ammont massimu ta' għaxar miljun unità (10000000) minn fost dawk l-unitajiet tal-ammont assenjat imsemmija fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2006/944/KE għad-dispożizzjoni tal-Finlandja sabiex dan il-pajjiż ikun jista' jikkonforma mal-impenji tiegħu tat-tieni perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto. L-Amministratur Ċentrali tar-Reġistru tal-Unjoni għandu jittrasferixxi lill-Parti tal-Protokoll ta' Kjoto li għandha kont fir-reġistru tal-Finlandja, malajr kemm jista' jkun u qabel tmiem il-perjodu ta' aġġustament għall-ewwel perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto, ammont minn fost dawn l-unitajiet tal-ammont assenjat li b'kollox m'għandux jaqbeż l-għaxar miljun unità (10000000).

2. It-trasferiment imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jsir skont id-disponibbiltà tal-unitajiet tal-ammont assenjat fir-Reġistru tal-Unjoni u wara li jkun tħallas jew ġie riżolt l-impenn dwar il-Kroazja stabbilit fil-Protokoll għat-Trattat dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea msejjaħ il-Protokoll dwar ċerti arranġamenti dwar trasferiment possibbli ta' darba ta' unitajiet ta' ammont assenjati maħruġa taħt il-Protokoll ta' Kjoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonjiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima lir-Repubblika tal-Kroazja, kif ukoll il-kumpens relatat.

Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' April 2014. Għall-Kummissjoni Connie Hedegaard Membru tal-Kummissjoni

Versions

  1. 2014-04-23