Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2013 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Koperazzjoni dwar Sistema Globali ta' Navigazzjoni Ċivili bis-Satellita (GNSS) bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Ukraina (2014/228/UE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2014/228@2013-11-25/mt
Contents
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 172, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mingħand il-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,
Billi:
(1) Fit-8 ta' Ottubru 2004, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex jinfetħu negozjati mal-Ukraina għal Ftehim ta' Koperazzjoni dwar Sistema Globali ta' Navigazzjoni Ċivili bis-Satellita (GNSS).
(2) Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2005, il-Ftehim ta' Koperazzjoni dwar Sistema Globali ta' Navigazzjoni Ċivili bis-Satellita (GNSS) bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Ukraina (il-Ftehim) ġie ffirmat fl-1 ta' Diċembru 2005.
(3) Il-Ftehim jippermetti kooperazzjoni eqreb mal-Ukraina fil-qasam tan-navigazzjoni bis-satellita. Dan se jimplimenta għadd ta' elementi tal-programmi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita.
(4) Il-Ftehim għandu jiġi approvat,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Il-Ftehim ta' Koperazzjoni dwar Sistema Globali ta' Navigazzjoni Ċivili bis-Satellita (GNSS) bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Ukraina (il-Ftehim) huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni Ewropea. It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 17(1) tal-Ftehim, u jagħmel din in-notifika: Minħabba d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009, l-Unjoni Ewropea ssostitwixxiet u ssuċċediet lill-Komunità Ewropea u minn dik id-data teżerċita d-drittijiet kollha u tassumi l-obbligi kollha tal-Komunità Ewropea. Għaldaqstant, ir-referenzi għall-Komunità Ewropea jew għall-Komunità fit-test tal-Ftehim iridu jinqraw bħala l-Unjoni Ewropea jew l-Unjoni.
Artikolu 3 Il-pożizzjoni li għandha tieħu l-Unjoni fil-Kumitat ta' Tmexxija tal-GNSS u fil-Gruppi Tekniċi Konġunti ta' Ħidma, kif inhu msemmi fl-Artikolu 14 tal-Ftehim, għandha tiġi adottata mill-Kunsill, fuq proposta mingħand il-Kummissjoni.
Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Novembru 2013. Għall-Kunsill Il-President D. Pavalkis