Gelex

Regolament (UE) Nru 249/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 827/2004 li jipprojbixxi l-importazzjoni tat-tonn alalunga mill-Atlantiku (Thunnus obesus) li joriġina fil-Bolivja, il-Kambodja, il-Ginea Ekwatorjali, Ġeorġja u Sjerra Leone u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1036/2001

In forceVersion 2014-02-26from 2014-03-27
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2014/249@2014-02-26/mt

Contents
  1. Preamble

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1) L-Unjoni Ewropea ilha parti kontraenti għall-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (il-Konvenzjoni ICCAT) mill-14 ta’ Novembru 1997, wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 86/238/KEE.

(2) Il-Konvenzjoni ICCAT tipprovdi qafas għall-kooperazzjoni reġjonali fil-konservazzjoni u l-ġestjoni tat-tonn u l-ispeċijiet li jixbħu t-tonn fl-Oċean Atlantiku u l-ibħra li jmissu miegħu. Il-Konvenzjoni ICCAT stabbilixxiet Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) li tadotta miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni. Dawk il-miżuri jorbtu lill-partijiet kontraenti.

(3) Fl-1998, l-ICCAT adottat ir-Riżoluzzjoni 98-18 dwar il-qabdiet ta’ tonn mhux rapportati u mhux regolati minn bastimenti ta’ skala kbira li jużaw il-konzijiet fiż-żona ta’ Konservazzjoni. Dik ir-Riżoluzzjoni stabbiliet proċeduri biex jiġu identifikati pajjiżi li l-bastimenti tagħhom kienu stadu għat-tonn u għal speċijiet li jixbħu t-tonn b’mod li naqqas l-effettività tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni tal-ICCAT. Din speċifikat ukoll miżuri li għandhom jittieħdu, li jinkludu, jekk meħtieġ, miżuri restrittivi tal-kummerċ mhux diskriminatorji, biex ma jkunx permess li l-bastimenti ta’ dawk il-pajjiżi jkomplu prattiki bħal dawn ta’ sajd.

(4) Wara l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni 98-18, l-ICCAT identifikat il-Bolivja, il-Kambodja, il-Ginea Ekwatorjali, il-Ġeorġja u Sjerra Leone bħala pajjiżi li l-bastimenti tagħhom jistadu għat-tonn għajnu kbira tal-Atlantiku (Thunnus obesus) b’mod li jnaqqsu l-effettività tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni. ICCAT issostanzjat dawn il-konklużjonijiet b’data dwar il-qabdiet, il-kummerċ u l-attivitajiet tal-bastimenti.

(5) B’konsegwenza ta’ dan, l-ICCAT irrakkomandat li l-partijiet kontraenti jieħdu l-miżuri xierqa, konsistenti mad-dispożizzjonijiet tar-riżoluzzjoni tagħha 98-18, biex tipprojbixxu l-importazzjoni tat-tonn għajnu kbira tal-Atlantiku u l-prodotti tiegħu fi kwalunkwe forma minn dawk il-pajjiżi.

(6) Fl-2004, l-importazzjonijiet tat-tonn għajnu kbira tal-Atlantiku li joriġina fil-Bolivja, il-Kambodja, il-Ginea Ekwatorjali, il-Ġeorġja u s-Sjerra Leone fl-Unjoni kienu pprojbiti mir-Regolament (KE) Nru 827/2004.

(7) Fl-14-il laqgħa speċjali fl-2004, l-ICCAT għarfet l-isforzi magħmula mill-Kambodja, il-Ginea Ekwatorjali u Sjerra Leone biex jindirizzaw it-tħassib tagħha u adottat rakkomandazzjonijiet biex tneħħi miżuri li jirrestrinġu l-kummerċ fil-konfront ta’ dawk it-tliet pajjiżi f’dak li għandu x’jaqsam mat-tonn għajnu kbira tal-Atlantiku u l-prodotti tiegħu.

(8) B’konsegwenza ta’ dan, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 919/2005 emenda ir-Regolament (KE) Nru 827/2004 biex titneħħa l-projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet tat-tonn għajnu kbira tal-Atlantiku u l-prodotti tiegħu mill-Kambodja, il-Ginea Ekwatorjali u s-Sjerra Leone lejn l-Unjoni. Wara dik l-emenda, ir-Regolament (KE) Nru 827/2004 jipprojbixxi biss tali importazzjonijiet mill-Bolivja u l-Ġeorġja.

(9) Fit-22 laqgħa annwali regolari tagħha fl-2011, l-ICCAT għarfet l-azzjonijiet meħuda mill-Bolivja u l-Ġeorġja u adottat ir-Rakkomandazzjoni 11-19 li tneħħil-projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet tat-tonn għajnu kbira tal-Atlantiku u l-prodotti tiegħu li kienu baqgħu japplikaw għal dawk iż-żewġ pajjiżi.

(10) Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 827/2004 għandu jiġi mħassar,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1 Ir-Regolament (KE) Nru 827/2004 huwa mħassar.

Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Strasburgu, is-26 ta’ Frar 2014. Għall-Parlament Ewropew Il-President M. Schulz Għall-Kunsill Il-President D. Kourkoulas

Versions

  1. 2014-02-26