Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' April 2014 li temenda d-Deċiżjoni 2010/221/UE fir-rigward tal-approvazzjoni ta' miżuri nazzjonali għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni tal-ostreid herpesvirus 1 μνar (OsHV-1 μνar) f'ċerti żoni tal-Irlanda u r-Renju Unit (notifikata bid-dokument C(2014) 2763) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) (2014/250/UE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2014/250@2014-04-29/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE tal-24 ta' Ottubru 2006 dwar il-ħtiġiet tas-saħħa għall-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta' ċertu mard f'annimali akkwatiċi, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2) tagħha,
Billi:
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/221/UE tippermetti li ċerti Stati Membri japplikaw restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni ta' konsenji tal-annimali akkwatiċi sabiex jevitaw l-introduzzjoni ta' ċertu mard fit-territorju tagħhom.
(2) L-Istati Membri jistgħu japplikaw dawn ir-restrizzjonijiet jekk ikunu wrew li t-territorju tagħhom, jew ċerti żoni demarkati tat-territorju tagħhom, huma ħielsa minn dan il-mard jew li dawn stabilixxew programm ta' qerda biex jiksbu t-tali ħelsien.
(3) L-Annessi I u III tad-Deċiżjoni 2010/221/UE jelenkaw żoni fl-Irlanda u r-Renju Unit b'miżuri nazzjonali approvati biex jikkontrollaw l-ostreid herpesvirus 1 μvar (OsHV-1 μVar).
(4) Billi l-OsHV-1 μVar kienet għadha meqjusa bħala marda emerġenti b'ħafna inċertezzi dwarha u l-programmi ta' sorveljanza approvati bid-Deċiżjoni 2010/221/UE ma kinux ġew ivvalutati għal kollox, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/213/UE awtorizzat li r-restrizzjonijiet relatati mal-OsHV-1 μVar jiġu applikati għal dawk iż-żoni sat-30 ta' April 2014.
(5) L-għarfien xjentifiku attwalment disponibbli jindika li l-OsHV-1 μVar għadu l-aġent misjub f'ħafna mill-kampjuni miġbura minn avvenimenti ta' mortalità tal-gajdri żgħar u l-larvi tal-gajdri, u li r-rata ta' mortalità globali minħabba din il-marda naqset u stabbilizzat matul l-aħħar sentejn. Barra minn hekk, il-programmi ta' sorveljanza tal-Irlanda u r-Renju Unit juru li hemm numru sinifikanti ta' żoni ta' produzzjoni għall-gajdri tal-Paċifiku li baqgħu ħielsa mill-marda. Dawk il-programmi jindikaw li l-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet ta' moviment attwalment fis-seħħ kienet fil-fatt effettiva. Madankollu, għad baqa' xi inċertezzi fir-rigward tal-epidemjoloġija tal-marda, u fir-rigward tal-aktar miżuri adegwati meħtieġa biex jiżguraw kontroll effettiv. Għalhekk, hija meħtieġa evalwazzjoni xjentifika aktar komprensiva tas-sitwazzjoni, inkluża opinjoni xjentifika ġdida mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (European Food Safety Authority — EFSA).
(6) Fuq bażi tal-evidenza xjentifika u epidemjoloġika disponibbli dwar l-evoluzzjoni tal-OsHV-1 μVar fl-Unjoni, u sakemm tingħata opinjoni xjentifika ġdida mill-EFSA, huwa xieraq li jittawwal il-perjodu ta' validità tal-miżuri attwalment fis-seħħ li bihom l-Istati Membri jistgħu japplikaw restrizzjonijiet speċifiċi relatati ma' din il-marda. Dan il-perjodu għandu jkun limitat għal sentejn oħra sat-30 ta' April 2016.
(7) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/12/UE kkonfermat l-istatus ta' ħelsien mill-marda tal-OsHV-1 μVar tat-territorji tar-Renju Unit li ġejjin, elenkati fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2010/221/UE: (i) it-territorju tal-Gran Brittanja ħlief il-Bajja ta' Whitstable f'Kent, l-Estwarju ta' Blackwater f'Essex u l-Port ta' Poole f'Dorset; (ii) iż-żona ta' Larne Lough fit-territorju tal-Irlanda ta' Fuq; u (iii) it-territorju ta' Guernsey.
(8) Skont id-dikjarazzjoni notifikata lill-Kummissjoni mir-Renju Unit, il-programm ta' sorveljanza għall-OsHV-1 μVar juri status ta' ħelsien mill-marda bl-eċċezzjoni taż-żoni infettati u mhux se jibqa' jiġi applikat kif indikat fl-Anness III tad-Deċiżjoni 2010/221/UE.
(9) L-annotazzjoni tar-Renju Unit fl-Anness III tad-Deċiżjoni 2010/221/UE għandha għalhekk titneħħa.
(10) Id-Deċiżjoni 2010/221/UE għandha tiġi emendata kif meħtieġ.
(11) Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Fl-Artikolu 3a(2) tad-Deċiżjoni 2010/221/UE, id-data 30 ta' April 2014 għandha tiġi sostitwita bid-data 30 ta' April 2016.
Artikolu 2 Fl-Anness III tad-Deċiżjoni 2010/221/UE l-annotazzjoni tar-Renju Unit fir-rigward tal-ostreid herpesvirus 1 μvar (OsHV-1μVar) titneħħa.
Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta' Mejju 2014.
Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, id-29 ta' April 2014. Għall-Kummissjoni Tonio Borg Membru tal-Kummissjoni