Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Frar 2012 dwar l-Għajnuna mill-Istat Nru SA.29608 (C37/10) implimentazzjoni mill-Ungerija għar-rikapitalizzazzjoni ta' FHB Jelzálogbank Nyrt (notifikata bid-dokument numru C(2012) 1021) (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) (2014/296/UE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2014/296@2012-02-22/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,
Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,
Wara li stiednet lill-partijiet interessati jressqu l-kummenti tagħhom skont dawn id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq, u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,
Billi: IL-PROĊEDURA
(1) Fil-25 ta' Marzu 2009, l-Ungerija tat lill-FHB Jelzálogbank Nyrt (minn hawn 'il quddiem l-FHB jew il-Bank) self mill-Istat ta' nofs terminu ta' 120 biljun Forint Ungeriż (HUF) (madwar EUR 410 miljun) skont l-iskema ta' likwidità għall-banek Ungeriżi li kienet ġiet approvata mill-Kummissjoni fl-14 ta' Jannar 2010. Fil-31 ta' Marzu 2009, l-awtoritajiet Ungeriżi rrikapitalizzaw lill-FHB bis-somma ta' HUF 30 biljun (madwar EUR 100 miljun) fil-forma ta' Ishma ta' Dividendi Privileġġati Speċjali flimkien ma' sehem tal-vot wieħed, mogħtija fil-31 ta' Marzu 2009 skont l-iskema ta' garanzija u rikapitalizzazzjoni approvata mill-Kummissjoni.
(2) Permezz tal-ittri ddatati t-3 ta' April, it-13 ta' Mejju, l-14 ta' Lulju u l-11 ta' Settembru 2009, il-Kummissjoni talbet għall-informazzjoni mingħand l-awtoritajiet Ungeriżi rigward it-termini tar-rikapitalizzazzjoni. L-awtoritajiet Ungeriżi wieġbu permezz tal-ittri ddatati l-24 ta' April, it-2 ta' Ġunju, it-12 ta' Awwissu u d-9 ta' Ottubru 2009.
(3) Minħabba dubji dwar is-solidità tal-bank fil-ħin tar-rikapitalizzazzjoni l-Kummissjoni talbet lill-Ungerija fid-19 ta' Ottubru 2009 biex tissottometti pjan ta' ristrutturar għall-FHB b'konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq ir-ritorn għall-vijabbiltà u l-valutazzjoni ta' miżuri ta' ristrutturar fis-settur finanzjarju fil-kriżi attwali taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat (minn hawn 'il quddiem il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar). L-Ungerija pprovdiet aktar informazzjoni fit-12 u d-19 ta' Novembru 2009 u abbozz tal-pjan ta' ristrutturar fis-26 ta' Jannar 2010.
(4) Fid-19 ta' Frar 2010, l-FHB ħallas lura l-ammont sħiħ tar-rikapitalizzazzjoni lill-Istat.
(5) Permezz ta' ittri ddatati l-24 u l-25 ta' Marzu 2010, l-Ungerija ssottomettiet aktar informazzjoni lill-Kummissjoni. L-FHB għamel assemblea ġenerali tal-azzjonisti fil-21 ta' April 2010, li fiha l-FHB iddeċieda dwar il-pagament ta' rimunerazzjoni għall-Istat għar-rikapitalizzazzjoni, li warajha l-Kummissjoni talbet informazzjoni permezz ta' ittra ddatata t-22 ta' April 2010.
(6) Il-Kummissjoni talbet għal aktar informazzjoni permezz tal-ittri ddatati t-2 ta' Ġunju u l-1 ta' Ottubru 2010. L-awtoritajiet Ungeriżi pprovdew tagħrif addizzjonali permezz ta' ittra ddatata l-11 ta' Ġunju 2010.
(7) Fil-15 ta' Ġunju 2010, l-Ungerija ssottomettiet pjan ta' ristrutturar aġġornat, li kien issupplimentat b'aktar dejta essenzjali sottomessa fit-30 ta' Settembru 2010.
(8) L-awtoritajiet Ungeriżi ssottomettew aktar informazzjoni permezz tal-ittri ddatati t-18 ta' Ġunju, it-28 ta' Lulju u l-5 ta' Ottubru 2010 u permezz ta' ittra ddatata d-29 ta' Ottubru 2010 għarrfu lill-Kummissjoni li l-FHB kien ħallas rimunerazzjoni għar-rikapitalizzazzjoni.
(9) Fis-16 ta' Diċembru 2010 l-Kummissjoni ddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem it-Trattat) fir-rigward tal-miżuri ta' għajnuna favur l-FHB. Sussegwentement, l-awtoritajiet Ungeriżi talbu lill-Kummissjoni biex temenda dik id-deċiżjoni peress li xi partijiet minnha ma kinux korretti u mhux aġġornati. Id-deċiżjoni għalhekk ġiet sostitwita b'deċiżjoni ġdida tal-24 ta' Jannar 2011 (minn hawn 'il quddiem id-Deċiżjoni tal-ftuħ). Permezz ta' ittra ddatata l-24 ta' Jannar 2011, il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet Ungeriżi li kienet iddeċiedet li tibda l-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat fir-rigward tal-miżura tal-għajnuna. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura ġiet ippubblikata f'il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-18 ta' Ġunju 2011. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar il-miżura.
(10) Permezz tal-ittra ddatata t-2 ta' Marzu 2011, l-awtoritajiet Ungeriżi ssottomettew il-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-Kummissjoni tal-24 ta' Jannar 2011, li tiftaħ proċedura formali ta' investigazzjoni fir-rigward tal-miżura mogħtija lill-FHB. Dawk l-osservazzjonjiet kienu ssupplimentati b'kumment li waslu mingħand l-FHB permezz tal-ittra ddatata l-11 ta' Lulju 2011.
(11) Permezz tal-ittra tat-18 ta' Lulju 2011, parti terza (Magyar Jelzálogbank Egyesület — l-Assoċjazzjoni tal-banek tal-ipoteki Ungeriżi) ressqet il-kummenti tagħha dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ lill-Kummissjoni.
(12) Aġġornament ulterjuri tal-pjan ta' ristrutturar u informazzjoni addizzjonali dwar ir-ripagament tar-rikapitalizzazzjoni għall-Istat Ungeriż kienu ppreżentati mill-awtoritajiet Ungeriżi permezz ta' ittra ddatata t-3 ta' Ottubru 2011.
(13) Fil-15 ta' Diċembru 2011, ġie ffirmat ftehim ġdid bejn l-FHB u l-Istat tal-Ungerija, li permezz tiegħu, il-bank intrabat li jħallas lill-Istat ir-rimunerazzjoni li inizjalment kienet maqbula fil-ftehim tar-rikapitalizzazzjoni.
DESKRIZZJONI TAL-BENEFIĊJARJU IL-BENEFIĊJARJU
(14) L-FHB ġie mwaqqaf mill-Istat fl-1997. L-Istat gradwalment biegħ is-sehem tiegħu fl-FHB. Fl-2003, l-FHB ġie elenkat fuq il-Borża ta' Budapest u f'Awwissu 2007 l-Istat naqqas is-sehem ta' maġġorżnza tiegħu fil-bank għal ftit aktar minn 4 %.
(15) L-FHB twaqqaf oriġinarjament bħala bank ipotekarju sabiex jippromwovi l-użu ta' bonds ipotekarji. Hu kien soġġett għal regoli stretti li jikkonċernaw is-superviżjoni kollaterali u speċifika tal-attività limitata, sabiex tiġi żgurata s-sigurtà massima tal-bonds ipotekarji. L-FHB kien inizjalment permess li jipprovdi biss self ipotekarju fit-tul u garanzji b'konnessjoni ma' self ipotekarju u li jikkonkludi xi tipi ta' tranżazzjonijiet derivati biex jiħħeġġja l-pożizzjoni tiegħu stess li tirriżulta mill-attività ta' self ipotekarju. Il-bonds ipotekarji kienu s-sors ta' finanzjament ewlieni tal-attività ta' self tiegħu. Il-Bank iffinanzja mill-ġdid ukoll is-self ipotekarju estiż minn banek oħra.
(16) Fl-2006, l-FHB introduċa l-Pjan Strateġiku l-Ġdid biex jespandi l-attività bankarja u n-netwerk ta' fergħat tiegħu, bil-għan li jwessa' l-bażi ta' finanzjament u operattiva tiegħu billi jidħol fis-suq tal-konsumaturi permezz tal-FHB Commercial Bank. Maż-żmien, l-FHB beda jbigħ diversi prodotti ta' self għall-konsumaturi u korporattivi, kif ukoll joffri l-ġestjoni tal-kont, it-teħid ta' depożitu u servizzi tal-kards, u b'hekk jespandi l-firxa tal-prodotti tiegħu fuq in-naħa tal-passiv.
(17) L-FHB hu grupp li jikkonsisti minn kumpanija prinċipali, l-FHB Mortgage Bank Co. Plc, u sussidjarji posseduti kompletament: l-FHB Commercial Bank Ltd, l-FHB Service Ltd, l-FHB Real Estate Ltd u l-FHB Life Annuity Real Estate Investment Ltd. Hu attiv primarjament fis-suq tal-bonds ipotekarji. F'dan is-suq, l-FHB għandu sehem tas-suq ta' 23 % (2009) u hu t-tieni l-akbar azzjonist fis-suq Ungeriż (wara l-OTP Bank b'74 % sehem tas-suq). L-FHB għandu sehem tas-suq ta' 4,6 % fis-suq tal-ipoteki għall-konsumaturi u 0,6 % f'depożiti għall-konsumaturi.
(18) Meta l-bank ġie rrikapitalizzat f'Marzu 2009, il-karta tal-bilanċ totali tiegħu kienet tammonta għal HUF 746,2 biljun. Fl-istess data, il-proporzjon tal-adegwatezza kapitali tal-bank (minn hawn 'il quddiem il-CAR — capital adequacy ratio) ammonta għal 10,5 %. L-injezzjoni kapitali mill-Istat żiedet il-CAR tal-FHB għal 16,1 % fi tmiem l-2009 (ikkalkulat skont ir-regoli tal-kontabbiltà Ungeriżi).
IL-KUNTEST
(19) L-Ungerija hi waħda mill-Istati Membri l-aktar milquta ħażin mill-kriżi finanzjarja. Snin ta' nefqa eċċessiva tal-Gvern u tkabbir fil-kostruzzjoni u l-konsum ibbażat fuq il-kreditu wasslu għal żbilanċi serji fl-ekonomija anke qabel il-kriżi. Il-prevalenza ta' self tal-familja denominat mill-Euro u l-frank Svizzeru kif ukoll id-dipendenza kontinwa fuq il-finanzjament estern għamlu lill-pajjiż u lis-settur bankarju tiegħu vulnerabbli b'mod speċjali għall-varjazzjonijiet fil-valur tal-forint Ungeriż, li ddgħajjef b'mod sinifikanti matul il-kriżi.
(20) Il-kriżi finanzjarja affettwat lill-Ungerija sal-punt li f'Novembru 2008, il-Fond Monetarju Internazzjonali (minn hawn 'il quddiem il-FMI), l-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem l-UE) u l-Bank Dinji kellhom jipprovdu self ta' emerġenza lill-Ungerija biex jikkalmaw it-tensjonijiet fis-swieq finanzjarji tal-pajjiż.
(21) Bi tweġiba għat-taqlib serju fl-ekonomija Ungeriża kkawżat mill-kriżi, il-Gvern Ungeriż introduċa diversi miżuri mmirati biex jappoġġaw lis-settur finanzjarju u ffinanzjati konġuntament minn pakkett tal-FMI/l-UE/il-Bank Dinji. Il-miżuri inkludew skema ta' appoġġ ta' likwidità u skema ta' garanzija u rikapitalizzazzjoni.
(22) L-iskema ta' appoġġ ta' likwidità (minn hawn 'il quddiem l-iskema ta' likwidità), li ġiet stabbilita fl-Att Ungeriż dwar il-Finanzi Pubbliċi tipprovdi għal likwidità fil-forma ta' self lill-istituzzjonijiet finanzjarji. Fl-14 ta' Jannar 2009 ġiet approvata mill-Kummissjoni u minn dak inhar 'l hawn ġiet imġedda diversi drabi, l-aktar riċenti fil-31 ta' Diċembru 2011.
(23) Permezz tad-deċiżjoni tat-12 ta' Frar 2009 il-Kummissjoni approvat skema Ungeriża ta' garanzija u rikapitalizzazzjoni. Skont l-iskema, l-Istat Ungeriż jista' jissottoskrivi ishma privileġġati, li huma kkunsidrati bħala kapital tal-Grad 1 fil-banek. Il-parti ta' rikapitalizzazzjoni tal-iskema kienet ipprolongata diversi drabi, l-iżjed riċenti fil-31 ta' Diċembru 2011.
(24) Skont l-iskema ta' garanzija u rikapitalizzazzjoni jekk rikapitalizzazzjoni taqbeż 2 % tal-assi tal-piż tar-riskju tal-bank (minn hawn 'il quddiem RWA — risk weighted assets), l-awtoritajiet Ungeriżi għandhom l-ewwel jinformaw lill-Kummissjoni u jipprovdu valutazzjoni dettaljata dwar għaliex jemmnu li tali bank għandu xorta jitqies bħala istituzzjoni fundamentalment b'saħħitha. Jekk il-Kummissjoni ma taċċettax il-valutazzjoni tal-bank bħala fundamentalment b'saħħtu, ir-rikapitalizzazzjoni xorta tista' sseħħ, iżda r-rimunerazzjoni għandha tkun miżjuda sabiex tirrifletti r-riskju akbar u pjan ta' ristrutturar għandu jiġi sottomess lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mir-rikapitalizzazzjoni.
(25) L-Ungerija kienet intlaqtet ħażin ħafna mill-kriżi finanzjarja, li, flimkien ma' problemi interni oħra fis-settur bankarju, aggravat is-sitwazzjoni tal-banek Ungeriżi.
(26) L-FHB kien jeħtieġ appoġġ mill-Istat għax, kuntrarjament għal ħafna banek oħrajn Ungeriżi, hu ma kellux kumpanija possedenti fiż-Żona tal-Euro u għalhekk ma setagħx jikseb finanzjament irħas ipprovdut mill-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn 'il quddiem il-BĊE). Il-faċilitajiet tal-BĊE, inklużi bosta faċilitajiet repo, kienu disponibbli fiż-Żona tal-Euro mill-ħarifa tal-2008. Il-Bank Nazzjonali tal-Ungerija ħoloq faċilità kmieni fl-2010 iżda din żiedet biss l-aċċess għall-finanzjament tal-forint Ungeriż u mhux għall-finanzjament tal-euro, li, skont l-FHB, kienet kruċjali matul l-agħar żmien tal-kriżi.
(27) Skont l-awtoritajiet Ungeriżi, ir-rikapitalizzazzjoni tal-FHB kienet meħtieġa biex tassigura s-solvenza tal-bank u biex tikkontrobbati d-diffikultajiet ta' likwidità li ħabbat wiċċu magħhom is-settur bankarju kollu fl-Ungerija.
DESKRIZZJONI TAL-MIŻURI TA' GĦAJNUNA
(28) Il-miżuri ta' għajnuna mogħtija mill-Ungerija lill-FHB, deskritti fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-Kummissjoni tal-24 ta' Jannar 2011, jikkonsistu fi:
Self mill-Istat ta' nofs terminu skont l-iskema ta' likwidità ta' HUF 120 biljun (madwar EUR 410 miljun) mogħti fil-25 ta' Marzu 2009, b'data ta' maturità l-11 ta' Novembru 2012,
Rikapitalizzazzjoni ta' HUF 30 biljun (madwar EUR 100 miljun), fil-forma ta' Ishma ta' Dividendi Privileġġati Speċjali flimkien ma' sehem tal-vot wieħed, mogħtija fil-31 ta' Marzu 2009 skont l-iskema ta' garanzija u rikapitalizzazzjoni.
(29) Ftehim ta' rikapitalizzazzjoni bejn l-Ungerija u l-FHB iffissal-formula għall-kalkolu tar-rata ta' rimunerazzjoni tal-Istat għall-ishma għal 10,49 %, li hu skont ir-rata ta' rimunerazzjoni għal banek fundamentalment b'saħħithom stabbilita fl-iskema ta' garanzija u rikapitalizzazzjoni, li għandha titħallas fil-forma ta' dividendi. Ir-rikapitalizzazzjoni ammontat għal 9 % tal-RWA tal-FHB, li hu aktar mil-limitu ta' 2 % definit fl-iskema ta' garanzija u rikapitalizzazzjoni skont liema l-istituzzjonijiet benefiċjarji jistgħu jitqiesu bħala fundamentalment b'saħħithom. Peress li l-miżura ma kinitx innotifikata lill-Kummissjoni qabel l-implimentazzjoni, il-Kummissjoni ma kellhiex l-opportunità li tivverifika jekk il-bank kellux jiġi kkunsidrat bħala fundamentalment b'saħħtu skont l-iskema ta' garanzija u rikapitalizzazzjoni. Meta l-benefiċarju jitqies mhux b'saħħtu skont l-iskema ta' garanzija u rikapitalizzazzjoni, pjan ta' ristrutturar ikun meħtieġ u r-rata ta' rimunerazzjoni trid tirrifletti l-karattru mhux b'saħħtu tal-bank, u tkun ogħla mir-rata ta' rimunerazzjoni tal-banek fundamentalment b'saħħithom.
(30) Minkejja d-diffikultajiet tiegħu, il-bank irnexxielu jlaħħaq tajjeb matul dak il-perjodu: Hu kellu pożizzjoni kapitali b'saħħitha (CAR ta' 10,5 % f'Marzu 2009) u kellu klassifika ta' Baa3 mis-Servizz tal-Investituri Moody's (minn hawn 'il quddiem Moody's) li xorta kienet għadha fil-kategorija tal-grad ta' investment. Fi Frar 2010, inqas minn disa' xhur wara r-rikapitalizzazzjoni, il-bank reġa' xtara lura l-Ishma ta' Dividendi Privileġġati Speċjali miżmuma mill-Istat.
(31) Il-bank iddeċieda li jħallas lura r-rikapitalizzazzjoni fuq il-bażi ta' CAR rivedut, konsolidat, kurrenti u mistenni, filwaqt li qies it-tbassir makroekonomiku użat fl-ippjanar tiegħu tal-2010 u l-volumi mistennija, bilanċi u informazzjoni dwar ir-riskju skont il-pjan finanzjarju tal-bank tal-2010. Ir-reviżjoni kkonkludiet li minkejja l-kriżi finanzjarja globali, is-sitwazzjoni tal-bank sa tmiem is-sena kienet ferm aħjar milli mistenni fiż-żmien tal-ftehim mal-Istat Ungeriż dwar ir-rikapitalizzazzjoni tal-Bank kmieni fl-2009.
(32) L-FHB reġa' ħallas ir-rikapitalizzazzjoni lill-Istat u ma ħallasx xi rimunerazzjoni għall-Istat, li jirriżulta fi ksur tal-ftehim tar-rikapitalizzazzjoni. Madankollu, il-bank ikkunsidra li l-Ishma ta' Dividendi Privileġġati Speċjali miżmuma mill-Istat ma kinux intitolati awtomatikament għall-ħlas ta' dividendi u l-privileġġ tagħhom kien ifisser biss li l-bank kellu jħallas id-dividend iddikkjarati lill-Istat qabel ma jħallas id-dividendi fuq ishma komuni. Minħabba li l-azzjonisti komuni ma rċivew l-ebda dividend fil-perjodu li matulu l-Istat żamm l-Ishma ta' Dividendi Privileġġati Speċjali, skont il-bank ma kien hemm l-ebda obbligu li jħallas id-dividendi privileġġati. Barra minn hekk, l-FHB argumenta li fi kwalunkwe każ, l-Istat ma kienx fil-pussess tal-Ishma ta' Dividendi Privileġġati Speċjali meta d-dividendi kienu ddikjarati għas-sena 2009, minħabba li x-xiri lura tal-ishma sar minn qabel.
(33) L-FHB għarraf lill-Kummissjoni li hu kien ipparteċipa fl-eżerċizzju tal-2010 tal-ittestjar tal-istress madwar l-UE kkoordinat mill-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej, f'kooperazzjoni mal-BĊE u l-Awtorità Superviżorja Finanzjarja tal-Ungerija. It-test tal-istress kien iffukat fuq l-adegwatezza tal-kapital filwaqt li r-riskji tal-likwidità ma kinux ittestjati għall-istress b'mod dirett. Ir-riżultati tat-test, ibbażati fuq iċ-ċifri konsolidati sa tmiem is-sena 2009, issuġġerew bafer ta' [aktar minn 50] miljun EUR ta' Kapital tal-Grad 1 kontra l-limitu minimu tal-proporzjoni ta' adegwatezza ta' 6 % tal-Grad 1 għall-FHB.
(34) Permezz tal-Att CX tal-2010 dwar l-Emenda ta' Ċerti Atti Marbuta mal-Ekonomija u l-Finanzi (minn hawn 'il quddiem l-Att CX tal-2010), li daħal fis-seħħ fil-21 ta' Awwissu 2010, l-Ungerija emendat l-Att CIV tal-2008 dwar l-istabbiltà tas-sistema intermedjarja finanzjarja (minn hawn 'il quddiem l-Att ta' Stabbilizzazzjoni). L-Att CX tal-2010 ħoloq b'mod retroattiv titolu legali għall-Istat Ungeriż biex jitlob rimunerazzjoni mill-FHB dwar ir-rikapitalizzazzjoni anke jekk l-Istat Ungeriż ma kienx aktar azzjonist fiż-żmien tal-laqgħa tal-azzjonisti tal-FHB fejn ġie deċiż dwar il-ħlas tad-dividendi.
(35) Fit-28 ta' Ottubru 2010, l-Istat Ungeriż u l-FHB iffirmaw ftehim skont liema l-FHB kellu jħallas rimunerazzjoni ta' HUF 890 miljun għall-Istat Ungeriż għar-rikapitalizzazzjoni flimkien ma' ħlas tal-imgħax tardiv ta' HUF 11726786.
(36) Il-livell ta' rimunerazzjoni kien allegatament iddeterminat fuq il-bażi tat-termini tal-iskema ta' likwidità. L-awtoritajiet Ungeriżi argumentaw li r-rikapitalizzazzjoni kienet mogħtija mill-istess sors ta' finanzjament bħall-appoġġ ta' likwidità fil-forma tas-self u għal dawk ir-raġunijiet ir-rimunerazzjoni għar-rikapitalizzazzjoni u għall-appoġġ ta' likwidità għandhom ikunu l-istess. Il-kapital kien disponibbli għall-FHB fis-6 ta' Mejju 2009 u ġie mħallas lura fid-19 ta' Frar 2010. Ir-rata tal-imgħax li kienet applikata fl-aħħar kienet l-istess bħar-rata tal-imgħax imħallsa għas-self ta' madwar EUR 400 miljun. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Ungerija, ir-rata medja tal-imgħax ta' kull xahar li rriżulta ammontat għal bejn 3,79 % u 4,08 %; l-ammont eżatt kien ikkalkulat fuq bażi ta' kull ġimgħa. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Ungeriżi ammont totali ta' rimunerazzjoni ta' HUF 890 miljun kien tħallas fi tmiem l-2010.
(37) L-imgħax tal-ħlas tardiv ġie kkalkulat skont ir-rata ta' referenza tal-Ungerija ta' 5,97 % kif ippubblikata mill-Kummissjoni, miżjuda b'100 punt bażi. L-imgħax fuq il-ħlas tardiv ġie kkalkolat għall-perjodu mill-21 ta' Awwissu 2010, meta daħal fis-seħħ l-Att ta' Stabbilizzazzjoni kif emendat, sat-28 ta' Ottubru 2010, meta l-ftehim ġie ffirmat.
(38) Fil-15 ta' Diċembru 2011, l-Istat Ungeriż u l-FHB qablu dwar ftehim ġdid li fih il-bank qabel li jħallas lill-Istat ammont aggregat ta' 10,49 % tal-ammont totali tar-rikapitalizzazzjoni (jiġifieri ammont totali ta' ħlas ta' HUF 2491742552). Skont dan il-ftehim il-ġdid, l-FHB għalhekk impenja li jħallas lill-Istat sal-31 ta' Diċembru 2011 ammont addizzjonali ta' HUF 1601742552, ikkalkulat bħala d-differenza bejn l-ammont totali tar-rimunerazzjoni ta' HUF 890 miljun imsemmi hawn fuq fil-Premessa (36) u r-rimunerazzjoni li kienet diġà tħallset fit-28 ta' Ottubru 2010.
IL-PJAN TA' RISTRUTTURAR
(39) Fit-30 ta' Settembru 2010, l-Ungerija ssottomettiet lill-Kummissjoni pjan ta' ristrutturar aġġornat għall-FHB. Informazzjoni ulterjuri dwar il-pjan ta' ristrutturar kienet sottomessa lill-Kummissjoni permezz ta' ittra ddatata t-3 ta' Ottubru 2011. L-aspetti prinċipali tal-pjan ta' ristrutturar diġà ġew deskritti fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-Kummissjoni. Elementi addizzjonali kienu sottomessi fit-3 ta' Ottubru 2011 u huma deskritti fit-taqsimiet 4.1 sa 4.3.
IL-VIJABBILTÀ
(40) Fl-2010, l-ambjent ekonomiku internazzjonali u domestiku kien pjuttost diffiċli, anki jekk kien hemm sinjali ta' titjib. Fl-2010, il-profittabbiltà tas-settur bankarju Ungeriż kienet ferm lura minn dik tas-sena preċedenti. Bis-saħħa tal-Att CX tal-2010 li daħal fis-seħħ fit-13 ta' Awwissu 2010, il-Gvern Ungeriż introduċa taxxa speċjali pagabbli minn organizzazzjonijiet finanzjarji li tammonta għal effett kumulattiv ta' HUF 187 biljun u li titħallas l-aktar mill-istituzzjonijiet ta' kreditu.
(41) Id-domanda għal self minn klijenti konsumaturi kienet naqset b'mod kbir matul l-2010; fl-istess ħin, in-naħa tal-provvista ddgħajfet minħabba bidliet sfavorevoli fl-ambjent regolatorju u fil-kundizzjonijiet tas-suq. Is-self korporattiv b'mod ġenerali mar ħażin ukoll fis-settur, għalkemm ċerti banek — inkluż l-FHB — kabbru l-attivitajiet korporattivi tagħhom.
(42) L-aktar avveniment importanti li jikkonċerna r-riżultati tal-FHB kemm operazzjonali u kemm finanzjarji kien l-akkwiżizzjoni tiegħu tal-Allianz Commercial Bank Ltd (minn hawn 'il quddiem l-Allianz Bank) u l-ftehim ta' kooperazzjoni strateġika fit-tul bejn Allianz Hungaria Insurance Co. Ltd. (minn hawn 'il quddiem l-Allianz Hungaria Insurance) u l-FHB. L-akkwiżizzjoni kienet magħluqa sat-30 ta' Settembru 2010. Fl-istess ħin tnieda proġett ta' integrazzjoni fl-FHB sabiex jingħaqdu l-Allianz Bank u l-FHB Commercial Bank u sabiex issir razzjonalizzazzjoni u ottimizzazzjoni tal-operazzjonijiet tal-grupp kollu (in-netwerk ta' fergħat, il-kanali tad-distribuzzjoni, il-portafoll tal-prodotti, l-operat tal-IT, l-istruttura tal-organizzazzjoni u r-riżorsi umani, eċċ.).
(43) L-akkwiżizzjoni affettwat pożittivament il-profitt nett tal-grupp FHB għall-2010; operazzjonijiet ta' darba relatati mal-akkwist ibbilanċjaw l-impatt negattiv tat-taxxa bankarja speċjali, it-telf fuq il-portafoll ta' self u ż-żieda tal-ispejjeż tal-finanzjament. Il-profitt totali tal-FHB fl-2010 ammonta għal HUF 11,2 biljun, li jirrappreżentaw żieda ta' 58,9 % meta mqabbel mal-2009.
(44) Bħala riżultat tal-akkwiżizzjoni tal-Allianz Bank in-numru ta' kontijiet bankarji tal-konsumaturi u korporattivi fl-FHB żdied b'mod sinifikanti, minn […] f'Diċembru 2009 għal […] f'Diċembru 2010 (+ […] %). Madankollu, minħabba l-għadd kbir ta' kontijiet inattivi, l-ammont ta' depożiti ma żdietx proporzjonalment, iżda żdied minn HUF […] biljun f'Diċembru 2009 għal HUF […] biljun f'Diċembru 2010 (+ […] %). Is-sehem tas-suq ta' FHB fis-swieq tad-depożiti tal-konsumaturi u korporattivi, żdied minn […] % għal […] % u minn […] % għal […] % rispettivament. L-akkwiżizzjoni tal-Allianz Bank għalhekk iżżid is-sehem ta' depożiti fit-taħlita ta' finanzjament tal-FHB u tnaqqas l-ammont ta' bonds ipotekarji minn HUF […] biljun fl-2010 għal HUF […] biljun fl-2011.
(45) L-FHB ibassar li, abbażi tal-karta tal-bilanċ u d-dikjarazzjoni tad-dħul ikkonsolidati għall-2011, il-CAR tiegħu għandu jkun ta' madwar […] % f'Diċembru 2011. Din il-previżjoni tqis il-pagament addizzjonali li għandu jsir lill-Istat Ungeriż fir-rigward tar-rikapitalizzazzjoni mwettqa f'Marzu 2009, fejn sar pagament addizzjonali fil-15 ta' Diċembru 2011 bi ftehim mal-Istat Ungeriż.
IL-QSIM TAL-PIŻIJIET
(46) F'Ottubru 2010, l-FHB ħallas rimunerazzjoni ta' HUF 890 miljun għar-rikapitalizzazzjoni ta' HUF 30 biljun. Ir-rata tal-imgħax applikata oriġinarjament kienet l-istess rata ta' imgħax li kienet tħalset għas-self ta' HUF 120 biljun jew medja fix-xahar ta' bejn 3,79 % u 4,08 %.
(47) Skont il-Ftehim il-ġdid iffirmat fil-15 ta' Diċembru 2011 bejn l-FHB u l-Istat tal-Ungerija, il-bank intrabat li jħallas lill-Istat rimunerazzjoni totali ta' HUF 2491742552, li tirrappreżenta 10,49 % tal-ammont ta' rikapitalizzazzjoni, kif maqbul fil-bidu bejn il-bank u l-Istat fil-ftehim ta' rikapitalizzazzjoni.
MIŻURI BIEX TIĠI LIMITATA D-DISTORSJONI TAL-KOMPETIZZJONI
(48) L-informazzjoni addizzjonali pprovduta f'Ottubru 2011 ma indirizzatx b'mod speċifiku d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, minbarra li enfasizzat il-fatt li, minkejja x-xiri tal-Allianz Bank, is-sehem tas-suq tal-FHB rigward depożiti tal-konsumaturi u kummerċjali jibqa' limitat (għal [0,7 %-1,3 %] u [0,4 %-0,95 %], rispettivament, fil-31 ta' Diċembru 2010 u għal [0,65 %-1,3 %] u [1 %-1,35 %], rispettivament, fit-30 ta' Ġunju 2011).
IR-RAĠUNIJIET LI JIĠĠUSTIFIKAW IL-FTUĦ TAL-PROĊEDURA FORMALI
(49) Il-Kummissjoni fetħet proċedura ta' investigazzjoni formali minħabba li kkunsidrat li s-suppożizzjonijiet sottostanti ewlenin tal-pjan ta' ristrutturar u tat-tbassir tan-negozju tal-FHB ma kinux ġustifikati biżżejjed u ma kkunsidrawx ix-xiri riċenti tal-Allianz Bank mill-FHB. Barra minn hekk, il-Kummissjoni esprimiet ukoll dubji dwar il-vijabbiltà fit-tul tal-FHB minħabba li hu espost ħafna għall-finanzjament fuq skala kbira u għas-suq tal-proprjetà immobbli fl-Ungerija.
(50) Barra minn hekk, minħabba l-livell baxx ta' rimunerazzjoni mħallsa lill-Istat f'Ottubru 2010 fuq l-ammont tar-rikapitalizzazzjoni (li jikkorrispondi għal rata medja tal-imgħax ta' bejn 3,79 % u 4,08 % kif stabbilita fl-iskema ta' likwidità), il-Kummissjoni esprimiet ukoll dubji dwar jekk il-kontribuzzjoni tal-bank stess għall-isforz ta' ristrutturazzjoni tiegħu kienx suffiċjenti. Ix-xiri tal-Allianz Bank mill-FHB u l-ftehim mal-Allianz Hungaria Insurance ukoll qajmu dubji dwar jekk l-għajnuna kinitx limitata għall-ammont minimu meħtieġ.
(51) Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni qieset ukoll li l-awtoritajiet Ungeriżi ma kinux urew li ttieħdu miżuri biżżejjed sabiex jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni kkawżati għas-suq mill-għajnuna li rċieva l-FHB, b'mod partikolari fir-rigward tal-istrateġija ta' espansjoni tiegħu, l-akkwist riċenti tiegħu tal-Allianz Bank, u n-nuqqas ta' rimunerazzjoni mħallsa għar-rikapitalizzazzjoni mill-Istat.
IL-KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI
(52) Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mill-Assoċjazzjoni tal-banek tal-ipoteki Ungeriża (minn hawn 'il quddiem l-Assoċjazzjoni) fit-18 ta' Lulju 2011. Fil-kummenti tagħha, l-Assoċjazzjoni fakkret fl-iskala tal-kriżi li laqtet l-ekonomija u s-settur bankarju tal-Ungerija f'2008-2009 u ġibdet l-attenzjoni li r-rikapitalizzazzjoni tal-FHB seħħet minħabba ambjent makroekonomiku diffiċli b'riżultat tal-kriżi. L-intervent mill-Istat favur l-FHB kellu l-għan li jindirizza r-riskji serji għas-settur tal-kreditu ipotekarju u għas-suq tal-bonds ipotekarji tal-Ungerija. Tabilħaqq, b'riżultat tal-vulnerabbiltà għaċ-ċaqliq fil-kambju, it-tisħiħ tal-frank Svizzeru kontra l-forint Ungeriż, it-tnaqqis tad-dħul tal-konsumatur u ż-żieda fil-qgħad, kien hemm degradazzjoni mgħaġġla u serja tal-kwalità tal-istokk tal-kreditu ipotekarju u żieda fin-numru ta' krediti ħżiena u possibbiltajiet ta' finanzjament li qed jiddeterjoraw għall-banek. Dan kien speċjalment minnu fil-każ tal-FHB, li hu ffinanzjat mis-suq kapitali.
IL-KUMMENTI MILL-ISTAT MEMBRU
(53) Il-Kummissjoni rċeviet il-kummenti mingħand l-awtoritajiet Ungeriżi fit-2 ta' Marzu 2011, issupplimentati minn kummenti mingħand l-FHB permezz ta' ittra ddatata l-11 ta' Lulju 2011.
IL-VIJABBILTÀ
(54) B'risposta għad-dubji tal-Kummissjoni rigward il-preċiżjoni ta' suppożizzjonijiet sottostanti għall-pjan ta' ristrutturar tal-bank, l-awtoritajiet Ungeriżi jiddikjaraw li l-previżjonijiet finanzjarji huma bbażati fuq suppożizzjonijiet tal-esperti esterni u huma konsistenti mal-informazzjoni li kienet disponibbli fiż-żmien meta saru. F'termini tal-istabbiltà, dawn mhumiex differenti minn kwalunkwe pjanijiet finanzjarji jew previżjonijiet oħra li saru mill-FHB.
(55) Skont l-awtoritajiet Ungeriżi, il-vijabbiltà fit-tul tal-FHB hi żgurata kif jixhed is-suċċess tal-FHB biex jiġbor fondi kemm fis-suq tal-flus u kemm dak kapitali: fl-2009, l-FHB ħareġ noti u bonds ipotekarji għal aktar minn HUF 60 biljun u investituri privati wkoll sellfu lill-Bank total ta' […].
(56) Barra minn hekk, l-awtoritajiet Ungeriżi jiddikjaraw li, rigward kontijiet tad-depożiti tal-konsumaturi, id-dejta turi li s-sehem tal-FHB fil-parti tad-depożiti tal-konsumaturi żdied minn […] % għal […] % fl-2009; il-projjezzjoni għal tmiem l-2010 hi ta' […] %. Barra minn hekk, in-numru ta' kontijiet tal-konsumaturi kif ukoll id-daqs tal-portafoll ta' tali kontijiet kien qed jiżdied b'mod konsistenti u dinamikament minkejja l-projjezzjoni tas-suq għal tnaqqis fil-portafoll. Għalhekk, il-bank u l-awtoritajiet Ungeriżi ma jqisux il-projjezzjonijiet dwar id-depożiti tal-konsumaturi u l-kontijiet tal-konsumaturi bħala ottimisti żżejjed.
(57) Fir-rigward il-pożizzjoni ta' likwidità tal-FHB, tista' tkun meqjusa bħala konsistentement stabbli, li hu dovut, inter alia, għall-fatt li għandu jikkonforma ma' rekwiżiti tal-likwidità preskritti mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni. Is-sitwazzjoni tal-likwidità tal-bank kienet stabbli anki fl-aktar perijodi diffiċli tal-kriżi, li hi kkonfermata permezz tal-ittra tad-19 ta' Marzu 2009 tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Ungeriż lill-Ministru tal-Finanzi.
(58) Fl-aħħarnett, id-dgħufija tal-kwalità tal-assi tal-bank matul il-kriżi kienet prinċipalment minħabba s-sitwazzjoni markoekonomika tal-Ungerija, it-tnaqqis tad-dħul tal-familji, it-tnaqqis fir-rati tal-impjiegi u ż-żieda fir-rata tal-qgħad, minflok minħabba x-xejra 'l fuq tal-frank Svizzeru kontra l-forint Ungeriż. Għalkemm l-FHB nieda diversi skemi mmirati biex jindirizzaw il-problemi tad-debituri f'qagħda ħażina, il-kwalità tal-portafoll tas-self se tkun imtejba b'mod permanenti l-aktar permezz ta' prosperità ekonomika u indikaturi ekonomiċi mtejba. Il-projjezzjonijiet ekonomiċi tal-Bank Ċentrali Ungeriż u l-Gvern Ungeriż għall-2011 huma ta' tkabbir fil-Prodott Domestiku Gross (minn hawn 'il quddiem PDG), titjib gradwali fl-impjiegi u rata ta' qgħad aktar baxxa, li x'aktarx għandhom ikollhom impatt sinifikanti wkoll fuq il-portafoll tas-self tal-FHB.
IL-QSIM TAL-PIŻIJIET
(59) L-awtoritajiet Ungeriżi rrimarkaw li l-FHB ikkonkluda l-ftehimiet mal-Allianz Bank u l-Allianz Hungaria Insurance wara li l-FHB kien ħallas lura lill-Istat b'mod sħiħ fid-19 ta' Frar 2010 għall-valur kollu tal-ishma li nħareġ u rrimborża l-ishma maħruġa matul ir-rikapitalizzazzjoni. Il-ftehimiet tal-FHB mal-Allianz seħħew f'Ġunju u Lulju 2010 u l-akkwiżizzjoni seħħet f'Settembru 2010. F'dak iż-żmien, l-ebda fondi mill-Istat ma kienu miżmuma mill-FHB. Għalhekk, l-FHB ma setagħx iffinanzja l-akkwiżizzjoni mir-rikapitalizzazzjoni mħallsa lura fi Frar 2010. L-analiżi u d-diskussjonijiet preparatorji bejn l-FHB u l-Allianz bdew biss wara li kien tħallas lura s-self mill-Istat. Barra minn hekk, il-prezz tax-xiri li l-FHB ħallas għal Allianz Bank (flimkien mal-valur tal-ishma tat-teżor meqjusa) ammonta għal madwar HUF 3,3 biljun, filwaqt li l-kapital tal-ekwità tal-Allianz Bank kien qrib HUF 14-il biljun fit-30 ta' Settembru 2010. Għalhekk, sabiex ikun kapaċi jikseb lill-Allianz Bank, l-FHB ma kellux bżonn xi kapital, u t-tranżazzjoni ma naqqsitx l-ekwità tal-FHB.
(60) Barra minn hekk, il-fatt li l-għajnuna kienet limitata għall-minimu neċessarju hu rifless fil-fatt li l-CAR tal-FHB, li kien ta' 11,3 % fl-2008, laħaq il-mira ta' 12 % tal-CAR, approvata mill-Kummissjoni fl-iskema tal-garanzija u tal-kapital, biss wara r-rikapitalizzazzjoni.
(61) L-awtoritajiet Ungeriżi jinnotaw ukoll li l-FHB ma ħallasx dividendi għal diversi snin wara xulxin, u li xtara lura biss porzjon minuri tal-ishma tiegħu relattivament għal-valur totali tal-ekwità tal-azzjonisti. Għaldaqstant, billi l-ammont ta' fondi lura lis-sidien u l-azzjonisti kien baxx matul l-aħħar snin, kien żgurat sehem xieraq tal-piżijiet.
IL-MIŻURI BIEX TIĠI LIMITATA D-DISTORSJONI TAL-KOMPETIZZJONI
(62) Minbarra l-miżuri biex ikunu limitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li semmiet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha, l-awtoritajiet Ungeriżi jindikaw miżuri addizzjonali marbuta mal-iskema ta' garanzija u rikapitalizzazzjoni u l-ftehim ta' rikapitalizzazzjoni bejn l-FHB u l-Istat tal-Ungerija:
L-istat hu intitolat għal dritt tal-veto speċjali fuq pagamenti ta' dividendi u akkwiżizzjonijiet, kif ukoll
Xi restrizzjonijiet għandhom jiġu implimentati mill-bank fir-rigward tas-salarju, ir-rimunerazzjoni u l-benefiċċji tal-uffiċjali għolja tiegħu sa tmiem l-interess tal-Istat Ungeriż.
(63) L-awtoritajiet Ungeriżi jinnotaw li, skont l-interpretazzjoni tagħhom tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, dawk il-miżuri ta' imġiba u miżuri oħra li jillimitaw id-distorsjoni tal-kompetizzjoni huma jew kienu vinkolanti fuq l-FHB sakemm l-Istat kien azzjonist tal-bank.
(64) Minbarra l-miżuri msemmija hawn fuq, l-FHB għamel aktar impenji fil-punt 3.8 tal-ftehim tar-rikapitalizzazzjoni, li jistipula li r-rikapitalizzazzjoni għandha tkun użata biex jintlaħqu l-għanijiet li ġejjin:
Li l-FHB twettaq żieda fil-kapital fl-FHB Commercial Bank;
Li r-rikapitalizzazzjoni tikkontribwixxi għall-istabbilizzazzjoni tas-swieq tan-noti ipotekarji u tas-self ipotekarju Ungeriżi u tiffinanzja l-iżvilupp ta' self għall-konsumaturi u self għall-SMEs;
Li r-rikapitalizzazzjoni ttejjeb l-istabbiltà tal-FHB u ssaħħaħ il-preżenza attiva tiegħu fis-suq kapitali, u b'hekk tikkontribwixxi biex tinġieb lura l-fiduċja tal-investitur;
Li l-FHB jipparteċipa fil-konsolidazzjoni tal-partijiet tas-suq ta' hawn fuq;
Li l-FHB jottimizza l-istruttura ta' finanzjament tiegħu (l-istruttura ta' responsabbiltà);
Li l-FHB jespandi l-għodda tiegħu meħtieġa biex jiġu evitati l-impatti estremi ta' riskji makro (tar-rata tal-kambju) fuq in-naħa kapitali.
(65) Kontra d-dubji espressi mill-Kummissjoni, ir-rikapitalizzazzjoni tal-FHB ma kinitx immirata għal distorsjoni tal-kompetizzjoni permezz tal-espansjoni tal-attivitajiet tal-FHB Commercial Bank. Iż-żieda ta' kapital f'dan l-aħħar kien impenn meħud fil-ftehim tar-rikapitalizzazzjoni. L-attività ewlenija tal-FHB Commercial Bank, appoġġata wkoll miż-żieda kapitali ta' HUF 25 biljun iffinanzjata mir-rikapitalizzazzjoni tal-Istat, baqgħet fis-seħħ. Il-portafoll ta' self korporattiv kien qiegħed jespandi konsistentement iżda mhux aktar mix-xejra ta' tkabbir preċedenti tiegħu.
(66) Fl-opinjoni tagħhom, dan kollu juri li ma hemm l-ebda bażi għall-ġudizzju mqassar tal-Kummissjoni dwar il-miżuri mmirati li jillimitaw id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-istqarrija tagħha li dawn il-miżuri huma limitati ħafna. Għalhekk, l-awtoritajiet Ungeriżi jinsistu li l-ftehim tar-rikapitalizzazzjoni laħaq il-kriterji stabbiliti fiż-żewġ Atti ta' Stabbilizzazzjoni u l-Komunikazzjonijiet rilevanti tal-Kummissjoni.
IL-VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA L-EŻISTENZA TAL-GĦAJNUNA
(67) Fid-Deċiżjoni tal-ftuħ tagħha tal-24 ta' Jannar 2011, il-Kummissjoni diġà sabet li kemm ir-rikapitalizzazzjoni u kemm l-appoġġ ta' likwidità fil-forma ta' self ipprovdut lill-FHB jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. La l-Istat Ungeriż u lanqas l-FHB ma ressqu xi argument li jitfa' dubju fuq dak ir-riżultat.
IL-LEGALITÀ TAL-GĦAJNUNA
(68) Il-Kummissjoni diġà stqarret fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha tal-24 ta' Jannar 2011 li r-rikapitalizzazzjoni favur l-FHB ma kinitx konformi mal-kundizzjonijiet tal-iskema ta' garanzija u rikapitalizzazzjoni. B'mod partikolari, ma kinitx tirrispetta r-rekwiżiti li għandhom jiġu applikati meta ż-żieda fil-kapital taqbeż it-2 % tal-RWA tal-benefiċjarju. Għalhekk il-miżura kellha tkun innotifikata lill-Kummissjoni separatament skont il-kundizzjonijiet tal-iskema ta' garanzija u rikapitalizzazzjoni u skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat.
(69) B'konsegwenza, l-Ungerija implimentat illegalment l-għajnuna fil-forma ta' rikapitalizzazzjoni favur l-FHB, bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat.
IL-KWANTIFIKAZZJONI TAL-GĦAJNUNA
(70) Fil-kuntest tar-ristrutturar tal-FHB, jeħtieġ li jitqiesu l-miżuri kollha mogħtija lilu. Għalhekk, kemm ir-rikapitalizzazzjoni ta' HUF 30 biljun u s-self ta' likwidità ta' HUF 120 biljun għandhom jiġu meqjusa fil-valutazzjoni tal-kompatibbiltà.
IL-KOMPATIBBILTÀ TAL-GĦAJNUNA Il-bażi legali
(71) Kif diġà ġie ddikjarat fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Jannar 2011, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi fis-swieq finanzjarji, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżuri jistgħu jiġu eżaminati skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat, li jipprovdi li Jistgħu jitqiesu kumpatibbli mas-suq intern: […] għajnuna […] biex tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija ta' Stat Membru. Peress li d-deċiżjoni preżenti għandha l-għan li tevalwa l-għajnuna li rċieva l-FHB u l-pjan tar-ristrutturar tiegħu, il-Kummissjoni jidhrilha li hu xieraq li tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq komunikazzjonijiet dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat li saru lis-settur finanzjarju matul din il-kriżi. B'mod partikolari, fir-rigward tal-valutazzjoni tal-pjan ta' ristrutturar tal-Bank, din se tkun ibbażata fuq il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar.
Il-kompatibbiltà tal-pjan ta' ristrutturar Ir-restawr tal-vijabbiltà tal-istituzzjoni fuq terminu twil
(72) Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-kredibbiltà tas-suppożizzjonijiet adottati mill-FHB fil-projjezzjonijiet finanzjarji tiegħu. Il-Kummissjoni osservat li l-pjan għar-ristrutturar sottomess mill-FHB f'Settembru 2010 ma spjegax għaliex dawk is-suppożizzjonijiet kienu korretti. Barra minn hekk, minħabba li l-projjezzjonijiet finanzjarji dehru li ma kkunsidrawx il-konsegwenzi tax-xiri tal-Allianz Bank u tal-ftehim mal-Allianz Hungaria Insurance, il-Kummissjoni ma setgħetx tqis li l-projjezzjonijiet ippreżentati jibqgħu validi. Il-Kummissjoni esprimiet ukoll dubji dwar is-suppożizzjonijiet tal-bank li jiddependi fuq tkabbir qawwi f'depożiti.
(73) Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet ukoll imħassba dwar il-vijabbiltà fit-tul tal-bank fid-dawl tal-mudell ta' negozju tal-FHB, li kien meqjus bħala vulnerabbli għal kriżijiet tal-likwidità minħabba d-dipendenza qawwija tiegħu fuq finanzjament fuq skala kbira u sehem żgħir ta' depożiti. Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-pjan ta' ristrutturar tal-bank ta' Settembru 2010, filwaqt li ffoka fuq il-perspettiva kapitali, ma pprovdiex biżżejjed dettalji dwar il-finanzjament sostenibbli fit-tul tal-bank.
(74) Fuq il-bażi ta' informazzjoni addizzjonali pprovduta fir-rigward tal-pjan ta' ristrutturar tal-bank f'Ottubru 2011, il-Kummissjoni tinnota li l-previżjonijiet finanzjarji fil-pjan ta' ristrutturar ta' Settembru 2010 huma bbażati fuq suppożizzjonijiet sodi u affidabbli. L-informazzjoni aġġornata li tinkludi x-xiri tal-Allianz Bank turi żieda fid-depożiti tal-konsumaturi u kummerċjali tal-bank li jirriżultaw mill-kontijiet akkwistati mill-Allianz Bank. Dik l-akkwiżizzjoni tappoġġa l-ipoteżijiet magħmulha dwar it-tkabbir tad-depożiti.
(75) Il-Kummissjoni tinnota wkoll b'mod favorevoli l-fatt li t-tkabbir fid-depożiti jikkontribwixxi biex jiġu ddiversifikati s-sorsi tal-finanzjament tal-bank, biex jitnaqqas il-piż relattiv tal-bonds ipotekarji fit-taħlita ta' finanzjament u tonqos id-dipendenza tal-bank fuq il-finanzjament fuq skala kbira. Fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta, is-sehem tal-finanzjament fuq skala kbira (jiġifieri s-somma ta' bonds maħruġa, id-depożiti minn banek u l-parti tal-bonds ipotekarji li ma tintużax biex tiffinanzja mill-ġdid is-self) naqas bħala perċentwal tal-obbligazzjonijiet totali tal-bank minn [35 %-30 %] fil-31 ta' Diċembru 2009 għal [30 %-25 %] fil-31 ta' Diċembru 2010. B'riżultat ta' dak il-bilanċ mill-ġdid tat-taħlita ta' finanzjament tal-bank għad-depożiti, l-ispiża medja tal-finanzjament tiegħu (ikkalkulata bħala l-ispejjeż tal-imgħax fuq l-obbligazzjonijiet totali) tjiebet minn [7-6,5] punti bażi fil-31 ta' Diċembru 2009 għal [6-5,5] punti bażi fil-31 ta' Diċembru 2010. Ir-redditu fuq l-assi tjiebu wkoll minn [0.90 %-1 %] fl-2009 għal [1,05 %-1,10 %] fl-2010. Din ix-xejra pożittiva hi kkonfermata fil-previżjoni tal-bank b'redditu fuq l-assi previst li jistabbilizza fl-2014 bi [1,05 %-1,2 %] f'xenarju ta' każ bażi, u [0,9 %-1,05 %] f'xenarju ta' stress. Fl-2014, ir-redditu fuq l-ekwità se jkun jammonta għal [11 %-13 %] f'xenarju ta' każ bażi u għal [10 %-12 %] f'xenarju ta' stress.
(76) Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet ukoll it-tħassib tagħha dwar is-suffiċjenza tal-miżuri pprovduti mill-awtoritajiet Ungeriżi f'dak iż-żmien biex jindirizzaw l-espożizzjoni tal-FHB għas-suq tal-proprjetà immobbli u l-movimenti tal-valuta diffiċli tal-Ungerija. Abbażi tal-informazzjoni mressqa mill-Ungerija fid-9 ta' Diċembru 2011, madankollu, il-Kummissjoni tinnota b'mod pożittiv li l-FHB ħa l-passi meħtieġa sabiex inaqqas konsiderevolment is-sehem tiegħu tas-suq tal-bonds ipotekarji. Il-bank żied ukoll b'mod konsiderevoli s-sehem tiegħu tas-self tal-konsumaturi minn [3 %-5 %] fl-2009 għal [9 %-11 %] fl-2011. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-ftehim tal-Allianz ikkontribwixxa b'mod sinifikanti għal dawn ix-xejriet pożitiivi. Fir-rigward tal-esponiment tal-bank għall-movimenti tal-valuta diffiċli, l-impenn tal-FHB biex jespandi l-għodda tiegħu meħtieġa biex jiġi evitat l-impatt estrem tar-riskji tal-kambju barrani fuq in-naħa kapitali jista' jiġi aċċettat bħala adegwat biex jelimina d-dubji tal-Kummissjoni peress li dan jipprovdi l-possibbiltà għall-bank li jelimina jew jiħħeġġja r-riskju tal-kambju barrani tiegħu li jirriżulta minn tranżazzjonijiet f'valuti barranin.
(77) Il-Kummissjoni għalhekk tikkunsidra li l-pjan ta' ristrutturar aġġornat, b'kunsiderazzjoni tal-ftehim tal-Allianz Bank, jipprovdi ġustifikazzjoni għal-livelli ta' miri konkreti għall-projjezzjonijiet finanzjarji tal-FHB u jikkontribwixxi biex jirrestawra l-vijabbiltà fit-tul tal-bank.
Il-kontribuzzjoni proprja mill-bank (il-qsim tal-piżijiet)
(78) Il-Kummissjoni tinnota b'mod pożittiv li l-ammont tar-rikapitalizzazzjoni diġà tħallas kollu lura lill-Istat fid-19 ta' Frar 2010, jiġifieri f'perjodu ta' anqas minn sena u li l-bank ħallas lura l-ammont ta' għajnuna billi uża r-riżorsi proprji tiegħu. L-FHB uża wkoll il-fondi proprji tiegħu biex iħallas lura erba' pagamenti tas-self mill-Istat ta' nofs terminu li kienu dovuti fil-11 ta' Frar 2011, fil-11 ta' Mejju 2011, fil-11 ta' Awwissu 2011 u fil-11 ta' Novembru 2011
Il-limitazzjoni tal-kostijiet tar-ristrutturar, ir-rimunerazzjoni
(79) Il-Kummissjoni tqis b'mod favorevoli r-ripagament kmieni tal-ammont tar-rikapitalizzazzjoni lill-Istat. Barra minn hekk, l-akkwiżizzjoni tal-Allianz Bank mill-FHB ittejjeb il-profil tal-likwidità tal-bank filwaqt li jiżdied l-ammont ta' depożiti tal-konsumaturi u kummerċjali. Dik l-akkwiżizzjoni hi għalhekk aspett importanti tal-pjan ta' negozju tal-bank u tikkontribwixxi għall-profittabbiltà fit-tul tiegħu. Għalhekk, ma jistax jitqies li l-għajnuna mogħtija lill-FHB intużat biex jiżviluppa l-attivitajiet tiegħu fiż-żoni ġodda ta' negozju, peress li l-Allianz Bank u l-FHB joperaw it-tnejn li huma fl-istess swieq tal-konsumaturi u kummerċjali. Bħala riżultat, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-akkwiżizzjoni tal-Allianz Bank Ltd mill-FHB bħala miżura xierqa biex tinżamm il-vijabbiltà fit-tul tal-bank.
(80) Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Ungeriżi tneħħi d-dubji espressi mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-24 ta' Jannar 2011 fir-rigward ta' jekk l-akkwiżizzjoni tal-Allianz Bank kinitx saret fil-biċċa l-kbira fuq l-ispiża tal-Istat. L-akkwiżizzjoni tal-Allianz Bank tlestiet fit-30 ta' Settembru 2010, wara l-ħlas lura tar-rikapitalizzazzjoni lill-Istat fid-19 ta' Frar 2010. Fir-rigward tal-ammonti pendenti tas-self, il-Kummissjoni tinnota b'mod pożittiv li l-bank diġà ħallas lura erba' pagamenti tas-self minn Frar 2011. L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ma tinbidilx b'kunsiderazzjoni tar-rimunerazzjoni nieqsa tar-rikapitalizzazzjoni, jiġifieri, l-ammont li kien oriġinarjament mhux imħallas mill-FHB, peress li l-ħlas ammonta għal madwar HUF 1,6 biljun (il-Premessa (40)) u l-prezz imħallas għall-Allianz Bank kien HUF 3,3 biljun (il-Premessa (60)).
(81) Fir-rigward tar-rimunerazzjoni tal-miżuri tal-għajnuna, il-Kummissjoni tinnota b'mod favorevoli li l-FHB u l-Gvern Ungeriż daħlu fi ftehim fil-15 ta' Diċembru 2011 li permezz tiegħu l-FHB qabel li jħallas lill-Istat rimunerazzjoni addizzjonali ta' HUF 1,6 biljun. B'żieda mal-pagament ta' HUF 890 miljun li sar f'Ottubru 2010, il-pagament totali fuq ir-rikapitalizzazzjoni mill-Istat Ungeriż tal-FHB jikkorrispondi għar-rata ta' rimunerazzjoni ta' 10,49 %, f'konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-iskema ta' garanzija u rikapitalizzazzjoni.
(82) Il-Kummissjoni tinnota b'mod pożittiv li l-bank ħallas lura r-rikapitalizzazzjoni mogħtija mill-Istat f'perjodu ta' inqas minn sena (jiġifieri l-bank ġie rrikapitalizzat fit-23 ta' Marzu 2009 u l-Istat tħallas lura fid-19 ta' Frar 2010).
(83) Is-self ta' nofs terminu li rċieva l-bank skont l-iskema ta' likwidità għandu rimunerazzjoni tal-ogħla ta' (i) id-Dritt Speċjali ta' Ġbid tal-FMI (minn hawn 'il quddiem DSĠ) + 345 bps u (ii) ir-Rata offruta Interbankarja ta' 12-il xahar (minn hawn 'il quddiem ROIB) + 100 bps +123,5 bps (korrispondenti għal medja fix-xahar ta' bejn 3,79 % u 4,08 %), skont il-kondizzjonijiet stipulati fl-iskema ta' likwidità.
(84) Il-ftehim tas-self għas-self tal-Istat ta' nofs terminu jipprovdi għall-bidu tal-ħlas lura tiegħu […] mill-11 ta' Frar 2011. Skont l-informazzjoni sottomessa mill-awtoritajiet Ungeriżi, l-FHB ħallas erba' pagamenti tas-self li kienu dovuti fil-11 ta' Frar 2011, fil-11 ta' Mejju 2011, fil-11 ta' Awwissu 2011 u fil-11 ta' Novembru 2011. Il-Kummissjoni tinnota b'mod pożittiv li l-FHB sa issa kien fil-pront fl-obbligu tiegħu ta' ħlas rigward is-self ta' nofs terminu. Il-Kummissjoni ma tara l-ebda raġuni biex tiddubita li se jkun hemm ħlas lura tas-self kollu u fil-ħin sal-maturità tiegħu.
(85) Dik l-evalwazzjoni hi kkonfermata mill-prestazzjoni tajba tal-FHB minkejja d-diffikultajiet fis-settur bankarju Ungeriż u l-proporzjon ewlieni tal-grad 1 tal-bank relattivament għoli (12 % fi tmiem l-2008, li żdied għal 16,9 % wara r-rikapitalizzazzjoni fl-2009 u baqa' għoli għal 10,5 % wara l-ħlas lura tal-kapital tal-Istat). Ir-rekwiżit tal-kapital għal banek Ungeriżi kien 8 % f'dak iż-żmien. B'kuntrast ma' xi banek oħra fil-livell tiegħu, il-bank kien kapaċi jżomm il-pożizzjoni kapitali qawwija tiegħu (CAR ta' 10,5 % f'Marzu 2009, wara l-ħlas lura lill-Istat tar-rikapitalizzazzjoni). Barra minn hekk, żamm klassifika ta' Baa3 minn Moody's, li xorta għadha fil-kategorija tal-grad ta' investment.
(86) Fid-dawl ta' dawn il-fatti, il-Kummissjoni temmen li l-FHB sabet diffikultajiet biss temporanjament u mhux b'mod fundamentali. Għalhekk, hi tqis li r-rimunerazzjoni mħallsa mill-bank kienet adegwata, bħala korrispondenti għar-rimunerazzjoni meħtieġa minn banek fundamentalment b'saħħithom.
(87) Minħabba li l-vijabbiltà tal-bank ma kinitx mhedda minn diffikultajiet kontinwi tal-Ungerija, il-Kummissjoni mhix se titlob għal aktar rimunerazzjoni biex titħallas lill-Istat.
(88) Barra minn hekk, ir-rimunerazzjoni tal-Istat mill-FHB għas-self ta' nofs terminu (ara l-Premessa (84)) kienet konformi mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-iskema ta' likwidità. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li r-rimunerazzjoni taż-żewġ miżuri ta' għajnuna hi xierqa.
(89) Il-Kummissjoni tinnota wkoll b'mod favorevoli li l-bank ma ħallas l-ebda dividend fuq l-ishma ordinarji tiegħu għas-snin 2009 u 2010. Xi restrizzjonijiet ġew implimentati wkoll mill-FHB rigward is-salarju, ir-rimunerazzjoni u l-benefiċċji tal-uffiċjali għolja tiegħu sat-tmiem tal-interess tal-Istat Ungeriż.
(90) Għalhekk il-Kummissjoni tikkunsidra li l-pjan ta' ristrutturar jiżgura kontribuzzjoni propja xierqa mill-bank, mill-azzjonisti u mill-maniġment tiegħu għall-kostijiet tar-ristrutturar.
Il-miżuri bl-għan li jikkoreġu d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni
(91) Il-Kummissjoni tinnota li l-miżuri li jinsabu fil-pjan ta' ristrutturar tal-bank biex jiġu limitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni huma limitati. L-ewwel, l-ebda miżuri strutturali ma saru. It-tieni, il-miżuri komportamentali fil-pjan ta' ristrutturar japplikaw biss sakemm il-bank jibbenefika mill-kapital injettat mill-Istat. It-tielet, il-Kummissjoni tinnota b'mod pożittiv li, l-FHB sa issa kien fil-pront fl-obbligu tiegħu ta' ħlas li jirriżulta mis-self ta' nofs terminu. Il-Kummissjoni ma għandha l-ebda raġuni biex tiddubita l-kapaċità tal-bank biex iħallas lura s-self kollu u fil-ħin sal-maturità tiegħu. Ir-raba', il-pożizzjoni fis-suq tal-FHB ma nbidlitx b'mod sinifikanti wara l-akkwiżizzjoni tal-Allianz Bank (b'ishma fis-suq ta' [3 %-3,3 %] u [3,4 %-3,6 %] qabel u wara l-akkwiżizzjoni rispettivament) li hu ta' serħan il-moħħ għall-Kummissjoni peress li l-effett ta' din l-akkwiżizzjoni fuq id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni baqa' limitat.
(92) Il-miżuri komportamentali huma limitati għal dawn li ġejjin:
Il-bank ma għandux isegwi xi strateġija kummerċjali agressiva;
Il-bank ma għandux jinvesti f'żoni ġodda tan-negozju, sakemm dawk l-investimenti ma kinux approvati qabel l-iffirmar tal-ftehim tar-rikapitalizzazzjoni
Il-bank għandu jevita l-kummerċjalizzazzjoni tal-eżistenza tal-għajnuna mill-Istat.
(93) Il-Kummissjoni ma tqisx li miżuri komportamentali oħra assoċjati mar-rikapitalizzazzjoni, msemmija mill-awtoritajiet Ungeriżi fir-risposta tagħhom għad-deċiżjoni tal-ftuħ tas-27 ta' Jannar 2011, jistgħu jitqiesu bħala miżuri biex jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni kkawżati mill-għajnuna.
(94) Madankollu, meta wieħed iqis id-daqs limitat tal-FHB fis-swieq tal-konsumaturi u kummerċjali fl-Ungerija ([0,9 %-1,08 %] u [0,5 %-0,9 %] sehem mis-suq rispettivament fis-swieq tad-depożiti tal-konsumaturi u korporattivi) u meta jitqies il-fatt li l-bank ħallas lura l-kapital injettat mill-Istat inqas minn sena wara li kien ingħata, il-Kummissjoni hi tal-opinjoni li d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni għadhom limitati. Barra minn hekk, minħabba li l-FHB diġà ħallas lura erba' pagamenti tas-self tal-Istat ta' nofs terminu skont l-iskema ta' likwidità, il-Kummissjoni ma tara l-ebda raġuni biex tiddubita mill-fatt li l-bank se jħallas lura s-self kollu u fil-ħin.
(95) Aktar ma dan, ir-rimunerazzjoni mħallsa lill-Istat hi f'konformità mal-iskema ta' rikapitalizzazzjoni u garanzija u għalhekk hi xierqa skont kif inhu meħtieġ mill-punt 34 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar.
(96) Il-Kummissjoni tqis li abbażi tal-informazzjoni kkomunikata mill-awtoritajiet Ungeriżi u l-pjan aġġornat ta' ristrutturar tal-FHB stabbilit fit-taqsima IV ta' din id-Deċiżjoni, il-miżuri ta' appoġġ implimentati fil-forma ta' self ta' appoġġ ta' likwidità u rikapitalizzazzjoni huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat u jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar f'termini tal-vijabbiltà, il-qsim tal-piżijiet u l-miżuri bl-għan li jikkoreġu d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.
(97) L-Ungerija qablet b'mod eċċezzjonali li din id-Deċiżjoni tiġi adottata fl-Ingliż bħala l-unika lingwa awtentika tagħha.
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Il-miżuri li jikkonsistu f'self tal-Istat ta' nofs terminu ta' HUF 120 biljun (madwar EUR 410 miljun) mogħti fil-25 ta' Marzu 2009 b'data ta' maturità tal-11 ta' Novembru 2012 u rikapitalizzazzjoni ta' HUF 30 biljun (madwar EUR 100 miljun), fil-forma ta' Ishma ta' Dividendi Privileġġati Speċjali flimkien ma' sehem tal-vot wieħed mogħtija fil-31 ta' Marzu 2009 li l-Ungerija implimentat għall-FHB Jelzálogbank Nyrt huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lill-Ungerija.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Frar 2012. Għall-Kummissjoni Joaquín Almunia Viċi-President