Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 391/2014 tal-14 ta' April 2014 li jtemm ir-rieżami interim parzjali li jikkonċerna miżuri antisussidji fuq l-importazzjonijiet ta' bijodiżil li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika, kif estiż għall-importazzjonijiet ikkunsinnati mill-Kanada, kemm jekk iddikjarat li joriġina mill-Kanada, kif ukoll jekk le
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2014/391@2014-04-14/mt
Contents
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta' Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 19 u l-Artikolu 23(6) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv,
Billi: IL-PROĊEDURA IL-MIŻURI FIS-SEĦĦ
(1) Permezz tar-Regolament (KE) Nru 598/2009, il-Kunsill impona dazju kompensatorju definittiv fuq importazzjonijiet ta' esteri monoalkiliċi tal-aċidi xaħmija u/jew nafta paraffinika miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta' oriġini mhux mill-fossili, spiss magħruf bħala bijodiżil, f'forma pura jew f'taħlita li fiha skont il-piż iktar minn 20 % ta' esteri monoalkiliċi tal-aċidi xaħmija u/jew nafta paraffinika miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta' oriġini mhux mill-fossili (il-prodott li qed jiġi analizzat, jew bijodiżil), li bħalissa huwa kklassifikat fil-kodiċi NM ex15162098, ex15180091, ex15180099, ex27101943, ex27101946, ex27101947, ex27102011, ex27102015, ex27102017, ex38249097, ex38260010 u ex38260090 li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika (miżuri fis-seħħ).
(2) Permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 443/2011, wara investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni, il-Kunsill estenda d-dazju antisussidji definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' bijodiżil li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika għal importazzjonijiet ta' bijodiżil ikkunsinjat mill-Kanada, kemm jekk iddikjarat li joriġina mill-Kanada kif ukoll jekk le (miżuri fis-seħħ kif estiżi).
TALBA GĦAL RIEŻAMI
(3) Tressqet talba għal rieżami interim parzjali(it-talba għal rieżami) skont l-Artikolu 19 u l-Artikolu 23(6) tar-Regolament (KE) Nru 597/2009 (ir-Regolament bażiku) minn Ocean Nutrition Kanada (l-applikant), produttur esportatur mill-Kanada.
(4) It-talba għal rieżami kienet limitata fl-ambitu għall-eżami tal-possibbiltà ta' għoti ta' eżenzjoni mill-miżuri fis-seħħ kif estiżi, safejn għandu x'jaqsam l-applikant.
(5) Fit-talba għal rieżami l-applikant iddikjara li hu produttur ġenwin tal-bijodiżil u li jista' jipproduċi l-kwantità sħiħa ta' bijodiżil li bagħat lill-Unjoni mill-bidu tal-perjodu tal-investigazzjoni ta' kontra ċ-ċirkomvenzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri fis-seħħ kif estiżi.
(6) Il-perjodu ta' investigazzjoni li tqies għall-investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni, kopra l-perjodu mill-1 ta' April 2009 sat-30 ta' Ġunju 2010 (perjodu ta' investigazzjoni oriġinali). Il-perjodu ta' investigazzjoni għal din l-investigazzjoni kopra l-perjodu mill-1 ta' April 2012 sal- 31 ta' Marzu 2013 (il-perjodu ta' investigazzjoni).
(7) L-applikant ipprovda evidenza prima facie li turi li dan kien ġie stabbilit bħala produttur tal-bijodiżil fil-Kanada ħafna qabel l-impożizzjoni tal-miżuri fis-seħħ. Barra minn hekk, l-applikant iddikjara li ma huwa relatat mal-ebda produttur tal-bijodiżil li jinsab fl-Istati Uniti tal-Amerika.
IL-BIDU TA' RIEŻAMI INTERIM PARZJALI
(8) Wara li ġie determinat, wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv, li t-talba għal rieżami kien fiha biżżejjed evidenza prima facie biex tiġġustifika l-bidu ta' rieżami interim parzjali, permezz ta' notifika ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea(notifika ta' bidu), il-Kummissjoni bdiet, fit-30 ta' April 2013, rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 19 u l-Artikolu 23(6) tar-Regolament bażiku limitat għall-eżaminazzjoni tal-possibbiltà ta' għoti ta' eżenzjoni mill-miżuri fis-seħħ kif estiżi sa fejn għandu x'jaqsam l-applikant.
PARTIJIET INTERESSATI
(9) Il-Kummissjoni għarrfet uffiċjalment lill-applikant u lir-rappreżentanti tal-Kanada dwar il-bidu tar-rieżami interim parzjali. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta fil-limitu taż-żmien stabbilit fin-notifika ta' bidu. L-applikant biss ippreżenta ruħu. L-ebda seduta ma ġiet mitluba.
(10) Il-Kummissjoni rċeviet it-tweġiba għall-kwestjonarju mibgħuta mill-applikant, li ġiet verifikata fuq il-post fil-bini tal-applikant fil-Kanada.
SEJBIET TAL-INVESTIGAZZJONI U TERMINAZZJONI TAR-RIEŻAMI
(11) L-investigazzjoni stabbiliet li l-applikant huwa produttur ġenwin tal-bijodiżil u li ma huwa relatat mal-ebda produttur tal-bijodiżil li jinsab fl-Istati Uniti tal-Amerika.
(12) Bħala riżultat tas-sejbiet magħmulin waqt iż-żjarat fuq il-post fil-bini tiegħu fil-Kanada, l-applikant ġie mitlub li jippreżenta aktar informazzjoni li turi li l-kapaċità tal-produzzjoni tiegħu kienet biżżejjed sabiex jappoġġja l-volum tal-bejgħ tiegħu matul il-perjodu ta' investigazzjoni.
(13) Minkejja diversi estensjonijiet tal-iskadenza, l-applikant ma pprovdiex lill-Kummissjoni l-informazzjoni mitluba minnu.
(14) Barra minn hekk, l-investigazzjoni wriet li wara d-dħul fis-seħħ tal-miżuri estiżi, l-applikant seta' esporta l-prodott ikkonċernat lill-Unjoni taħt kodiċi NM li mhuwiex soġġett għal dawk il-miżuri. L-applikant ġie mistieden mill-Kummissjoni biex jiġġustifika l-użu ta' dak il-kodiċi NM. Madankollu, huwa ma pprovda l-ebda informazzjoni jew kwalunkwe evidenza oħra li turi li dakn l-esportazzjonijiet għandhom ikunu koperti bil-kodiċi NM li mhuwiex soġġetti għall-miżuri fis-seħħ kif estiżi.
(15) Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, huwa kkunsidrat li l-applikant naqas milli juri li kien kapaċi jipproduċu l-kwantità sħiħa ta' bijodiżil li bagħat lill-Unjoni mill-bidu tal-perjodu ta' investigazzjoni oriġinali. Minkejja l-fatt li l-applikant ma pprovdiex l-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni, huwa ma pprovda l-ebda evidenza oħra li turi li huwa ma kienx involut fi prattiki ta' ċirkomvenzjoni. Għal dik ir-raġuni, l-investigazzjoni tar-rieżami għandha tintemm mingħajr ma l-applikant jingħata eżenzjoni mill-miżuri estiżi.
(16) Il-partijiet interessati ġew mgħarrfa dwar l-intenzjoni li l-investigazzjoni tar-rieżami tiġi terminata u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Ma waslu l-ebda kummenti li setgħu biddlu d-deċiżjoni li tiġi terminata l-investigazzjoni tar-rieżami.
(17) Għaldaqstant, ġie konkluż li r-rieżami interim parzjali tal-miżuri antisussidji fuq importazzjonijiet ta' bijodiżil li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika, kif estiż għall-importazzjonijiet ta' bijodiżil ikkunsinnat mill-Kanada, kemm jekk iddikjarat li joriġina mill-Kanada kif ukoll jekk le, għandu jintemm mingħajr ma jiġu emendati l-miżuri fis-seħħ kif estiżi,
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 Ir-rieżami interim parzjali tal-miżuri antisussidji fuq importazzjonijiet ta' bijodiżil li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika, kif estiż bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 443/2011 għal importazzjonijiet ta' bijodiżil ikkunsinjat mill-Kanada, kemm jekk iddikjarat li joriġina mill-Kanada kif ukoll jekk le, mibdi skont l-Artikoli 19 u 23(6) tar-Regolament (KE) Nru 598/2009 huwa b'dan terminat mingħajr ma jiġu emendati l-miuri fis-seħħ kif estiżi.
Artikolu 2 Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fil-Lussemburgu, l-14 ta' April 2014. Għall-Kunsill Il-President A. Tsaftaris