Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 406/2014 tat-23 ta' April 2014 li japprova l-etilbutilaċetilamminopropjonat bħala sustanza attiva eżistenti għall-użu fil-prodotti bijoċidali għall-prodotti tat-tip 19 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2014/406@2014-04-23/mt
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali, u partikolarment it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 89(1) tiegħu,
Billi:
(1) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1451/2007 jistabbilixxi lista ta' sustanzi attivi li għandhom jiġu vvalutati, bil-għan li possibbilment jiġu inklużi fl-Anness I, IA jew IB tad-Direttiva Nru 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Dik il-lista tinkludi l-etilbutilaċetilamminopropjonat
(2) L-etilbutilaċetilamminopropjonat ġie vvalutat skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva Nru 98/8/KE għall-użu fi prodotti tat-tip 19, repellanti u attrattanti, kif definit fl-Anness V ta' dik id-Direttiva li jikkorrispondu mal-prodotti tat-tip 19 kif definit fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.
(3) Il-Belġju nħatar bħala l-Istat Membru Rapporteur u ressaq ir-rapport tal-awtorità kompetenti, flimkien ma' rakkomandazzjoni, lill-Kummissjoni fil-5 ta' Novembru 2009 skont l-Artikolu 14(4) u (6) tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007.
(4) Ir-rapport tal-awtorità kompetenti ġie rrevedut mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007, is-sejbiet tar-reviżjoni ġew inkorporati f'rapport ta' valutazzjoni revedut fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali fit-13 ta' Marzu 2014.
(5) Skont dak ir-rapport ta' valutazzjoni, il-prodotti bijoċidali użati għall-prodotti tat-tip 19 u li fihom l-etilbutilaċetilamminopropjonat huma mistennija li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva Nru 98/8/KE, sakemm ċerti speċifikazzjonijiet u kundizzjonijiet li jikkonċernaw l-użu tiegħu jiġu ssodisfati.
(6) Għaldaqstant, huwa xieraq li l-etilbutilaċetilamminopropjonat jiġi approvat għall-użu fil-prodotti bijoċidali għall-prodotti tat-tip 19, suġġett għall-konformità ma' dawn l-ispeċifikazzjonijiet u kundizzjonijiet.
(7) Billi l-valutazzjoni ma indirizzatx in-nanomaterjali, l-approvazzjoni ma għandhiex tkopri tali materjali skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.
(8) Għandu jitħalla jgħaddi perjodu ta' żmien raġonevoli qabel ma sustanza attiva tkun approvata, sabiex il-partijiet interessati jkunu jistgħu jieħdu l-miżuri ta' tħejjija meħtieġa biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda stabbiliti.
(9) Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 L-etilbutilaċetilamminopropjonat għandu jiġi approvat bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali għall-prodotti tat-tip 19, suġġett għall-ispeċifikazzjonijiet u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness.
Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, it-23 ta' April 2014. Għall-Kummissjoni Il-President José Manuel Barroso
ANNEX
ANNESS
Isem Komuni Isem tal-IUPAC Numri tal-Identifikazzjoni Grad minimu ta' purità tas-sustanza attiva Data tal-approvazzjoni Data ta' skadenza tal-approvazzjoni Tip ta' prodott Kundizzjonijiet speċifiċi Etilbutilaċetilamminopropjonat Isem tal-IUPAC: Ester etiliku tal-aċidu 3-(N-aċetil-N-butil)amminopropjoniku Nru tal-KE: 257-835-0 Nru tal-CAS: 52304-36-6 990 g/kg l-1 ta' Novembru 2015 il-31 ta' Ottubru 2025 19 Il-valutazzjoni tal-prodott għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-esponimenti, ir-riskji u l-effikaċja marbuta ma' kwalunkwe użu kopert minn applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni, iżda mhux indirizzati fil-valutazzjoni tar-riskji, fil-livell tal-Unjoni, tas-sustanza attiva. L-awtorizzazzjonijiet huma suġġetti għal din il-kundizzjoni: L-esponiment primarju tal-bniedem għall-prodott għandu jiġi minimizzat billi jiġu meqjusa u applikati miżuri li jtaffu r-riskji, inkluż, fejn ikun applikabbli, struzzjonijiet dwar l-ammont u l-frekwenza li bihom il-prodott jista' jiġi applikat fuq il-ġilda tal-bniedem.