Regolament (UE) Nru 469/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ April 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2157/1999 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (BĊE/1999/4) (BĊE/2014/18)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2014/469@2014-04-16/mt
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 132(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, b’mod partikolari l-Artikoli 34.3 u 19.1 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 tat-23 ta’ Novembru 1998, dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) tiegħu,
Billi:
(1) Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) applika r-Regolament (KE) Nru 2157/1999 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/1999/4) biex jimponi sanzjonijiet f’ diversi oqsma tal-kompetenza tiegħu, inkluż b’mod partikolari l-implimentazzjoni tal-politika monetarja tal-Unjoni, l-operat tas-sistemi ta’ ħlas u l-ġbir tal-informazzjoni statistika.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 jintitola lill-BĊE biex jimponi penali finanzjarji amministrattivi fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li huwa jissorvelja meta dawn l-istituzzjonijiet jiksru xi obbligu skont il-liġi tal-Unjoni li hija applikabbli direttament u sanzjonijiet f’każ ta’ ksur ta’ regolamenti jew deċiżjonijiet tal-BĊE.
(3) Il-BĊE adotta r-Regolament (UE) Nru YYY/2014 (BĊE/2014/17) biex jispeċifika aktar il-proċeduri li jirregolaw l-eżerċizzju mill-BĊE, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u mill-awtoritajiet nazzjonali ddenominati tal-kompiti superviżorji tagħhom skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013. Ir-Regolament (UE) Nru YYY/2014 (BĊE/2014/17) jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-proċedura għall-impożizzjoni tal-penali amministrattivi mill-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-qasam superviżorju.
(4) Sabiex jistabbilixxi reġim konsistenti għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet mill-BĊE fl-eżerċizzju tal-kompiti superviżorji tiegħu skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u r-Regolament (UE) Nru YYY/2014 (BĊE/2014/17), il-BĊE adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2014/19.
(5) Ir-Regolament (KE) Nru 2157/1999 għandu jiġi kjarifikat fis-sens li japplika biss għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet mill-BĊE fl-eżerċizzju tal-kompiti tal-bank ċentrali li mhumiex superviżorji, filwaqt li r-Regolament (UE) Nru YYY/2014 (BĊE/2014/17) japplika għall-impożizzjoni ta’ penali amministrattivi mill-BĊE fl-eżerċizzju tal-kompiti superviżorji tiegħu.
(6) Meta jiġu speċifikati iktar ir-regoli proċedurali li japplikaw għall-bidu u t-twettiq tal-proċedura ta’ infrazzjoni stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 2532/98, il-BĊE għandu jqis il-grad ta’ gravità tas-sanzjoni stabbilita.
(7) Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 2157/1999 għandu jiġi emendat f’dan is-sens,
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 Emendi
Ir-Regolament (KE) Nru 2157/1999 huwa emendat kif ġej:
(1) l-Artikolu 1a ġdid huwa mdaħħal wara l-Artikolu 1:
(1)
Artikolu 1a Kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu japplika biss għas-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti mill-BĊE fl-eżerċizzju tal-kompiti tal-bank ċentrali li mhumiex superviżorji. M’għandux japplika għal kwalunkwe sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti mill-BĊE fl-eżerċizzju tal-kompiti superviżorji tiegħu.;
(2) Artikolu 1b ġdid huwa mdaħħal wara l-Artikolu 1a:
(2)
Artikolu 1b Unità investigattiva indipendenti
1. Għall-finijiet ta’ deċiżjoni dwar jekk jibdiex proċedura ta’ infrazzjoni skont l-Artikolu 2 u jeżerċita s-setgħat imniżżla fl-Artikolu 3, il-BĊE għandujistabbilixxi unità investigattiva indipendenti interna (minn hawn ‘il quddiem unità investigattiva) komposta minn uffiċjali investigattivi li għandhom iwettqu l-funzjonijiet investigattivi tagħhom indipendentement mill-Bord Eżekuttiv u l-Kunsill Governattiv, u m’għandhomx jieħdu sehem fid-deliberazzjonijiet tal-Bord Eżekuttiv u tal-Kunsill Governattiv.
2. Fejn il-BĊE iqis illi hemm raġuni għal suspett li wieħed jew iktar mill-infrazzjoni qegħdin jitwettqu jew ġew imwettqa, il- kwistjoni trid tiġi riferita lill-Bord Eżekuttiv.
3. Fejn il-Bord Eżekuttiv iqis illi s-sanzjoni applikabbli tista’ taqbeż il-limitu stipulat fl-Artikolu 10(1), il-proċedura ssimplifikata stabbilita fl-Artikolu 10 m’għandhiex tapplika u l-Bord Eżekuttiv għandu jirreferi l-kwistjoni lill-unità investigattiva. L-unità investigattiva għandha tieħu deċiżjoni dwar jekk tibdiex proċedura ta’ infrazzjoni jew le.
4. Kull referenza għall-BĊE fl-Artikoli 2 sa 4, l-Artikolu 5(1) sa (3) u l-Artikolu 6 għandu jinqara bħala referenza għall-unità investigattiva tal-BĊE jew, fejn tapplika l-proċedura ssimplifikata skont l-Artikolu 10, lill-Bord Eżekuttiv.
5. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-bank ċentrali nazzjonali kompetenti biex jibda proċedura ta’ infrazzjoniu jagħmel investigazzjoni skont dan ir-Regolament.;
(3) fl-Artikolu 2, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’li ġej:
(3)
1. Ma għandhiex tinbeda iktar minn proċedura waħda ta’ infrazzjoni kontra l-istess impriża bbażata fuq l-istess fatti. Għal dan il-għan, ma għandha tittieħed l-ebda deċiżjoni tittieħed mill-BĊE jew mill-bank ċentrali nazzjonali kompetenti dwar jekk tinbediex jew le proċedura ta’ infrazzjoni, sakemm ikunu infurmaw u kkonsultaw wieħed ma’ xulxin.;
(4) fl-Artikolu 2, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’li ġej:
(4)
3. Il- BĊE jew il-bank ċentrali nazzjonali kompetenti, skont il-każ, għandhom, fuq talba, ikunu ntitolati biex jassistu u jikkoperaw ma’ xulxin fit-twettiq tal-proċedura ta’ infrazzjoni, partikolarment billi jittrasmettu kull tagħrif li jitqies rilevanti.;
(5) Artikolu 7a ġdid huwa mdaħħal wara l-Artikolu 7:
(5)
Artikolu 7a Sottomissjoni ta’ proposta lill-Bord Eżekuttiv
1. Jekk l-unità investigattiva jew il-bank ċentrali nazzjonali kompetenti, kif applikabbli, iqisu, wara t-tmiem tal-proċedura ta’ infrazzjoni, li għandha tiġi imposta sanzjoni fuq l-intrapriża kkonċernata, huma għandhom jippreżentaw proposta lill-Bord Eżekuttiv li tiddetermina li l-intrapriża kkonċernata kkommettiet infrazzjoni u li tispeċifika l-ammont tas-sanzjoni li għandha tiġi imposta.
2. L-unità investigattiva jew il-bank ċentrali nazzjonali kompetenti, kif applikabbli, għandhom jibbażaw il-proposta tagħhom biss fuq fatti u oġġezzjonijiet li fuqhom l-intrapriża kkonċernata kellha l-opportunità li tikkummenta.
3. Jekk il-Bord Eżekuttiv iqis li l-fajl sottomess mill-unità investigattiva jew mill-bank ċentrali nazzjonali kompetenti, kif applikabbli, mhuwiex komplut, jista’ jirritorna l-fajl, flimkien ma’ talba rraġunata għal informazzjoni addizzjonali, lill-unità investigattiva jew lill-bank ċentrali nazzjonali kompetenti.
4. Jekk il-Bord Eżekuttiv, fuq il-bażi ta’ fajl komplut, jaqbel mal-proposta tal-unità investigattiva jew tal-bank ċentrali nazzjonali kompetenti, kif applikabbli, li jimponi sanzjoni fuq l-intrapriża kkonċernata, huwa għandu jadotta deċiżjoni skont il-proposta ppreżentata mill-unità investigattiva jew mill-bank ċentrali nazzjonali kompetenti.
5. Jekk il-Bord Eżekuttiv, fuq il-bażi ta’ fajl komplut, iqis li l-fatti deskritti fil-proposta tal-unità investigattiva jew tal-bank ċentrali nazzjonali kompetenti, kif applikabbli, ma jidhrux li jikkostitwixxu evidenza suffiċjenti ta’ ksur, il-Bord Eżekuttiv jista’ jadotta deċiżjoni biex jagħlaq il-każ.
6. Jekk il-Bord Eżekuttiv, fuq il-bażi tal-fajl komplut, jaqbel li l-intrapriża kkonċernata wettqet infrazzjoni, kif iddeterminat fil-proposta tal-unità investigattiva jew tal-bank ċentrali nazzjonali kompetenti, kif applikabbli, infrazzjoniiżda ma taqbilx mas-sanzjoni proposta, huwa għandu jadotta deċiżjoni li tispeċifika s-sanzjoni li jikkunsidra bħala xierqa.
7. Jekk il-Bord Eżekuttiv, fuq il-bażi ta’ fajl komplut, ma jaqbilx mal-proposta tal-unità investigattiva jew tal-bank ċentrali nazzjonali kompetenti, kif applikabbli, iżda jikkonkludi li twettqer infrazzjoni differenti minn dik imwettqa mill-intrapriża kkonċernata, jew li hemm bażi fattwali differenti għall-proposta tal-unità investigattiva jew tal-bank ċentrali nazzjonali kompetenti, kif applikabbli, huwa għandu jinforma lill-intrapriża kkonċernata bil-miktub dwar il-konklużjonijiet tiegħu u l-oġġezzjonijiet mqajma kontra l-intrapriża kkonċernata.
8. Il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta deċiżjoni li tiddetermina jekk l-intrapriża kkonċernata kkommettietx infrazzjoni jew le u tispeċifika, jekk ikun hemm, is-sanzjoni li trid tiġi imposta. Deċiżjonijiet adottati mill-Bord Eżekuttiv għandhom ikunu bbażati biss fuq fatti u oġġezzjonijiet li l-intrapriża kellha l-opportunità li tikkummenta dwarhom..
Artikolu 2 Dispożizzjonijiet finali
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati. Magħmul fi Frankfurt am Main, is-. Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE Il-President tal-BĊE Mario Draghi