Gelex

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Ottubru 2014 li tawtorizza lill-Ġermanja tapplika rata mnaqqsa ta' taxxa fuq l-elettriku pprovdut direttament lil bastimenti rmiġġati f'port f'konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE (2014/722/UE)

In forceVersion 2014-10-14from 2014-07-17
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2014/722@2014-10-14/mt

Contents
  1. Preamble

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku, u b'mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1) Bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/445/UE il-Ġermanja ġiet awtorizzata tapplika rata mnaqqsa ta' taxxa fuq l-elettriku pprovdut direttament lil bastimenti rmiġġati f'port (elettriku mill-art) f'konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE sas-16 ta' Lulju 2014.

(2) Permezz ta' ittra datata 26 ta' Frar 2014, il-Ġermanja talbet l-awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika rata mnaqqsa ta' taxxa fuq l-elettriku għall-elettriku mix-xatt skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE.

(3) Permezz tat-tnaqqis fit-taxxa li hija għandha ħsieb tapplika, il-Ġermanja għandha l-għan li tkompli tippromwovi użu usa' ta' elettriku mix-xatt bħala mezz li jagħmel inqas ħsara lill-ambjent biex il-vapuri jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom tal-elettriku waqt li jkunu rmiġġati fil-portijiet meta mqabbel mal-ħruq ta' karburanti tal-bastimenti abbord il-bastimenti.

(4) Sakemm l-użu tal-elettriku mix-xatt jevita l-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu l-arja assoċjati mal-ħruq ta' karburanti tal-bastimenti abbord il-bastimenti fl-irmiġġ, dan jikkontribwixxi għal titjib tal-kwalità tal-arja lokali fl-ibliet portwali. Il-miżura għalhekk hija mistennija li tagħti kontribut lill-objettivi tal-politiki ambjentali, tas-saħħa u tal-klima tal-Unjoni.

(5) Il-permess li ngħatat il-Ġermanja biex tapplika rata mnaqqsa ta' taxxa fuq l-elettriku għall-elettriku mix-xatt ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jiżdied l-użu ta' elettriku mix-xatt, peress li fil-maġġoranza tal-każijiet, il-ġenerazzjoni abbord se tibqa' alternattiva iżjed kompetittiva. Għall-istess raġuni, u minħabba li l-penetrazzjoni attwali tat-teknoloġija fis-suq hija relattivament baxxa, il-miżura x'aktarx li ma twassalx għal distorsjonijiet sinifikanti fil-kompetizzjoni matul iż-żmien li fih tiġi applikata għalhekk mhux se jkollha effett negattiv fuq il-funzjonament xieraq tas-suq intern.

(6) Mill-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE joħroġ li kull awtorizzazzjoni mogħtija skont din id-dispożizzjoni jrid ikollha żmien strettament limitat. Minħabba l-ħtieġa li l-perjodu għandu jkun twil biżżejjed sabiex jippermetti l-valutazzjoni korretta tal-miżura, iżda wkoll il-ħtieġa li ma jiġux imminati żviluppi futuri tal-qafas legali eżistenti, huwa xieraq li l-awtorizzazzjoni mitluba tingħata għal sitt snin.

(7) Sabiex tingħata ċertezza legali lill-operaturi tal-portijiet u tal-vapuri u sabiex tiġi evitata żieda potenzjali fil-piż amministrattiv għad-distributuri u ridistributuri tal-elettriku li jistgħu jirriżultaw minn bidliet fir-rata ta' taxxa tas-sisa fuq l-elettriku mill-art, għandu jkun żgurat li l-Ġermanja tkun tista' tapplika t-tnaqqis tat-taxxa speċifika eżistenti li għalih tirrelata din id-Deċiżjoni mingħajr interruzzjoni. L-awtorizzazzjoni mitluba għandha għalhekk tingħata b'effett mis-17 ta' Lulju 2014, sabiex l-arranġamenti preċedenti skont id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/445/UE ikomplu mingħajr interruzzjoni.

(8) Din id-Deċiżjoni ma għandiex tibqa' tapplika mid-data li fiha r-regoli ġenerali dwar il-vantaġġi tat-taxxa għall-elettriku mix-xatt isiru applikabbli permezz ta' att leġislattiv futur tal-Unjoni

(9) Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Il-Ġermanja hija b'dan awtorizzata tapplika rata mnaqqsa ta' taxxa fuq l-elettriku pprovdut direttament lil bastimenti, għajr opri għal użu rikreattiv privat, irmiġġati fil-portijiet (elettriku mix-xatt), sakemm ikunu rispettati l-livelli minimi ta' tassazzjoni skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE.

Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mis-17 ta' Lulju 2014 sas-16 ta' Lulju 2020.

Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-14 ta' Ottubru 2014. Għall-Kunsill Il-President P. C. Padoan

Versions

  1. 2014-10-14