Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Novembru 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE fir-rigward tal-emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet (il-protezzjoni tal-konsumatur) (2014/785/UE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2014/785@2014-11-07/mt
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 169 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta' Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (il-Ftehim ŻEE) daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1994.
(2) Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista' jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE.
(3) Il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE fih dispożizzjonijiet u arranġamenti dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet.
(4) Huwa xieraq li l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti tiġi estiża għall-Ftehim ŻEE sabiex tinkludi r-Regolament (UE) Nru 254/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(5) Huwa xieraq li l-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA fl-attivitajiet li jirriżultaw mir-Regolament (UE) Nru 254/2014 tibda mill-1 ta' Jannar 2014, irrispettivament minn meta d-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuża ma' din id-Deċiżjoni tiġi adottata, jew jekk it-twettiq tar-rekwiżiti kostituzzjonali għal din id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, jekk ikun hemm, jiġix innnotifikat wara l-10 ta' Lulju 2014.
(6) Entitajiet stabbiliti fl-Istati tal-EFTA għandhom ikunu intitolati li jipparteċipaw f'attivitajiet li jibdew qabel id-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuża ma' din id-Deċiżjoni. L-ispejjeż imġarrba għal dawn l-attivitajiet, li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara l-1 ta' Jannar 2014, jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għal spejjeż imġarrba minn entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri tal-Unjoni sakemm id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tidħol fis-seħħ qabel it-tmiem tal-azzjoni kkonċernata.
(7) Għalhekk, il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat skont dan.
(8) Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandha għalhekk tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' deċiżjoni li jinsab mehmuż.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta għall-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi barra mill-erba' libertajiet, tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Novembru 2014. Għall-Kunsill Il-President P. C. Padoan
DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru …/2014 ta' li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet
ABBOZZ IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,
Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (il-Ftehim ŻEE), u partikolarment l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,
Billi:
(1) Huwa xieraq li tiġi estiża l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti tal-Ftehim ŻEE sabiex tkopri r-Regolament (UE) Nru 254/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar programm pluriennali tal-konsumaturi għas-snin 2014-20 u li jħassar id-Deċiżjoni (KE) Nru 1926/2006/KE.
(2) Huwa xieraq li l-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA fl-attivitajiet li jirriżultaw mir-Regolament (UE) Nru 254/2014 jibdew mill-1 ta' Jannar 2014, irrispettivament minn meta din id-Deċiżjoni tiġi adottata jew jekk it-twettiq tar-rekwiżiti kostituzzjonali għal din id-Deċiżjoni, jekk ikun hemm, jiġix innnotifikat wara l-10 ta' Lulju 2014.
(3) Entitajiet stabbiliti fl-Istati tal-EFTA għandhom ikunu intitolati biex jipparteċipaw f'attivitajiet li jibdew qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. L-ispejjeż imġarrba għal dawn l-attivitajiet, li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara l-1 ta' Jannar 2014, jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għal spejjeż imġarrba minn entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri tal-UE dment li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ qabel it-tmiem tal-azzjoni kkonċernata.
(4) Il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat sabiex din il-kooperazzjoni estiża tkun tista' tibda sseħħ mill-1 ta' Jannar 2014,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 L-Artikolu 6 tal-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE jiġi emendat kif ġej:
Artikolu 1
1. Il-paragrafu li ġej jiddaħħal wara l-paragrafu 3a:
1.
3b. L-Istati tal-EFTA, b'effett mill-1 ta' Jannar 2014, jipparteċipaw f'dan il-programm li ġej:
32014 R 0254: Ir-Regolament (UE) Nru 254/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar programm pluriennali tal-konsumaturi għas-snin 2014-20 u li jħassar id-Deċiżjoni (KE) Nru 1926/2006/KE (ĠU L 84, 20.3.2014, p. 42). L-ispejjeż imġarrba għal attivitajiet li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara l-1 ta' Jannar 2014, jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli mill-bidu tal-azzjoni taħt il-ftehim tal-għotja jew id-deċiżjoni tal-għotja kkonċernati dment li d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru …/2014 tal-… tidħol fis-seħħ qabel tmiem l-azzjoni. Il-Liechtenstein għandu jiġi eżentat mill-parteċipazzjoni f'dan il-programm u milli jagħti kontribuzzjoni finanzjarja għalih.
2. It-test tal-paragrafu 4 huwa ssostitwit b'li ġej: L-Istati tal-EFTA għandhom jikkontribuwixxu b'mod finanzjarju għall-attivitajiet imsemmija fil-paragrafi 3, 3a u 3b b'konformità mal-Artikolu 82(1)(a) tal-Ftehim.
3. It-test tal-paragrafu 5 huwa ssostitwit b'li ġej: L-Istati tal-EFTA għandhom, mill-bidu tal-kooperazzjoni fl-attivitajiet li hemm referenza għalihom fil-paragrafi 3, 3a u 3b, jipparteċipaw b'mod sħiħ, mingħajr id-dritt li jivvutaw, fil-kumitati tal-KE u korpi oħra li jgħinu lill-Kummissjoni tal-KE fl-immaniġġar jew l-iżvilupp ta' dawn l-attivitajiet.
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE. Għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2014.
Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE u fis-Suppliment taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Il-President Is-Segretarji għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE