Gelex

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Diċembru 2014 dwar ċerti miżuri protettivi fir-rigward tal-okkorrenzi konfermati tal-koleotteru tal-ġabsala fl-Italja (notifikata bid-dokument C(2014) 9415) (It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) (2014/909/UE)

In forceVersion 2014-12-12from 2014-12-17
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2014/909@2014-12-12/mt

Contents
  1. Preamble
  2. Artikolu 2
  3. Artikolu 3
  4. 1.
  5. ANNEX

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern, u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar, veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Kommunitarju ta' ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern, u partikolarment l-Artikolu 10(4) tagħha,

Billi:

(1) Il-koleotteru tal-ġabsala (Aethina tumida) huwa parassit tan-naħal. Huwa endemiku fl-Afrika sub-Saħarjana u kapaċi jimmultiplika malajr fil-preżenza tad-duqqajs tan-naħal u l-għasel tax-xehda. L-ispeċi adulti jistgħu jtiru sa diversi kilometri biex jinvadu postijiet oħra bħal dawn. Il-koleotteru tal-ġabsala huwa marda notifikabbli fl-Unjoni skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE.

(2) Fil-11 ta' Settembru 2014, l-Italja għarrfet lill-Kummissjoni bl-okkorrenza tal-koleotteru tal-ġabsala f'kolonja ta' nukleu, maħluqa mid-dipartiment tal-Università li tinsab fir-reġjun tal-Kalabrija.

(3) Minnufih, l-Italja daħħlet fis-seħħ miżuri biex teqred u tippreveni l-firxa tal-koleotteru tal-ġabsala, kif ukoll biex tistħarreġ kemm hi kbira l-okkorrenza ta' dak il-parassit fiż-żoni madwar it-tifqigħa fil-Kalabrija. B'mod partikolari, ġew stabbiliti żona ta' protezzjoni b'raġġ ta' 20 km u żona ta' sorveljanza b'raġġ ta' 100 km mis-sit tat-tifqigħa. Iż-żoni ta' raġġ ta' 100 km jikkonċernaw ukoll il-provinċji ta' Messina u Katanja fi Sqallija.

(4) Wara li skopriet l-okkorrenza tal-koleotteru tal-ġabsala fi mġiebaħ tan-naħal oħrajn, qrib is-sit tal-ewwel okkorrenza, l-Italja estendiet il-miżuri, inkluż it-twaqqif ta' żona ta' sorveljanza u projbizzjoni fuq il-moviment tan-naħal tal-għasel u n-naħal bagħli (Bombus spp.) sabiex jiġi kopert ir-reġjun kollu tal-Kalabrija.

(5) Mid-data tal-ewwel okkorrenza tal-koleotteru tal-ġabsala fil-Kalabrija, ġew ikkonfermati 35 okkorrenza oħra fi mġiebaħ tan-naħal li jinsabu qrib ħafna taż-żona ta' protezzjoni b'raġġ ta' 20 km. Kontrolli li twettqu f'partijiet oħra tal-Kalabrija s'issa taw riżultati negattivi għall-preżenza tal-parassit.

(6) Fis-7 ta' Novembru 2014, l-Italja infurmat dwar okkorrenza ġdida tal-koleotteru tal-ġabsala fi Sqallija, fil-provinċja ta' Siracusa li tinsab barra ż-żoni li qabel kienu taħt restrizzjoni. L-okkorrenza nkixfet f'miġbaħ tan-naħal li ġie trasferit miż-żona ta' protezzjoni fil-Kalabrija fl-aħħar ta' Awwissu 2014, qabel l-implimentazzjoni tal-miżuri restrittivi.

(7) Fil-każijiet pożittivi kollha, l-imġiebaħ tan-naħal affettwati nqerdu; Madankollu, il-firxa tal-koleotteru tal-ġabsala miż-żona affettwata fl-Italja tista' tkun ta' periklu serju għan-naħal tal-għasel u n-naħal bagħli fl-Unjoni.

(8) Sabiex jiġi evitat kull xkiel bla bżonn għall-kummerċ fi ħdan l-Unjoni u biex jiġu evitati ostakoli mhux iġġustifikati għall-kummerċ imposti minn pajjiżi terzi, kif ukoll għall-prevenzjoni tat-tixrid tal-koleotteru tal-ġabsala lejn partijiet oħra tal-Unjoni, huwa meħtieġ li tiġi stabbilita, fil-livell tal-Unjoni, lista taż-żoni fl-Italja li għandhom ikunu soġġetti għal ċerti restrizzjonijiet ta' moviment għall-prodotti f'rabta mal-okkorrenza tal-koleotteru tal-ġabsala.

(9) Barra minn hekk, dawn iż-żoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala referenza wkoll fiċ-ċertifikazzjoni tal-kummerċ intra-UE peress li ċ-ċertifikat tas-saħħa għall-kummerċ tan-naħal u n-naħal bagħli previst fil-Parti 2 tal-Anness E tad-Direttiva 92/65/KEE jgħid li dawn iridu jiġu minn żona ta' raġġ ta' mill-inqas 100 km li mhi soġġetta għall-ebda restrizzjoni marbuta mas-suspett jew mal-okkorrenza kkonfermata tal-koleotteru tal-ġabsala u fejn dawn l-infestazzjonijiet mhumiex preżenti.

(10) Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni għandhom jiġu riveduti fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-qagħda epidemjoloġika tal-koleotteru tal-ġabsala fl-Italja f'perjodu ta' tmien xhur mid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

(11) Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-miżuri protettivi li għandhom jittieħdu mill-Italja wara li kkonfermat l-okkorrenzi tal-koleotteru tal-ġabsala (Aethina tumida) fin-naħal tal-għasel (Apis mellifera), fiż-żoni mniżżla fl-Anness.

Artikolu 2 Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

Artikolu 2

(a) doqqajs tfisser:

(a)

(i) kenn mibni għan-naħal tal-għasel;

(ii) kontenitur jew kolonja tan-naħal bagħli (Bombus spp.);

(b) miġbħa tfisser grupp ta' doqqajs u l-bini jew il-faċilitajiet f'post ġeografiku, fejn dan il-grupp ta' doqqajs jinżamm jew inżamm;

(c) prodotti sekondarji tal-apikultura mhux ipproċessati tfisser għasel, xama' tan-naħal, ħalib tan-naħal, żaftur jew polline mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem kif definit fil-punt 10 tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 li ma jkunx għadda minn xi proċedura ta' proċessar kif imsemmi fir-ringiela 10 tal-kolonna 4 tat-Tabella 2 stabbilita fit-Taqsima 1 tal-Kapitolu II tal-Anness XIV ta' dak ir-Regolament;

(d) tagħmir għat-trobbija tan-naħal tfisser id-doqqajs użati, partijiet tad-doqqajs u għodod użati fl-attivitajiet tat-trobbija tan-naħal.

Artikolu 3

1. L-Italja għandha tiżgura li jiġu implimentati l-miżuri protettivi li ġejjin fiż-żoni elenkati fl-Anness:

1.

(a) projbizzjoni fuq id-dispaċċ ta' kunsinni tal-prodotti li ġejjin miż-żoni elenkati fl-Anness lejn żoni oħra tal-Unjoni:

(a)

(i) naħal tal-għasel;

(ii) naħal bagħli;

(iii) prodotti sekondarji tal-apikultura mhux proċessati;

(iv) tagħmir għat-trobbija tan-naħal;

(v) għasel tax-xehda maħsub biex jittiekel mill-bniedem.

(b) twettiq ta' spezzjonijiet immedjati u investigazzjonijiet epidemjoloġiċi, fosthom:

(b)

(i) l-identifikazzjoni u t-traċċar tal-movimenti tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 3(1)(a) lejn u mill-imġiebaħ u l-istabbilimenti tal-estrazzjoni tal-għasel stabbiliti f'żona ta' raġġ ta' 20 km madwar id-doqqajs fejn ġiet konfermata l-okkorrenza tal-koleotteru tal-ġabsala;

(ii) in-notifika tar-riżultati ta' tali spezzjonijiet immedjati u investigazzjonijiet epidemjoloġiċi lill-Kummissjoni.

2. L-Italja għandha twettaq aktar spezzjonijiet u investigazzjonijiet epidemjoloġiċi, inkluż it-traċċar ta' movimenti preċedenti tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 3(1)(a) minn u lejn żoni elenkati fl-Anness.

3. Abbażi tar-riżultati tal-ispezzjonijiet u l-investigazzjonijiet epidemjoloġiċi previsti fil-paragrafu 1(b) u l-paragrafu 2, l-Italja tista' timplimenta miżuri addizzjonali xierqa kif meħtieġ.

4. L-Italja għandha tgħarraf lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri protettivi previsti fil-paragrafi 1, 2 u 3.

Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni għandha tgħodd sal-31 ta' Mejju 2015.

Artikolu 5 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Diċembru 2014. Għall-Kummissjoni Vytenis Andriukaitis Membru tal-Kummissjoni

ANNEX

ANNESS

L-Istat Membru Iż-żoni soġġetti għall-miżuri protettivi L-Italja Ir-Reġjun tal-Kalabrija: Ir-Reġjun kollu Ir-Reġjun ta' Sqallija: Ir-Reġjun kollu

Versions

  1. 2014-12-12