Gelex

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 957/2014 tal-10 ta' Settembru 2014 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 rigward it-tneħħija ta' esteri tal-aċidu montaniku (E 912) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

In forceVersion 2014-09-10from 2014-10-01
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2014/957@2014-09-10/mt

Contents
  1. Preamble
  2. ANNEX
  3. ANNESS I
  4. ANNESS II

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel, u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) u 14 tiegħu,

Billi:

(1) L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

(3) L-esteri tal-aċidu montaniku (E 912) huma xemgħat awtorizzati bħala aġenti tal-kisi biex jiġi ttrattat il-wiċċ tal-frott taċ-ċitru, il-bettieħ, il-papaja, il-mango, l-avokado u l-ananas skont l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

(4) L-Artikolu 32(1) tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistipula li l-addittivi tal-ikel kollha li kienu diġà permessi fl-Unjoni qabel l-20 ta' Jannar 2009 huma soġġetti għal valutazzjoni tar-riskju ġdida mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-Awtorità).

(5) Għal dak il-għan, programm għall-valutazzjoni mill-ġdid tal-addittivi tal-ikel huwa stabbilit fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 257/2010. Skont ir-Regolament (UE) Nru 257/2010, il-valutazzjoni mill-ġdid tal-addittivi tal-ikel għajr il-kuluri u sustanzi li jagħtu l-ħlewwa għandha ssir sal-31 ta' Diċembru 2018. Madankollu, ċerti addittivi tal-ikel, inklużi l-esteri tal-aċidu montaniku (E 912), għandhom prijorità ogħla u għandhom jiġu evalwati qabel.

(6) Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 257/2010, l-operatur(i) kummerċjali interessati u kwalunkwe parti interessata oħra għandhom iressqu d-dejta relatata mal-valutazzjoni mill-ġdid ta' addittiv tal-ikel fil-perjodu stabbilit mill-awtorità fis-sejħa tagħha għad-dejta.

(7) Fil-15 ta' Frar 2012, l-Awtorità nediet sejħa pubblika għal dejta xjentifika dwar l-esteri tal-aċidu montaniku (E 912) billi stiednet lill-partijiet interessati biex sal-1 ta' Ġunju 2012 iressqu d-dejta mitluba jew jagħtu informazzjoni.

(8) Fis-7 ta' Ġunju 2013 l-Awtorità tat Opinjoni Xjentifika dwar il-valutazzjoni mill-ġdid tal-esteri tal-aċidu montaniku (E 912) bħala addittivi tal-ikel. L-opinjoni ddikjarat li ma kienet disponibbli l-ebda dejta dwar it-tossikokinetika u t-tossiċità riproduttiva u tal-iżvilupp tal-esteri tal-aċidu montaniku. Id-dejta disponibbli fuq żmien qasir u t-tossiċità subkronika, il-ġenotossiċità u t-tossiċità kronika u l-karċinoġeniċità tal-esteri tal-aċidu montaniku kienu limitati. Ma tressqet l-ebda dejta dwar l-użu. Abbażi ta' dawk il-limitazzjonijiet, l-Awtorità kkonkludiet li l-esteri tal-aċidu montaniku bħala addittiv tal-ikel ma setgħux jiġu evalwati.

(9) L-Artikolu 6(5) tar-Regolament (UE) Nru 257/2010 jistipula li fejn it-tagħrif meħtieġ għat-tlestija tal-valutazzjoni mill-ġdid ta' addittiv tal-ikel partikolari ma jingħatax mill-operatur(i) kummerċjali interessati jew kwalunkwe parti interessata oħra lill-Awtorità fi żmien l-iskadenzi stipulati, l-addittiv tal-ikel jista' jitneħħa mil-lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel approvati skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008. Għaldaqstant, l-ispeċifikazzjonijiet ta' dan l-addittiv tal-ikel għandhom jitneħħew ukoll mir-Regolament (UE) Nru 231/2012.

(10) Skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, il-lista tal-Unjoni ta' adittivi tal-ikel approvati għandha tiġi emendata skont il-proċedura msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(11) Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel tista' tiġi aġġornata kemm fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni kif ukoll wara applikazzjoni.

(12) Għaldaqstant, l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 u l-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 għandhom jiġu emendati bit-tneħħija tal-esteri tal-aċidu montaniku (E 912) mil-lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel awtorizzati peress li minħabba n-nuqqas ta' evidenza xjentifika riċenti l-inklużjoni tagħhom fil-lista ma għadhiex ġustifikata.

(13) Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1 L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness I ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2 L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 huwa emendat skont l-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Ikel li fih esteri tal-aċidu montaniku (E 912) li tqiegħdu fis-suq legalment qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, jistgħu jibqgħu jiġu kkummerċjalizzati sakemm il-ħażniet jiġu eżawriti.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Settembru 2014. Għall-Kummissjoni Il-President José Manuel Barroso

ANNEX

ANNESS I

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat kif ġej:

(1) Fil-Parti B, it-Taqsima 3 Addittivi għajr il-kuluri u sustanzi li jagħtu l-ħlewwa, l-entrata għall-addittiv tal-ikel E 912 hija mħassra;

(2) Fil-Parti E, fil-kategorija tal-ikel 4.1.1 Frott u ħxejjex friski, sħaħ, l-entrata għall-addittiv tal-ikel E 912 hija mħassra.

ANNESS II

Fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012, l-entrata għall-addittiv tal-ikel E 912 hija mħassra.

Versions

  1. 2014-09-10