Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1025 tad-19 ta' Ġunju 2015 li tirrevoka d-Deċiżjoni 2013/319/UE dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv f'Malta
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2015/1025@2015-06-19/mt
Contents
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 126(12) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) Permezz tad-Deċiżjoni 2013/319/UE, abbażi ta' rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill iddeċieda li kien jeżisti defiċit eċċessiv f'Malta. Il-Kunsill innota li d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika f'Malta kien laħaq it-3,3 % tal-PDG fl-2012, u għalhekk qabeż il-valur ta' referenza ta' 3 % tal-PDG stabbilit mit-Trattati, filwaqt li d-dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika kien ogħla mill-valur ta' referenza ta' 60 % tal-PDG stabbilit mit-Trattati. Il-Kunsill innota wkoll li Malta ma kinitx għamlet progress suffiċjenti lejn konformità mal-limitu referenzjarju għat-tnaqqis tad-dejn u għalhekk ma ssodisfatx ir-rekwiżiti tal-perjodu ta' tranżizzjoni wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tagħha fl-2012.
(2) Fil-21 ta' Ġunju 2013, skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, il-Kunsill, fuq ir-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, għamel rakkomandazzjoni indirizzata lil Malta bl-għan li s-sitwazzjoni tad-defiċit eċċessiv tintemm sa mhux aktar tard mill-2014. Ir-rakkomandazzjoni ġiet ippubblikata.
(3) Skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll (Nru 12) dwar il-proċedura ta' defiċit eċċessiv anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-TFUE, il-Kummissjoni tipprovdi d-data għall-implimentazzjoni ta' din il-proċedura. Bħala parti mill-applikazzjoni ta' dak il-Protokoll, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw data dwar id-defiċit u d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika tagħhom u dwar varjabbli assoċjati oħra darbtejn fis-sena, jiġifieri qabel l-1 ta' April u qabel l-1 ta' Ottubru, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009.
(4) Il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni biex jirrevoka deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fuq il-bażi tad-data notifikata. Barra minn hekk, deċiżjonijiet dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv għandhom jiġu revokati biss jekk il-previżjonijiet tal-Kummissjoni jindikaw li d-defiċit ma jkunx se jaqbeż il-limitu ta' 3 % tal-PDG tul il-perjodu ta' previżjoni; u il-proporzjon tad-dejn jissodisfa l-element li jħares 'il quddiem tal-valur referenzjarju tad-dejn.
(5) Abbażi tad-data pprovduta mill-Kummissjoni (Eurostat) skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 479/2009, wara n-notifika minn Malta f'April 2015, tal-Programm ta' Stabbiltà tal-2015 u tal-previżjoni tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2015, il-konklużjonijiet li ġejjin huma ġġustifikati:
Wara li laħaq l-ogħla livell tiegħu ta' 3,6 % tal-PDG fl-2012, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika tnaqqas għal 2,6 % tal-PDG fl-2013 u laħaq it-2,1 % tal-PDG fl-2014. It-tnaqqis fid-defiċit fl-2014 kien prinċipalment xprunat minn titjib fil-kundizzjonijiet ċikliċi u l-miżuri tal-baġit li wasslu għal żieda sinifikanti fid-dħul kurrenti (bi 2,5 % tal-PDG) li aktar milli patta għaż-żieda fl-infiq kurrenti (b'0,8 % tal-PDG) u minn nefqa kapitali netta (b'0,1 % tal-PDG) li huwa spjegat b'rata ogħla ta' assorbiment ta' fondi tal-UE.
Il-programm ta' stabbiltà għall-perjodu 2015–18, sottomess mill-gvern Malti fit-30 ta' April 2015, jippjana li d-defiċit jinżel għal 1,6 tal-PDG fl-2015 u għal 1,1 % tal-PDG fl-2016. Il-previżjoni tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa 2015 tipprojetta defiċit ta' 1,8 % tal-PDG fl-2015 u ta' 1,5 % tal-PDG fl-2016. B'hekk, id-defiċit mistenni li jibqa' taħt il-valur ta' referenza ta' 3 % tal-PDG stabbilit mit-Trattati matul il-perjodu ta' previżjoni.
Il-bilanċ strutturali, il huwa l-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika aġġustat għaċ-ċiklu ekonomiku u nett minn miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħrajn, ittejjeb b'1,3 % tal-PDG fil-perjodu 2013–2014.
Il-proporzjon tad-dejn mal-PDG żdied għal 69,2 % tal-PDG fl-2013, minn 67,4 % tal-PDG fl-2012, minħabba aġġustament temporanju bejn il-fondi u l-flussi li żied id-dejn. Imbagħad naqas għal 68,0 % tal-PDG fl-2014. Id-dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika huwa previst li jkompli jonqos għal 65,4 % tal-PDG fl-2016 ukoll minħabba x-xenarju makroekonomiku favorevoli. Barra minn hekk, il-konformità mar-regola tad-dejn li tħares 'il quddiem hija żgurata fl-2014.
(6) Mill-2015, li hija s-sena ta' wara dik li fiha saret il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, Malta hija soġġetta għall-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u għandha timxi lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju tagħha b'pass xieraq, inkluż billi tirrispetta l-livell referenzjarju tal-infiq, u tikkonforma mal-kriterju tad-dejn skont l-Artikolu 2(1a) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97. F'dan il-kuntest, jidher li hemm ir-riskju ta' xi devjazzjoni mill-aġġustament meħtieġ ta' 0,6 % tal-PDG lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju fl-2015 u l-2016. Fl-2015, it-titjib fil-bilanċ strutturali huwa previst li jkun 0,1 % tal-PDG taħt ir-rekwiżit. Filwaqt li l-aġġustament projettat għall-2016 huwa konformi mar-rekwiżit, hemm ir-riskju ta' xi devjazzjoni għall-2015 u l-2016 meħuda flimkien. Għalhekk, ser jinħtieġu iktar miżuri fl-2015 u l-2016.
(7) Skont l-Artikolu 126(12) tat-TFUE, Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv għandha tiġi revokata meta, fil-fehma tal-Kunsill, id-defiċit eċċessiv fl-Istat Membru kkonċernat ikun ġie kkoreġut.
(8) Fil-fehma tal-Kunsill, id-defiċit eċċessiv f'Malta ġie kkoreġut u d-Deċiżjoni 2013/319/UE għalhekk għandha tiġi revokata,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Minn valutazzjoni kumplessiva jirriżulta li s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv f'Malta ġiet ikkoreġuta.
Artikolu 2 Id-Deċiżjoni 2013/319/UE hija b'dan revokata.
Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Malta.
Magħmul fil-Lussemburgu, id-19 ta' Ġunju 2015. Għall-Kunsill Il-President J. Reirs