Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1366 tal-11 ta' Mejju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-għajnuna lis-settur tal-apikultura
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2015/1366@2015-05-11/mt
Contents
- Preamble
- Artikolu 1 Doqqajs
- Artikolu 2 Metodu biex jiġi ddeterminat l-għadd ta' doqqajs
- Artikolu 3 Notifika tal-għadd ta' doqqajs
- Artikolu 4 Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-programmi tal-apikultura
- Artikolu 5 L-evitar ta' finanzjament doppju
- Artikolu 6 Avveniment operattiv għar-rata tal-kambju
- Artikolu 7 Tħassir
- Artikolu 8 Miżuri tranżizzjonali
- Artikolu 9 Dħul fis-seħħ
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007, u b'mod partikolari l-Artikoli 56(1), 223(2) u 231(1) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008, u b'mod partikolari l-Artikolu 106(5) tiegħu,
Billi:
(1) Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 issostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 u jistabbilixxi regoli ġodda rigward l-għajnuna fis-settur tal-apikultura. Jagħti wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati u ta' implimentazzjoni f'dak ir-rigward. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tal-iskema ta' għajnuna fil-qafas legali l-ġdid, għandhom jiġu adottati ċerti regoli permezz ta' tali atti. Dawk l-atti għandhom jieħdu post ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 917/2004.
(2) L-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistqarr li l-Istati Membri jistgħu jfasslu programmi nazzjonali għas-settur tal-apikultura li jkopru perjodu ta' tliet snin (programmi tal-apikultura). Huwa meħtieġ li tiġi ffissata l-bażi għall-allokazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni lill-Istati Membri parteċipanti.
(3) L-għadd ta' doqqajs f'kull Stat Membru parteċipanti huwa indikatur tad-daqs tas-settur tal-apikultura tal-Istati Membri. Is-sehem ta' kull Stat Membru fl-għadd totali ta' doqqajs fl-Unjoni jirrappreżenta bażi sempliċi li fuqha tinħadem il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-programmi tal-apikultura.
(4) Sabiex tiġi żgurata distribuzzjoni tajba tal-fondi tal-Unjoni, l-Istati Membri parteċipanti għandu jkollhom metodu affidabbli biex jiġi ddeterminat l-għadd ta' doqqajs fit-territorju tagħhom.
(5) Peress li l-għadd ta' doqqajs ivarja matul l-istaġuni tas-sena, huwa meħtieġ li jiġi ffissat il-perjodu meta l-għadd ta' doqqajs jiġi determinat.
(6) Huwa meħtieġ għall-Kummissjoni li tkun taf l-għadd ta' doqqajs fl-Istati Membri mhux biss sabiex talloka l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-programmi tal-apikultura iżda wkoll sabiex issegwi x-xejra fl-għadd ta' doqqajs fl-Istati Membri ħalli tevalwa l-impatt tal-miżuri ta' appoġġ għas-settur tal-apikultura u biex tinforma liċ-ċittadini Ewropej. Għalhekk, l-Istati Membri parteċipanti għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni fuq bażi annwal l-għadd ta' doqqajs stabbiliti b'konformità ma' dan ir-Regolament.
(7) Sabiex jippermetti lill-Istati Membri kollha jimplimentaw il-programm tal-apikultura b'mod kosteffikaċi, għandu jiġi stabbilit ammont minimu speċifikat ta' għajnuna tal-Unjoni għal kull programm.
(8) Sabiex jiġi żgurat l-użu effiċjenti u effettiv tal-fondi tal-Unjoni għall-apikultura, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jevitaw finanzjament doppju fir-rigward tal-programmi tal-apikultura tagħhom skont għajnuna fis-settur tal-apikultura b'konformità tal-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u skont appoġġ għall-iżvilupp rurali b'konformità tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(9) Għal dawk l-Istati Membri li ma adottawx l-euro, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti regoli għall-iffissar tar-rata tal-kambju applikabbli għall-finanzjament tal-programmi tal-apikultura. L-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju li għandha tintuża għandu jkun dak imsemmi fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014.
(10) Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel mill-miżuri tal-apikultura stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għal dawk stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jinkludu fil-programmi tal-apikultura tagħhom approvati qabel l-1 ta' Jannar 2014, il-miżuri tal-apikultura l-ġodda elenkati fl-Artikolu 55(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
(11) Huwa meħtieġ li jiġu pprovduti miżuri tranżitorji għall-allokazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-programmi tal-apikultura ta' bejn l-2017–19. Sabiex tkun żgurata l-kontinwità mal-programmi tal-apikultura tal-2014–16 u biex jitħalla biżżejjed żmien għall-Istati Membri kollha ħalli jistabbilixxu metodu affidabbli biex jiġi ddeterminat l-għadd ta' doqqajs lest għax-xitwa bejn l-1 ta' Settembru u l-31 ta' Diċembru, l-allokazzjoni ta' fondi tal-Unjoni għall-programmi tal-apikultura ta' bejn l-2017–19 għandha ssir fuq il-bażi tal-għadd ta' doqqajs ikkomunikat fl-2013 mill-Istati Membri fil-programmi tal-apikultura rispettivi tagħhom tal-2014–16.
(12) Għal raġunijiet ta' ċertezza u ċarezza legali, ir-Regolament (KE) Nru 917/2004 għandu jitħassar,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 Doqqajs
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, it-terminu doqqajs ifisser l-unità li tikkontjeni l-kolonja tan-naħal tal-għasel użata għall-produzzjoni tal-għasel u prodotti oħra tal-apikultura jew materjal għat-trobbija tan-naħal tal-għasel, u l-elementi kollha meħtieġa għas-sopravivenza tagħha.
Artikolu 2 Metodu biex jiġi ddeterminat l-għadd ta' doqqajs
L-Istati Membri li jippreżentaw il-programmi nazzjonali għas-settur tal-apikultura kif imsemmi fl-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (programmi tal-apikultura) għandu jkollhom metodu affidabbli sabiex jiddeterminaw, bejn l-1 ta' Settembru u l-31 ta' Diċembru ta' kull sena, l-għadd ta' doqqajs lest għax-xitwa preżenti fit-territorju tagħhom.
Artikolu 3 Notifika tal-għadd ta' doqqajs
Mill-2017, l-Istati Membri li jippreżentaw programmi tal-apikultura għandhom ta' kull sena jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-għadd ta' doqqajs fit-territorju tagħhom lest għax-xitwa kif determinat skont il-metodu msemmi fl-Artikolu 2.
Artikolu 4 Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-programmi tal-apikultura
Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-programmi tal-apikultura għandha tkun allokata lill-Istati Membri li għandhom programmi tal-apikultura fi proporzjon mal-medja tal-għadd ta' doqqajs innotifikata minn dawn l-Istati Membri skont l-Artikolu 3 matul is-sentejn kalendarji li jiġu immedjatament qabel in-notifika lill-Kummissjoni dwar il-programmi tal-apikultura. Il-limitu minimu ta' kontribuzzjoni tal-Unjoni għandu jkun ta' EUR 25000 għal kull programm tal-apikultura. Jekk l-ammont ta' finanzjament mill-Unjoni mitlub minn Stat Membru għall-programm tiegħu tal-apikultura huwa aktar baxx mill-allokazzjoni li tirriżulta mill-ewwel paragrafu, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-programmi tal-apikultura tal-Istati Membri l-oħra jistgħu jiġu miżjuda bi proporzjon mal-għadd ta' doqqajs li jkunu nnotifikaw rispettivament.
Artikolu 5 L-evitar ta' finanzjament doppju
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jkunx hemm finanzjament doppju tal-programmi tal-apikultura li tingħathalhom għajnuna fis-settur tal-apikultura skont l-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u tal-appoġġ għall-iżvilupp rurali skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013.
Artikolu 6 Avveniment operattiv għar-rata tal-kambju
Għall-ammonti mħallsa bħala għajnuna fis-settur tal-apikultura skont l-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju għandu jkun dak imsemmi fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 907/2014.
Artikolu 7 Tħassir
Ir-Regolament (KE) Nru 917/2004 huwa mħassar. Madankollu, ir-Regolament (KE) Nru 917/2004 għandu jkompli japplika għall-programmi tal-apikultura approvati qabel l-1 ta' Jannar 2014 sakemm dawk il-programmi jintemmu.
Artikolu 8 Miżuri tranżizzjonali
1. L-Istati Membri jistgħu jemendaw il-programmi tagħhom tal-apikultura approvati qabel l-1 ta' Jannar 2014 sabiex jiġu inklużi l-miżuri tal-apikultura l-ġodda elenkati fl-Artikolu 55(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
2. L-allokazzjoni ta' fondi tal-Unjoni għall-programmi tal-apikultura ta' bejn l-2017–19 għandha ssir fuq il-bażi tal-għadd ta' doqqajs ikkomunikat fl-2013 mill-Istati Membri fil-programmi tal-apikultura rispettivi tagħhom tal-2014–16.
Artikolu 9 Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Mejju 2015. Għall-Kummissjoni Il-President Jean-Claude Juncker