Gelex

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/155 tas-27 ta' Jannar 2015 dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat dwar il-Kummerċ fil-Prodotti stabbilit mill-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta' amministrazzjoni tal-Kwota tar-Rata Tariffarja

In forceVersion 2015-01-27
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2015/155@2015-01-27/mt

Contents
  1. Preamble
  2. DEĊIŻJONI Nru 1 TAL-KUMITAT TAL-KUMMERĊ FIL-PRODOTTI UE-KOREA ta' … dwar l-adozzjoni tar-regoli ta' amministrazzjoni u implimentazzjoni tal-Kwota tar-Rata Tariffarja
  3. ANNEX
  4. Artikolu 1 L-għażla taż-żmien tal-irkantijiet u l-applikazzjoni tal-liċenzji
  5. Artikolu 2 Depożitu u miżati
  6. Artikolu 3 Ħruġ u validità ta' rakkomandazzjoni
  7. Artikolu 4 Pubblikazzjoni tal-informazzjoni dwar l-amministrazzjoni tat-TRQs
  8. Artikolu 5 L-amministrazzjoni tal-kwoti tar-rata tariffarja (TRQs): Glossarju Regoli ta' allokazzjoni tat-TRQs

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1) Il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (il-Ftehim) ġie ffirmat fis-6 ta' Ottubru 2010.

(2) F'konformità mal-Artikolu 15.10(5) tiegħu, il-Ftehim ġie applikat provviżorjament mill-1 ta' Lulju 2011 sakemm jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu.

(3) L-Artikolu 15.1 tal-Ftehim jistabbilixxi Kumitat tal-Kummerċ li, fost oħrajn, għandu l-kompitu li jiżgura li l-Ftehim jaħdem kif suppost u li jissorvelja l-ħidma tal-kumitati speċjalizzati kollha.

(4) Skont l-Artikolu 15.2 tal-Ftehim, ġew stabbiliti kumitati speċjalizzati taħt il-patroċinju tal-Kumitat tal-Kummerċ. Il-Kumitat tal-Kummerċ fil-Prodotti, skont l-Artikolu 2.16 tal-Ftehim, huwa wieħed minn dawk il-kumitati speċjalizzati.

(5) F'konformità mal-punt 2 tal-Appendiċi 2-A-1 tal-Ftehim, huwa possibbli għall-Korea li tuża sistema ta' rkant biex tamministra u timplimenta l-Kwoti tar-Rata Tariffarja (TRQs) applikati mill-Korea għall-ħalib u l-krema, il-butir, l-għasel u l-larinġ li joriġinaw fl-Unjoni fuq il-bażi tal-Ftehim. It-termini tas-sistema ta' rkant għandhom jiġu stabbiliti bi ftehim reċiproku tal-Partijiet fi ħdan il-Kumitat tal-Kummerċ fil-Prodotti.

(6) F'konformità mal-punt 3 tal-Appendiċi 2-A-1 tal-Ftehim, huwa possibbli għall-Korea li tuża sistema ta' ħruġ ta' liċenzji biex tamministra u timplimenta ċerti TRQs. Il-Partijiet għandhom jiftiehmu fi ħdan il-Kumitat dwar il-Kummerċ tal-Prodotti rigward il-politiki u l-proċeduri għas-sistema ta' ħruġ ta' liċenzji, inkluża l-eliġibbiltà sabiex jiġu rċevuti l-kwantitajiet ta' TRQ, u kull bidla jew emenda għal dawn.

(7) Huwa meħtieġ li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat tal-Kummerċ fil-Prodotti rigward ir-regoli ta' amministrazzjoni tat-TRQ.

(8) Id-deċiżjoni konġunta għandha tittieħed permezz ta' skambju ta' noti bejn l- Unjoni u l-Korea, li jkunu ffirmati minn rappreżentant tal-Kummissjoni f'isem l- Unjoni.

(9) Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat tal-Kummerċ fil-Prodotti għandha għalhekk tkun imsejsa fuq l-abbozz tadDeċiżjoni tal-Kumitat tal-Kummerċ fil-Prodotti li jinsab anness ma' din id-Deċiżjoni.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Il-pożizzjoni li trid tittieħed f'isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat tal-Kummerċ fil-Prodotti stabbilit mill-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta' amministrazzjoni tat-TRQ, għandha tkun imsejsa fuq l-abbozz tad-Deċiżjonital-Kumitat tal-Kummerċ fil-Prodotti li jinsab anness ma' din id-Deċiżjoni. Jista' jintlaħaq ftehim dwar korrezzjonijet tekniċi minuri fl-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat tal-Kummerċ fil-Prodotti mir-rappreżentanti tal-Unjoni f'dak il-Kumitat mingħajr il-ħtieġa ta' Deċiżjoni ġdida tal-Kunsill.

Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Jannar 2015. Għall-Kunsill Il-President J. Reirs

DEĊIŻJONI Nru 1 TAL-KUMITAT TAL-KUMMERĊ FIL-PRODOTTI UE-KOREA ta' … dwar l-adozzjoni tar-regoli ta' amministrazzjoni u implimentazzjoni tal-Kwota tar-Rata Tariffarja

ABBOZZ IL-KUMITAT TAL-KUMMERĊ FIL-PRODOTTI,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn ir-Repubblika tal-Korea (il-Korea), minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra, (il-Partijiet u il-Ftehim) u b'mod partikolari l-Artikoli 2.16, 15.2.1 u l-punti 2 u 3 tal-Appendiċi 2-A-1 tiegħu,

Billi:

(1) L-Artikolu 15.1 tal-Ftehim jistabbilixxi Kumitat tal-Kummerċ li għandu, fost affarijiet oħra, jiżgura li l-Ftehim jaħdem kif suppost u jissorvelja l-ħidma tal-kumitati speċjalizzati kollha.

(2) Skont l-Artikolu 15.2 tal-Ftehim, ġew stabbiliti kumitati speċjalizzati taħt il-patroċinju tal-Kumitat tal-Kummerċ. Il-Kumitat tal-Kummerċ fil-Prodotti, skont l-Artikolu 2.16 tal-Ftehim, huwa wieħed minn dawn il-kumitati speċjalizzati.

(3) Skont il-punt 2 tal-Appendiċi 2-A-1 tal-Ftehim, il-Korea tista' tuża sistema ta' rkant sabiex tamministra u timplimenta l-kwoti tar-rata tariffarja (TRQs) applikati mill-Korea għal ċerti prodotti ta' oriġini tal-Unjoni Ewropea abbażi tal-Ftehim. It-termini tas-sistema ta' rkant jridu jiġu stabbiliti bi ftehim reċiproku tal-Partijiet permezz ta' deċiżjoni tal-Kumitat tal-Kummerċ fil-Prodotti.

(4) Skont il-punt 3 tal-Appendiċi 2-A-1 tal-Ftehim, il-Korea tista' tuża sistema ta' liċenzji sabiex tamministra u timplimenta ċerti TRQs. Il-Partijiet għandhom jiftiehmu fi ħdan il-Kumitat tal-Kummerċ fil-Prodotti rigward il-politiki u l-proċeduri għas-sistema ta' liċenzji, inkluża l-eliġibbiltà sabiex jiġu rċevuti l-kwantitajiet ta' TRQ, u kull bidla jew emenda għal dawn,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ: Il-Korea għandha tamministra u timplimenta l-kwoti tar-rata tariffarja applikati mill-Korea għal ċerti prodotti ta' oriġini tal-Unjoni Ewropea abbażi tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn ir-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, skont ir-regoli stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni. Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fi … Magħmul fi, …, Għall-Kumitat tal-Kummerċ fi Prodotti Mauro Petriccione Direttur Id-Direttorat Ġeneral għall-Kummerċ tal-Kummissjoni Ewropea Hak-Do Kim Direttur Ġenerali tal-Politika tal-FTA Il-Ministeru għall-Kummerċ, l-Industrija u l-Enerġija tar-Repubblika tal-Korea

ANNEX

ANNESS IR-REGOLI GĦALL-AMMINISTRAZZJONI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-KWOTI TAR-RATA TARIFFARJA

Artikolu 1 L-għażla taż-żmien tal-irkantijiet u l-applikazzjoni tal-liċenzji

(1) L-irkantijiet għal trab tal-ħalib xkumat, trab tal-ħalib, ħalib kondensat u għasel naturali għandhom jiġu qabel il-perjodu ta' importazzjoni, jiġifieri f'Ġunju għall-kwoti li jinfetħu f'Lulju.

(2) Il-linji gwida speċifiċi mill-Korea Agro-Fisheries & Food Trade Corporation ser jipprevedu li l-avviżi pubbliċi għall-irkantijiet ser isiru tmint ijiem kalendarji qabel id-data tal-iskadenza tal-applikazzjoni għall-parteċipazzjoni fl-irkantijiet.

(3) Għal oġġetti ta' prodotti li l-iskeda ta' żmien għall-applikazzjoni għal-liċenzja tal-kwota tagħhom mhix iffissata fil-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Korea-UE, il-linji gwida speċifiċi tal-aġenziji magħżula biex jamministraw il-Kwoti tar-Rata Tariffarja (TRQs) (minn hawn 'il quddiem imsejħa l-Aġenzji Rakkomandanti) se jipprevedu perjodu, għat-tressiq tal-applikazzjoni għal liċenzja, li jkun ta' mill-inqas sebat ijiem kalendarji mill-ewwel jum ta' xogħol tas-sena ta' eżekuzzjoni msemmija fl-Anness 2-A, il-punt 5 tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Korea-UE.

Artikolu 2 Depożitu u miżati

(1) Mhu ser ikun hemm l-ebda spiża amministrattiva jew ħlasijiet imposti minbarra d-depożitu — l-ammont imħallas minn offerenti li japplikaw għall-irkant — għal servizzi relatati ma' applikazzjoni għal allokazzjoni ta' TRQ permezz ta' bejgħ bl-irkant.

(2) L-istruzzjonijiet ġenerali għall-offerenti għal kull irkant għandhom jippreskrivu li d-depożitu jiġi rritornat lill-offerenti hekk kif il-proċeduri tal-amministrazzjoni normali ta' wara l-irkant ikunu tlestew.

(3) L-ebda garanzija jew depożitu mhu se jkun meħtieġ għal applikanti għal liċenzja.

Artikolu 3 Ħruġ u validità ta' rakkomandazzjoni

(1) L-Aġenziji Rakkomandanti se joħorġu Rakkomandazzjoni għat-TRQs għall-Importazzjoni tal-FTA Korea-UE (minn hawn 'il quddiem imsejħa Rakkomandazzjoni) wara rkant jew applikazzjoni għal liċenzja.

(2) Ir-rakkomandazzjonijiet lill-applikanti għandhom jinħarġu fi żmien jumejn kalendarji sakemm l-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tat-TRQs tkun tissodisfa r-rekwiżiti tar-Rakkomandazzjoni.

(3) Rakkomandazzjoni għat-TRQs għall-importazzjoni tkun valida għal 90 jum. Il-perjodu tal-validità jista' jiġi estiż għal 30 jum ieħor, iżda ma jistax jaqbeż l-aħħar jum tas-sena ta' eżekuzzjoni msemmija fl-Anness 2-A, punt 5 tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Korea-UE.

Artikolu 4 Pubblikazzjoni tal-informazzjoni dwar l-amministrazzjoni tat-TRQs

(1) Il-linji gwida tal-Ministeru tal-Agrikoltura, l-Ikel u l-Affarijiet Rurali tal-Korea (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ MAFRA) u l-linji gwida speċifiċi tal-Aġenziji Rakkomandanti se jkunu ppubblikati fuq il-websajts rispettivi tagħhom.

(2) Fuq bażi regolari, fuq il-websajts tagħhom l-Aġenziji Rakkomandanti se jippubblikaw informazzjoni li tinkludi avviżi pubbliċi biex jitressqu applikazzjonijiet għal liċenzji u rkantijiet, allokazzjoni ta' liċenzji u perijodi tal-irkant, kwantitajiet allokati, kwantitajiet li jifdal disponibbli għal kull TRQ u d-data ppjanata tal-irkant/perjodu ta' liċenzjar li jkun imiss.

(3) Il-kriterji bażiċi għal irkantijiet inklużi l-eliġibbiltà, il-ħlas ta' depożitu u ta' ritorn, id-dati tal-irkant, il-kodiċi u l-informazzjoni tal-irkant se jkunu inklużi fil-linji gwida speċifiċi tal-Korea Agro-Fisheries & Food Trade Corporation jew fl-istruzzjonijiet ġenerali lill-offerenti għal kull irkant.

Artikolu 5 L-amministrazzjoni tal-kwoti tar-rata tariffarja (TRQs): Glossarju Regoli ta' allokazzjoni tat-TRQs

Il-linji gwida tal-MAFRA jippermettu d-distribuzzjoni tal-volum annwali tat-TRQ matul is-sena permezz ta' diviżjoni tal-volum annwali tat-TRQ f'għadd ta' subvolumi, li s-somma tagħhom tkun ekwivalenti għall-volum tat-TRQ annwali. Il-volum totali ta' TRQ għal kull sena ta' eżekuzzjoni kif jistipula l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Korea-UE ma għandux jitnaqqas. Aġenziji rakkomandanti Aġenziji Koreani maħtura biex jimmaniġġjaw it-TRQs: Il-Korea Dairy Industries Association, il-Korea Agro-Fisheries & Food Trade Corporation, il-Korea Feed Ingredients Association u l-Korea Feed Milk Replacer Association Websajts: Depożitu Ammont imħallas mill-offerenti li japplikaw għal irkant. Id-depożitu jiġi rritornat lil kull offerent immedjatament wara r-rakkomandazzjoni tal-kwota. Rakkomandazzjoni Ħruġ ta' TRQ għall-importazzjoni wara rkant jew applikazzjoni għal liċenzja. Perjodu ta' validità Il-perjodu li matulu tkun valida rakkomandazzjoni għal TRQ għall-importazzjoni. Sena ta' eżekuzzjoni Perjodu ta' 12-il xahar bejn anniversarji konsekuttivi tal-FTA (l-1 ta' Lulju) li huwa stabbilit għalihom fl-FTA Korea-UE volum annwali ta' TRQ.

Il-Korea Dairy Industries Association (verżjoni bil-Korean biss hija disponibbli): http://www.koreadia.or.kr/

Il-Korea Agro-Fisheries & Food Trade Corporation: http://www.at.or.kr/home/apen000000/index.action

Il-Korea Feed Ingredients Association (verżjoni bil-Korean biss hija disponibbli): http://www.kfeedia.org/main.html

Il-Korea Feed Milk Replacer Association (verżjoni bil-Korean biss hija disponibbli): http://milkreplacer.or.kr/

Versions

  1. 2015-01-27