Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1970 tat-8 ta' Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b'dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-irrappurtar ta' irregolaritajiet, fir-rigward tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2015/1970@2015-07-08/mt
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew, u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, b'mod partikolari l-ħames subparagrafu tal-Artikolu 122(2) tiegħu,
Billi:
(1) L-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jiddetermina liema irregolaritajiet l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' twettaq il-kompiti tagħha marbuta mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b'mod partikolari sabiex il-Kummissjoni tkun tista' twettaq analiżi tar-riskju, għandu jiġi stabbilit ukoll liema dejta għandha tiġi pprovduta.
(2) L-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu protetti bl-istess mod irrispettivament mill-fond użat biex jintlaħqu l-objettivi li għalihom ikun ie stabbilit. Għal dak l-għan ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, kif ukoll ir-Regolamenti (UE) Nru 1306/2013, (UE) Nru 223/2014 u (UE) Nru 514/2014, jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta regoli dwar l-irrappurtar ta' irregolaritajiet. Sabiex jiġi żgurat li regoli identiċi japplikaw fir-rigward tal-fondi kollha regolati minn dawk ir-Regolamenti, huwa meħtieġ li dan ir-Regolament ikun fih dispożizzjonijiet identiċi għal dawk fir-Regolamenti ta' Delegai tal-Kummissjoni (UE) 2015/1971, (UE) 2015/1972 u (UE) 2015/1973.
(3) Biex tkun possibbli applikazzjoni koerenti tar-rekwiżiti tal- irrappurtar fl-Istati Membri kollha huwa meħtieġ li jiġi definit it-terminu suspett ta' frodi, billi titqies id-definizzjoni ta' frodi fil-Konvenzjoni mfassla fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropewa, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, u t-terminu konklużjoni amministrattiva jew ġudizzjarja primarja.
(4) Ir-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u r-Regolament (UE) Nru 223/2014, jiddeterminaw il-limitu ta' rappurtar li, sakemm ma jkunx mitlub mod ieħor, irregolaritajiet li jaqgħu taħt dak il-limitu ma jkunux jeħtieġu li jiġu rrappurtati lill-Kummissjoni u l-każijiet li għalihom ma hemmx bżonn isir rappurtar. Sabiex jiġu ssimplifikati u allinjati d-dispożizzjonijiet u jinstab bilanċ bejn il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri u l-interess komuni li tingħata dejta preċiża għall-finijiet ta' analiżi fil-ġlieda tal-Unjoni Ewropea kontra l-frodi, huwa meħtieġ li jiġu applikati l-istess limitu tar-rappurtar u l-istess derogi għar-rapportar ta' irregolaritajiet imsemmija fir-Regolamenti (UE) Nru 1306/2013 u (UE) Nru 514/2014.
(5) Huwa neċessarju li jiġi determinat liema Stat Membru għandu jirrapporta irregolaritajiet b'rabta mal-għan ta' Kooperazzjoni territorjali Ewropea skont ir-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(6) Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tar-rappurtar huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-kriterji biex jiġi ddeterminat meta għandhom jiġu inizjalment irrappurtati l-irregolaritajiet u d-dejta li għandha tiġi pprovduta f'dawk ir-rapporti inizjali.
(7) Sabiex id-dejta pprovduta lill-Kummissjoni tkun preċiża, huwa meħtieġ li jsir rappurtar ta' segwitu. L-Istati Membri għandhom, għalhekk, jagħtu lill-Kummissjoni informazzjoni aġġornata dwar kull progress sinifikanti fil-proċeduri jew fil-proċedimenti amministrattivi u ġuridiċi relatati ma' kull rapport inizjali.
(8) Fid-dawl tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom, f'dak li għandu x'jaqsam mal-informazzjoni pprovduta skont dan ir-Regolament, jipprevjenu kwalunkwe divulgazzjoni mhux awtorizzata ta' dejta personali, jew aċċess mhux awtorizzat għaliha. Barra minn hekk, dan ir-Regolament għandu jispeċifika għal liema skopijiet il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jipproċessaw dik id-dejta.
(9) Minħabba li diġà saru pagamenti għall-Fondi kkonċernati u jistgħu jseħħu l-irregolaritajiet, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw immedjatament. Dan ir-Regolament għaldaqstant għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 Suġġett
Dan ir-Regolament jiddetermina liema irregolaritajiet għandhom jiġu rrappurtati u jistabbilixxi liema dejta għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri lill-Kummissjoni.
Artikolu 2 Definizzjonijiet
Japplikaw id-definizzjonijiet fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013. Barra minn hekk, għall-fini ta' dan ir-Regolament:
(a) suspett ta' frodi tfisser irregolarità li tagħti lok għall-bidu ta' proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji fuq livell nazzjonali sabiex jiġi stabbilit li hemm mġiba intenzjonata, b'mod partikolari frodi, kif jissemma fl-Artikolu 1(1)(a) tal-Konvenzjoni mfassal fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej;
(b) konklużjoni amministrattiva jew ġudizzjarja primarja tfisser l-ewwel valutazzjoni bil-miktub minn awtorità kompetenti, amministrattiva jew ġudizzjarja, li fuq il-bażi ta' fatti speċifiċi tikkonkludi li twettqet irregolarità, mingħajr preġudizzju għall-possibilità li dik il-konklużjoni sussegwentement jista' jkollha tiġi riveduta jew irtirata minħabba żviluppi matul il-proċediment amministrattiv jew ġudizzjarju;
Artikolu 3 Rappurtar inizjali
1. L-Istati Membri jirrappurtaw l-irregolaritajiet lill-Kummissjonili:
1.
(a) jaffettwaw ammont ta' iktar minn EUR 10000 f'kontribuzzjoni mill-Fondi;
(b) kienu s-suġġett ta' konklużjoni amministrattiva jew ġudizzjarja primarja.
2. Fir-rapport inizjali l-Istati Membri jipprovdu l-informazzjoni li ġejja:
2.
(a) il-fond, l-għan, il-kategorija jew reġjun fejn xieraq, l-isem u n-numru tal-Kodiċi Komuni ta' Identifikazzjoni (CCI) tal-prijorità, il-programm operattiv u tal-operazzjoni kkonċernati;
(b) l-identità tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi involuti, jew tat-tnejn li huma, jew ta' kull entità oħra li kellha rwol fit-twettiq tal-irregolarità, minbarra fejn dik l-informazzjoni ma tkunx rilevanti għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-irregolaritajiet, minħabba n-natura tal-irregolarità kkonċernata;
(c) ir-reġjun jew iż-żona fejn tkun seħħet l-operazzjoni, identifikati bl-użu ta' informazzjoni xierqa, bħalma hu l-livell NUTS;
(d) id-dispożizzjoni jew id-dispożizzjonijiet li ġew miksura;
(e) id-data u s-sors tal-ewwel informazzjoni li wasslet biex ikun hemm is-suspett li saret irregolarità;
(f) il-prattiki użati biex titwettaq l-irregolarità;
(g) fejn xieraq, jekk il-prassi twassalx għal suspett ta' frodi;
(h) il-mod li bih ġiet magħrufa l-irregolarità;
(i) fejn xieraq, l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi involuti;
(j) il-perjodu li matulu twettqet l-irregolarità, jew id-data tta' meta twettqet l-irregolarità;
(k) id-data li fiha kienet stabbilita l-konklużjoni amministrattiva jew ġudizzjarja primarja;
(l) l-ammont totali tan-nefqa tal-operazzjoni kkonċernata, espress f'termini tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, ta' dik nazzjonali u ta' dik privata;
(m) l-ammont milqut mill-irregolarità espress f'termini tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni u ta' dik nazzjonali;
(n) f'każ ta' suspett ta' frodi u fejn ma sar ebda ħlas tal-kontribuzzjoni pubblika lill-benefiċjarju, l-ammont li kien se jitħallas indebitament kieku l-irregolarità ma ġietx identifikata espress f'termini tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni u tal-kontribuzzjoni nazzjonali;
(o) in-natura tan-nefqa irregolari;
(p) is-sospensjoni tal-pagamenti, fejn applikabbli, u l-possibbiltà tal-irkuprar ta' ammonti mħallsa.
3. B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri ma jirrappurtawx lill-Kummissjoni dawk l-irregolaritajiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 122(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. Fil-każijiet l-oħra kollha, b'mod partikolari dawk li jippreċedu l-falliment jew fil-każijiet ta' suspett ta' frodi, l-irregolaritajiet li jiġu magħrufa u l-miżuri preventivi u korrettivi marbuta magħhom għandhom jiġu rrappurtati lill-Kummissjoni.
4. L-irregolaritajiet relatati mal-programmi operattivi fil-qafas tal-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea għandhom jiġu rrappurtati mill-Istat Membru fejn il-benefiċjarju jagħmel in-nefqa sabiex tkun implimentata l-operazzjoni. L-Istat Membru jinforma lill-awtorità ta' ġestjoni, lill-awtorità ta' ċertifikazzjoni għall-programm u lill-awtorità ta' verifika.
5. Jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali jipprovdu għall-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet, il-komunikazzjoni tal-informazzjoni tkun soġġetta għall-awtorizzazzjoni tat-tribunal, qorti jew korp ieħor kompetenti skont ir-regoli nazzjonali.
Artikolu 4 Rappurtar ta' segwitu
1. Fejn parti mill-informazzjoni li tissemma fl-Artikolu 3(2), b'mod partikolari l-informazzjoni li tikkonċerna l-prattiki użati biex titwettaq l-irregolarità u l-mod li bih tkun ġiet skoperta, ma tkunx disponibbli jew tkun teħtieġ rettifika, l-Istati Membri jipprovdu l-informazzjoni nieqsa jew korretta fir-rapporti ta' segwitu tal-irregolaritajiet li jippreżentaw lill-Kummissjoni.
2. L-Istati Membri jżommu lill-Kummissjoni infurmata dwar il-bidu, il-konklużjoni jew l-abbandun ta' kull proċeduri jew proċedimenti, għall-impożizzjoni ta' miżuri amministrattivi, pieni amministrattivi jew sanzjonijiet kriminali fir-rigward tal-irregolaritajiet irrappurtati, kif ukoll l-eżitu ta' dawk il-proċeduri jew il-proċedimenti. Fir-rigward tal-irregolaritajiet li għalihom ikunu ġew imposti pieni, l-Istati Membri jindikaw ukoll dan li ġej:
2.
(a) jekk il-penali humiex ta' natura amministrattiva jew kriminali;
(b) jekk il-penali jirriżultawx minn ksur tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali u dettalji dwar il-penali;
(c) jekk ġiex stabbilit li kien hemm frodi.
3. Fuq talba bil-miktub tal-Kummissjoni, l-Istat Membru jipprovdi informazzjoni fir-rigward ta' irregolarità speċifika jew grupp ta' irregolaritajiet.
Artikolu 5 Użu u pproċessar ta' informazzjoni
1. Il-Kummissjoni tista' tuża kull informazzjoni ta' natura ġenerali jew operattiva pprovduta mill-Istati Membri skont dan ir-Regolament biex tagħmel analiżi tar-riskju, bl-appoġġ tat-teknoloġija informatika, u tista', fuq il-bażi tal-informazzjoni miksuba, tipproduċi rapporti u tiżviluppa sistemi li jservu biex jidentifikaw ir-riskji b'mod iktar effettiv.
2. L-informazzjoni mogħtija skont dan ir-Regolament tiġi koperta mill-kunfidenzjalità professjonali u tkun protetta bl-istess mod bħalma tkun protetta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru li pprovdiha u mid-dispożizzjonijiet applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni. L-Istati Membri u l-Kummissjoni jieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji biex jiżguraw li l-informazzjoni tibqa' kunfidenzjali.
3. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ma tistax, b'mod partikolari, tintbagħat lill-persuni ħlief dawk fl-Istati Membri jew fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni li d-dmirijiet tagħhom jeħtieġu li jkollhom aċċess għaliha, sakemm l-Istat Membru li jkun qed jipprovdiha ma jkunx ta l-kunsens speċifiku tiegħu.
4. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ma tista' tintuża għall-ebda skop ieħor għajr il-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni sakemm l-awtoritajiet li pprovdew l-informazzjoni ma jagħtux il-kunsens speċifiku tagħhom.
Artikolu 6 Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Lulju 2015. Għall-Kummissjoni Il-President Jean-Claude Juncker