Gelex

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2015 tal-11 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni dwar il-proċeduri biex jiġu eżaminati l-valutazzjonijiet esterni tal-kreditu skont id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

In forceVersion 2015-11-11from 2015-12-02
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2015/2015@2015-11-11/mt

Contents
  1. Preamble
  2. Artikolu 1 Politika dwar il-ġestjoni tar-riskju
  3. Artikolu 2 Kompiti tal-funzjoni ta' ġestjoni tar-riskju
  4. Artikolu 3 Informazzjoni użata għall-valutazzjonijiet addizzjonali
  5. Artikolu 4 Reviżjoni ta' valutazzjonijiet addizzjonali
  6. Artikolu 5 Dokumentazzjoni
  7. Artikolu 6 Dħul fis-seħħ

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (Solvibbilità II), u b'mod partikolari r-raba' sottoparagrafu tal-Artikolu 44(4a) tagħha,

Billi:

(1) Il-valutazzjonijiet addizzjonali tal-adegwatezza tal-valutazzjonijiet esterni tal-kreditu msemmija fl-Artikolu 44(4a) tad-Direttiva 2009/138/KE għandhom jikkostitwixxu attività kritika u importanti bħala parti mis-sistema tal-ġestjoni tar-riskju, peress li dawn inaqqsu r-riskji relatati mal-kalkolu tal-provvedimenti tekniċi u r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza.

(2) L-aspetti proċedurali tal-valutazzjonijiet addizzjonali għandhom jiġu riflessi fil-politika dwar il-ġestjoni tar-riskju tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 41(3) tad-Direttiva 2009/138/KE, peress li l-valutazzjonijiet addizzjonali huma parti mis-sistema tal-ġestjoni tar-riskju.

(3) In-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-operat tal-impriżi ta' assigurazzjoni u ta' riassigurazzjoni għandhom jitqiesu meta dawn l-impriżi jinkludu l-aspetti proċedurali tal-valutazzjonijiet addizzjonali fil-politika tagħhom dwar il-ġestjoni tar-riskju u jiddokumentaw ir-riżultati tal-valutazzjonijiet addizzjonali u l-mod li bih jitwettqu dawk il-valutazzjonijiet.

(4) Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni sottomess mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol lill-Kummissjoni.

(5) L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implementazzjoni li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni stabbilit f'konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru 1094/2010,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1 Politika dwar il-ġestjoni tar-riskju

Għall-finijiet tal-eżami tal-adegwatezza tal-valutazzjonijiet esterni tal-kreditu użati fil-kalkolu tal-provvedimenti tekniċi u r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza permezz ta' valutazzjonijiet addizzjonali msemmija fl-Artikolu 44(4a) tad-Direttiva 2009/138/KE, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom jinkludu dawn li ġejjin fil-politika tagħhom dwar il-ġestjoni tar-riskju:

(a) il-kamp ta' applikazzjoni u l-frekwenza tal-valutazzjonijiet addizzjonali;

(b) il-mod li bih jitwettqu l-valutazzjonijiet addizzjonali, inklużi s-suppożizzjonijiet li fuqhom huma bbażati;

(c) il-frekwenza tar-reviżjoni regolari tal-valutazzjonijiet addizzjonali u l-kundizzjonijiet li jeħtieġu analiżi ad hoc tal-valutazzjonijiet addizzjonali.

Artikolu 2 Kompiti tal-funzjoni ta' ġestjoni tar-riskju

L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom jiżguraw li l-funzjoni tal-ġestjoni tar-riskju tkopri l-valutazzjonijiet addizzjonali f'konformità mal-politika tal-immaniġġjar tar-riskju msemmija fl-Artikolu 1 u debitament iqisu r-riżultati tal-evalwazzjonijiet addizzjonali fil-kalkolu tad-dispożizzjonijiet tekniċi u r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza.

Artikolu 3 Informazzjoni użata għall-valutazzjonijiet addizzjonali

Meta jwettqu l-valutazzjonijiet addizzjonali, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom jużaw informazzjoni li tkun ġejja minn sorsi affidabbli li huma aġġornati.

Artikolu 4 Reviżjoni ta' valutazzjonijiet addizzjonali

1. Skont l-Artikolu 41(3) tad-Direttiva 2009/138/KE, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom jirrevedu l-valutazzjonijiet addizzjonali tagħhom mill-inqas kull sena.

2. L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom jirrevedu wkoll il-valutazzjonijiet addizzjonali fuq bażi ad hoc, kull meta sseħħ xi waħda mill-kundizzjonijiet skont l-Artikolu 1(c) jew jekk is-suppożizzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk l-evalwazzjonijiet ma jibqgħux validi.

Artikolu 5 Dokumentazzjoni

L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom jiddokumentaw dawn li ġejjin:

(a) il-mod li bih jitwettqu l-valutazzjonijiet addizzjonali u r-riżultati ta' dawn il-valutazzjonijiet;

(b) kemm huma meqjusa r-riżultati tal-valutazzjonijiet addizzjonali fil-kalkolu tad-dispożizzjonijiet tekniċi u r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza.

Artikolu 6 Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Novembru 2015. Għall-Kummissjoni Il-President Jean-Claude Juncker

Versions

  1. 2015-11-11