Gelex

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2076 tat-18 ta' Novembru 2015 li jiftaħ u fih previst l-amministrazzjoni ta' kwoti tariffarji tal-importazzjoni tal-Unjoni tal-laħam tal-majjal frisk jew iffriżat li joriġina fl-Ukrajna

In forceVersion 2015-11-18from 2015-11-22
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2015/2076@2015-11-18/mt

Contents
  1. Preamble
  2. Artikolu 1 Il-ftuħ u l-ġestjoni tal-kwoti tariffarji
  3. Artikolu 2 Il-perjodi tal-kwoti tariffarji tal-importazzjoni
  4. Artikolu 3 L-applikazzjonijiet għad-drittijiet tal-importazzjoni u l-allokazzjoni tad-drittijiet tal-importazzjoni
  5. Artikolu 4 L-applikazzjonijiet għad-drittijiet tal-importazzjoni u l-allokazzjoni tal-liċenzji tal-importazzjoni
  6. 7.
  7. Artikolu 5 Notifiki lill-Kummissjoni
  8. 2.
  9. ANNEX
  10. ANNESS I

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007, u b'mod partikulari l-punti (a), (c) u (d) tal-Artikolu 187 tiegħu,

Billi:

(1) Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/668/UE, il-Kunsill awtorizza l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (il-Ftehim). Il-Ftehim jistipula l-eliminazzjoni tad-dazji doganali fuq importazzjonijiet ta' oġġetti li joriġinaw fl-Ukrajna f'konformità mal-Anness I-A tal-Kapitolu I tiegħu. L-Appendiċi ta' dak l-Anness I-A fih previst kwoti tariffarji tal-importazzjoni għal-laħam tal-majjal.

(2) Sakemm jidħol fis-seħħ il-Ftehim, f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 374/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-kwoti tariffarji tal-importazzjoni għal-laħam tal-majjal għall-2014 u l-2015 kienu miftuħa u amministrati f'konformità mar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 414/2014.

(3) Il-Ftehim jiġi applikat b'mod proviżorju mill-1 ta' Jannar 2016. Għaldaqstant jinħtieġ li jinfetħu perjodi ta' kwoti tariffarji tal-importazzjoni annwali mill-1 ta' Jannar 2016 'il quddiem. Sabiex jitqiesu sew ir-rekwiżiti ta' provvista tas-suq eżistenti u emerġenti ta' produzzjoni, proċessar u konsum fil-qasam tal-laħam tal-majjal tal-Unjoni f'termini ta' kompetittività, ċertezza u kontinwità tal-provvista u l-ħtieġa li jiġi salvagwardjat l-ekwilibriju ta' dak is-suq, jixraq li dawk il-kwoti jiġu amministrati mill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 184(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(4) L-Artikolu 6(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 fih previst li r-Regolamenti tal-Kummissjoni li jirregolaw kwota tariffarja tal-importazzjoni eżistenti jistgħu jistipulaw l-applikazzjoni ta' sistema skont liema jiġu ġestiti l-kwoti billi jiġu attribwiti d-drittijiet tal-importazzjoni bħala l-ewwel pass u l-ħruġ ta' liċenzji għall-importazzjoni bħala t-tieni pass. Sistema bħal din tippermetti lill-operaturi li jkunu kisbu drittijiet tal-importazzjoni li jiddeċiedu tul il-perjodu tal-kwota u abbażi tal-flussi tal-kummerċ effettivi tagħhom, f'liema mument jixtiequ japplikaw għal-liċenzji tal-importazzjoni.

(5) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 376/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u ta' ċertifikati ta' ffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli. Dak ir-Regolament għandu japplika għal-liċenzji tal-importazzjoni maħruġa skont dan ir-Regolament, ħlief fejn ikunu jixirqu xi derogi.

(6) Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006 li jikkonċernaw l-applikazzjonijiet għad-drittijiet tal-importazzjoni, l-istatus tal-applikanti u l-ħruġ ta' liċenzji tal-importazzjoni, għandhom japplikaw għal-liċenzji tal-importazzjoni maħruġa skont dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għall-kundizzjonijiet addizzjonali stipulati f'dan ir-Regolament.

(7) Biex tiġi żgurata l-amministrazzjoni xierqa tal-kwoti tariffarji jeħtieġ li tiġi ddepożitata garanzija meta titressaq l-applikazzjoni għad-drittijiet tal-importazzjoni u meta tinħareġ liċenzja tal-importazzjoni.

(8) L-operaturi għandhom ikunu obbligati japplikaw għal-liċenzji tal-importazzjoni għad-drittijiet kollha tal-importazzjoni allokati, filwaqt li jirrispettaw l-obbligu msemmi fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014.

(9) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1001/2013 bidel xi kodiċijiet NM fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 b'kodiċijiet NM ġodda li issa huma differenti minn dawk imsemmija fl-Appendiċi tal-Anness I-A tal-Kapitolu I tal-Ftehim. Għaldaqstant, il-kodiċijiet NM l-ġodda għandhom ikunu riflessi fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

(10) Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1 Il-ftuħ u l-ġestjoni tal-kwoti tariffarji

1. Dan ir-Regolament jiftaħ u jġestixxi, mill-2016, il-kwoti tariffarji annwali għall-prodotti indikati fl-Anness I, għall-perjodu mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru.

2. Il-kwantità tal-prodotti koperta mill-kwoti msemmija fil-paragrafu 1, ir-rata tad-dazju doganali applikabbli, kif ukoll in-numri tal-ordni huma stabbiliti fl-Anness I.

3. Il-kwota tariffarja tal-importazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun ġestita f'konformità mal-metodu msemmi fl-Artikolu 184(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u billi jiġu attribwiti drittijiet tal-importazzjoni bħala l-ewwel pass u l-ħruġ tal-liċenzji tal-importazzjoni bħala t-tieni pass.

4. Għandhom japplikaw ir-Regolamenti (KE) Nru 1301/2006 u (KE) Nru 376/2008, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f'dan ir-Regolament.

Artikolu 2 Il-perjodi tal-kwoti tariffarji tal-importazzjoni

Il-kwantità tal-prodotti stabbilita għall-kwota tariffarja tal-importazzjoni annwali u għal kull numru tal-ordni stabbilit fl-Anness I għandu jinqasam f'erba' subperjodi, kif ġej:

(a) 25 % mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Marzu;

(b) 25 % mill-1 ta' April sat-30 ta' Ġunju;

(c) 25 % mill-1 ta' Lulju sat-30 ta' Settembru;

(d) 25 % mill-1 ta' Ottubru sal-31 ta' Diċembru.

Artikolu 3 L-applikazzjonijiet għad-drittijiet tal-importazzjoni u l-allokazzjoni tad-drittijiet tal-importazzjoni

1. L-applikazzjonijiet għad-drittijiet tal-importazzjoni għandhom jitressqu fl-ewwel sebat ijiem tax-xahar qabel kull subperjodu msemmi fl-Artikolu 2.

2. Fiż-żmien meta titressaq applikazzjoni għad-drittijiet tal-importazzjoni għandha tiġi ddepożitata garanzija ta' EUR 20 għal kull 100 kilogramma.

3. L-applikanti għad-drittijiet tal-importazzjoni għandhom, meta jippreżentaw l-ewwel applikazzjoni tagħhom għal sena ta' kwota partikolari, iressqu l-prova li kwantità ta' laħam tal-majjal li taqa' taħt il-kodiċi NM 0203 tkun ġiet impurtata minnhom jew f'isimhom skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dwana (il-kwantità ta' referenza). Tali prova għandha tirrelata mal-perjodu ta' 12-il xahar li jispiċċa xahar wieħed qabel l-ewwel applikazzjoni tagħhom. Kumpanija ffurmata bil-fużjoni ta' kumpaniji li kull waħda minnhom ikollha kwantità ta' referenza impurtata, tista' tikkombina dawk il-kwantitajiet ta' referenza bħala bażi għall-applikazzjoni tagħha.

4. Il-kwantità totali ta' prodotti koperta minn applikazzjoni għad-drittijiet tal-importazzjoni mressqa f'wieħed mis-subperjodi msemmija fl-Artikolu 2 ma għandhiex taqbeż 25 % tal-kwantità ta' referenza ta' applikant. Awtorità kompetenti għandha tirrifjuta applikazzjonijiet li ma jikkonformawx ma' din ir-regola.

5. Sal-14-il jum tax-xahar li fih jitressqu l-applikazzjonijiet, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet totali, inklużi d-dikjarazzjonijiet nulli, tal-applikazzjonijiet kollha, espressi f'kilogrammi ta' piż tal-prodott u mqassmin skont in-numru tal-ordni.

6. Id-drittijiet tal-importazzjoni għandhom jibdew jingħataw mit-23 jum tax-xahar li fih jitressqu l-applikazzjonijiet u mhux aktar tard mill-aħħar jum ta' dak ix-xahar.

7. Jekk l-applikazzjoni tal-koeffiċjent tal-allokazzjoni msemmi fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006 tirriżulta f'inqas drittijiet tal-importazzjoni għall-allokazzjoni milli tressqu applikazzjonijiet għalihom, il-garanzija ddepożitata f'konformità mal-Artikolu 3(2) ta' dan ir-Regolament, għandha tkun rilaxxata proporzjonalment mingħajr dewmien.

8. Id-drittijiet tal-importazzjoni għandhom ikunu validi mill-ewwel jum tas-subperjodu li għalih tkun tressqet l-applikazzjoni, u sal-31 ta' Diċembru tal-perjodu tal-kwota tariffarja ta' importazzjoni inkwistjoni. Id-drittijiet tal-importazzjoni ma għandhomx ikunu trasferibbli.

Artikolu 4 L-applikazzjonijiet għad-drittijiet tal-importazzjoni u l-allokazzjoni tal-liċenzji tal-importazzjoni

1. Ir-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni ħielsa tal-kwantitajiet mogħtija skont il-kwota tariffarja fuq l-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) għandu jkun soġġett għall-preżentazzjoni ta' liċenzja tal-importazzjoni.

2. L-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni għandhom ikopru l-kwantità totali tad-drittijiet tal-importazzjoni allokati. L-obbligu msemmi fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 għandu jiġi rispettat.

3. L-applikazzjonijiet għal-liċenzja tal-importazzjoni għandhom jitressqu biss fl-Istat Membru fejn l-applikant ikun applika għad-drittijiet tal-importazzjoni skont il-kwoti tariffarji tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) u fejn ikun kisibhom.

4. Fiż-żmien meta titressaq l-applikazzjoni għal-liċenzja tal-importazzjoni għandha tiġi ddepożitata garanzija ta' EUR 50 għal kull 100 kilogramma. Kull ħruġ ta' liċenzja tal-importazzjoni għandu jirriżulta fi tnaqqis korrispondenti fid-drittijiet tal-importazzjoni li jkunu nkisbu u l-garanzija ddepożitata għad-drittijiet tal-importazzjoni għandha tiġi rrilaxxata proporzjonalment, mingħajr dewmien.

5. Il-liċenzji tal-importazzjoni għandhom jinħarġu ma l-applikazzjoni ta' u f'isem l-operatur li jkun kiseb id-drittijiet tal-importazzjoni.

6. L-applikazzjonijiet għal-liċenzja tal-importazzjoni għandhom jirreferu għal numru tal-ordni wieħed biss. Jistgħu jikkonċernaw diversi prodotti koperti minn kodiċijiet NM differenti. F'dan il-każ, il-kodiċijiet NM kollha u d-deskrizzjonijiet tagħhom għandhom jiġu indikati fil-kaxex 15 u 16 tal-applikazzjoni għal-liċenzja u tal-liċenzja stess, rispettivament.

7. L-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni u l-liċenzji tal-importazzjoni għandu jkun fihom:

7.

(a) fil-kaxxa 8, l-isem L-Ukrajna bħala l-pajjiż tal-oriġini u l-kaxxa iva immarkata b'salib;

(b) fil-kaxxa 20, waħda mill-entrati elenkati fl-Anness II.

8. Kull liċenzja tal-importazzjoni għandha ssemmi l-kwantità għal kull kodiċi NM.

9. Il-liċenzja tal-importazzjoni għandha tkun valida għal 30 jum mid-data tal-ħruġ effettiva fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament (KE) Nru 376/2008. Madankollu, it-terminu ta' validità tal-liċenzja ta' importazzjoni għandu jagħlaq fil-31 ta' Diċembru ta' kull perjodu ta' kwota tariffarja.

Artikolu 5 Notifiki lill-Kummissjoni

1. Permezz ta' deroga mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-10 jum tax-xahar ta' wara l-aħħar jum ta' kull subperjodu, bil-kwantitajiet, inklużi d-dikjarazzjonijiet nulli, koperti mil-liċenzji li jkunu ħarġu matul dak is-subperjodu.

2. Permezz ta' deroga mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet, inklużi d-dikjarazzjonijiet nulli, koperti minn liċenzji tal-importazzjoni mhux użati jew parzjalment użati, u li jikkorrispondu għad-differenza bejn il-kwantitajiet imdaħħla fuq wara tal-liċenzji tal-importazzjoni u l-kwantitajiet li għalihom ikunu nħarġu:

2.

(a) flimkien man-notifiki msemmijin fl-Artikolu 3(5) ta' dan ir-Regolament fir-rigward tal-applikazzjonijiet imressqa għall-aħħar subperjodu;

(b) għall-kwantitajiet li ma jkunux għadhom ġew innotifikati fiż-żmien tal-ewwel notifika prevista fil-punt (a), sa mhux aktar tard mit-30 ta' April wara tmiem kull perjodu ta' kwota tariffarja tal-importazzjoni.

3. Sa mhux aktar tard mit-30 ta' April wara tmiem kull perjodu ta' kwota tariffarja tal-importazzjoni, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet tal-prodotti li kienu effettivament rilaxxati għaċ-ċirkulazzjoni ħielsa waqt il-perjodu ta' kwota.

4. Fil-każ tan-notifiki msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3, il-kwantità għandha tingħata f'kilogrammi ta' piż tal-prodott u għandha titqassam skont in-numru tal-ordni.

Artikolu 6 Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Novembru 2015. Għall-Kummissjoni Il-President Jean-Claude Juncker

ANNEX

ANNESS I

Minkejja r-regoli għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, il-kliem tad-deskrizzjoni tal-prodotti għandu jitqies bħala ta' valur indikattiv biss, peress li l-applikabbiltà tal-arranġamenti preferenzjali hija ddeterminata, fil-kuntest ta' dan l-Anness, mill-kamp ta' applikazzjoni tal-kodiċijiet NM. Numru tal-ordni Kodiċi NM Deskrizzjoni tal-prodotti Kwanità f'tunnellati (piż nett) Dazju applikabbli (f'EUR/t) 09.4271 02031110 02031211 02031219 02031911 02031913 02031915 02031955 02031959 02032110 02032211 02032219 02032911 02032913 02032915 02032955 02032959 Laħam tal-ħanżir domestiku: frisk, imkessaħ jew iffriżat 20000 0 09.4272 02031110 02031219 02031911 02031915 02031959 02032110 02032219 02032911 02032915 02032959 Laħam tal-ħanżir domestiku, frisk, imkessaħ jew iffriżat, minbarra l-qatgħat tal-koxxa, tal-flett u qatgħat mingħajr għadam 20000 0

Bil-Bulgaru: Регламент за изпълнение (ЕС) 2015/2076

Bl-Ispanjol: Reglamento de Ejecución (UE) 2015/2076

Biċ-Ċek: Prováděcí nařízení (EU) 2015/2076

Bid-Daniż: Gennemførelsesforordning (EU) 2015/2076

Bil-Ġermaniż: Durchführungsverordnung (EU) 2015/2076

Bl-Estonjan: Rakendusmäärus (EL) 2015/2076

Bil-Grieg: Εκτελεστικός κανονισμός (ΕΕ) 2015/2076

Bl-Ingliż: Implementing Regulation (EU) 2015/2076

Bil-Franċiż: Règlement d'exécution (UE) 2015/2076

Bil-Kroat: Provedbena uredba (EU) 2015/2076

Bit-Taljan: Regolamento di esecuzione (UE) 2015/2076

Bil-Latvjan: Īstenošanas regula (ES) 2015/2076

Bil-Litwan: Įgyvendinimo reglamentas (ES) 2015/2076

Bl-Ungeriż: (EU) 2015/2076 végrehajtási rendelet

Bil-Malti: Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2076

Bin-Netherlandiż: Uitvoeringsverordening (EU) 2015/2076

Bil-Pollakk: Rozporządzenie wykonawcze (UE) 2015/2076

Bil-Portugiż: Regulamento de Execução (UE) 2015/2076

Bir-Rumen: Regulamentul de punere în aplicare (UE) 2015/2076

Bis-Slovakk: Vykonávacie nariadenie (EÚ) 2015/2076

Bis-Sloven: Izvedbena uredba (EU) 2015/2076

Bil-Finlandiż: Täytäntöönpanoasetus (EU) 2015/2076

Bl-Iżvediż: Genomförandeförordning (EU) 2015/2076

Versions

  1. 2015-11-18