Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/442 tas-16 ta' Marzu 2015 li tniedi l-Missjoni Konsultattiva Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUMAM RCA) u li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/78
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2015/442@2015-03-16/mt
Contents
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/78 tad-19 ta' Jannar 2015 dwar Missjoni Konsultattiva Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUMAM RCA), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
(1) Fid-19 ta' Jannar 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/78.
(2) Fid-9 ta' Frar 2015, il-Kunsill approva r-Regoli tal-Ingaġġ tal-EUMAM RCA.
(3) Fis-6 ta' Marzu 2015, il-Kunsill approva l-Pjan tal-Missjoni tal-EUMAM RCA.
(4) Fil-11 ta' Marzu 2015, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà laqa' l-ittra mill-Kmandant tal-Missjoni rigward ir-rakkomandazzjoni biex titnieda l-EUMAM RCA u l-perijodu ta' żmien previst għad-dikjarazzjoni tal-Kapaċità Operattiva Inizjali tal-EUMAM RCA.
(5) L-EUMAM RCA għandha titnieda fis-16 ta' Marzu 2015.
(6) F'konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-elaborazzjoni u fl-implementazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li għandhom implikazzjonijiet ta' difiża. Id-Danimarka mhix tieħu sehem fl-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u għaldaqstant ma tikkontribwixxix għall-finanzjament ta' din il-missjoni,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Il-Missjoni Konsultattiva Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUMAM RCA) għandha titnieda fis-16 ta' Marzu 2015.
Artikolu 2 Il-Kmandant tal-Missjoni tal-UE tal-EUMAM RCA huwa b'dan awtorizzat b'effett immedjat li jagħti bidu għall-eżekuzzjoni tal-missjoni.
Artikolu 3 L-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/78 huwa sostitwit b'dan li ġej:
Artikolu 3
2. EUMAM RCA għandha titnieda permezz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill fil-jum irrakkomandat mill-Kmandant tal-Missjoni, wara approvazzjoni tal-Pjan tal-Missjoni u, jekk meħtieġ, ta' Regoli ta' Ingaġġ addizzjonali.
Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Marzu 2015. Għall-Kunsill Il-President F. Mogherini