Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/501 tal-24 ta' Marzu 2015 li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq importazzjonijiet ta' prodotti tal-metall mgħattan mingħajr tisħin f'fuljetti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mit-Tajwan
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2015/501@2015-03-24/mt
Contents
- Preamble
- (23) Produtturi tal-Unjoni Iċ-ċentru tas-servizz relatat ma' Acciai Speciali Terni S.P.A. L-ilmentatur Produtturi esportaturi fit-Tajwan Produtturi esportaturi fir-RPĊ Importatur relatat fl-Unjoni
- (40)
- (47)
- (49)
- (56) Tabella 1 Marġini tad-dumping, ir-RPĊ
- (61) Tabella 2 Marġini tad-dumping, ir-RPĊ
- (71)
- (73)
- (75)
- (84) Tabella 3 Marġini tad-dumping, it-Tajwan
- (89) Tabella 4 Marġini tad-dumping, it-Tajwan
- (95) Tabella 5 Il-konsum tal-Unjoni
- (104) Tabella 6 Il-volum tal-importazzjoni (tunnellati) u s-sehem tas-suq
- (108) Tabella 7 Prezzijiet tal-Importazzjoni
- (110)
- (121) Tabella 8 Il-produzzjoni, il-kapaċità produttiva u l-użu tal-kapaċità
- (125) Tabella 9 Volum tal-bejgħ u sehem mis-suq
- (129) Tabella 10 L-impjiegi u l-produttività
- (135) Tabella 11 Prezzijiet tal-bejgħ fl-Unjoni
- (142) Tabella 12 Spejjeż medji tax-xogħol għal kull impjegat
- (144) Tabella 13 Inventarji
- (146) Tabella 14 Profittabbiltà, fluss tal-flus, investimenti u redittu fuq l-investimenti
- (169) Tabella 15 Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi
- (178) Tabella 16 Il-prestazzjoni tal-esportazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun
- Artikolu 1
- Artikolu 2
- 1.
- Artikolu 3
- ANNEX
- ANNESS I Produtturi esportaturi miċ-Ċina li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun
- ANNESS II Produtturi esportaturi mit-Tajwan li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ir-Regolament bażiku), u b'mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,
Wara konsultazzjonijiet mal-Istati Membri,
Billi: PROĊEDURA Bidu
(1) Fis-26 ta' Ġunju 2014, il-Kummissjoni Ewropea (il-Kummissjoni) bdiet investigazzjoni antidumping fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' prodotti tal-metall mgħattan mingħajr tisħin f'fuljetti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (RPĊ) u mit-Tajwan (il-pajjiżi konċernati) fuq il-bażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku. Ippubblikat Notifika ta' Bidu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (in-Notifika ta' Bidu).
(2) Il-Kummisjoni bdiet l-investigazzjoni wara li rċeviet ilment fit-13 ta' Mejju 2014 mingħand Eurofer (l-ilmentatur) f'isem il-produtturi ta' prodotti ċatti tal-azzar inossidabbli llaminati bil-kesħa tal-Unjoni li lmentaw (stainless steel cold rolled, SSCR). L-ilmentatur jirrappreżenta madwar 50 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' prodotti SSCR. L-ilment kien jinkludi evidenza ta' dumping u tad-dannu materjali li jirriżulta li kienet biżżejjed biex tiġġustifika l-bidu tal-investigazzjoni.
(3) Fl-14 ta' Awwissu 2014, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni antisussidji fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' prodotti SSCR li joriġinaw mir-RPĊ u bdiet investigazzjoni separata. Ippubblikat Notifika ta' Bidu fuq il-proċedimenti antisussidji f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Ir-Reġistrazzjoni
(4) Wara talba mill-ilmentatur, sostnuta bl-evidenza meħtieġa, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1331/2014 fil-15 ta' Diċembru 2014 li jagħmel l-importazzjonijiet ta' prodotti tal-metall mgħattan mingħajr tisħin f'fuljetti li joriġinaw mir-RPĊ u mit-Tajwan soġġetti għal reġistrazzjoni mis-17 ta' Diċembru 2014.
Partijiet interessati
(5) Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkuntattjawha sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni speċifikament infurmat lill-ilmentatur, lil produtturi magħrufa oħrajn tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi magħrufa u lill-awtoritajiet Ċinżi u Tajwaniżi, lil importaturi, fornituri u utenti, negozjanti magħrufa, kif ukoll assoċjazzjonijiet magħrufa, ikkonċernati mill-bidu tal-investigazzjoni, u stednithom jieħdu sehem. Il-Kummissjoni għarrfet ukoll lil produtturi fl-Istati Uniti tal-Amerika (l-Istati Uniti) u tal-Afrika t'Isfel dwar il-bidu tal-investigazzjoni u stednithom jieħdu sehem. Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni għarrfet lill-partijiet interessati li kienet tqis lill-Istati Uniti bħala pajjiż terz b'ekonomija tas-suq (pajjiż analogu) skont it-tifsira tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.
(6) Il-partijiet interessati kellhom l-opportunità li jikkummentaw dwar il-ftuħ tal-investigazzjoni u li jitolbu smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali.
Kampjunar
(7) Fin-Notifika ta' Bidu tagħha, il-Kummissjoni qalet li tista' tieħu kampjun tal-partijiet interessati skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.
(8) Fin-Notifika ta' Bidu tagħha, il-Kummissjoni ddikjarat li kienet għażlet kampjun provviżorju ta' produtturi tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għażlet kampjun fuq il-bażi tal-volum tal-produzzjoni. Dan il-kampjun kien jikkonsisti f'erba' produtturi tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni magħżula għall-kampjun kienu jirrappreżentaw madwar 50 % tal-volum tal-produzzjoni. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jagħtu l-kummenti tagħhom fuq dan il-kampjun provviżorju. Ma sarux kummenti fuq il-kampjun provviżorju u l-kampjun provviżorju ġie kkonfermat. Il-kampjun jirrappreżenta l-industrija tal-Unjoni.
(9) Biex tiddeċiedi jekk kienx meħtieġ li jittieħed kampjun u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni staqsiet lil importaturi mhux relatati sabiex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta' Bidu.
(10) Wieħed u tletin importatur mhux relatati pprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jkunu inklużi fil-kampjun. Skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta' erbgħa fuq il-bażi tal-akbar volum ta' importazzjonijiet fl-Unjoni. B'konformità mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, l-importaturi magħrufa u kkonċernati kollha ġew ikkonsultati dwar l-għażla tal-kampjun.
(11) Daħlu kummenti li kienu jikkonċernaw l-istruttura tas-sjieda ta' wieħed mill-importaturi magħżula. Il-partijiet interessati argumentaw li wieħed mill-importaturi m'għandux ikun inkluż fil-kampjun għax hu relatat ma' produttur tal-Unjoni. Madankollu, dan l-importatur ma kien relatat mal-ebda produttur tal-Unjoni waqt il-perjodu tal-investigazzjoni, imma sar relatat wara. Barra minn hekk, it-terminu importatur mhux relatat ifisser mhux relatat ma' produtturi esportaturi. Tabilħaqq, importatur mhux relatat jista' jkun relatat ma' produttur tal-Unjoni.
(12) Biex tiddeċiedi jekk hux meħtieġ kampjunar u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni staqsiet lill-produtturi esportaturi kollha fit-Tajwan sabiex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta' Bidu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni staqsiet lir-rappreżentanti tat-Tajwan għall-UE biex jidentifikaw u/jew jikkuntattjaw produtturi esportaturi oħrajn, f'każ li hemm, li jistgħu jkunu interessati li jieħdu sehem fl-investigazzjoni.
(13) Total ta' disa' allegati produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat ipprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jkunu inklużi fil-kampjun. Skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta' erbgħa (li tlieta minnhom huma relatati) fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta' esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista' jiġi investigat b'mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi magħrufa u kkonċernati kollha, u l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernati, ġew ikkonsultati dwar l-għażla tal-kampjun. Ma sar l-ebda kumment.
(14) L-investigazzjoni wriet li żewġ kumpaniji tal-kampjun u żewġ kumpaniji li kkooperaw iżda li ma ntagħżlux għall-kampjun ma jissodisfawx id-definizzjoni ta' produttur esportatur, għax joperaw biss bħala ċentri tas-servizz u jużaw il-prodott ikkonċernat bħala l-input tal-produzzjoni tagħhom. Ġie stabbilit li dawn il-kumpaniji ma għandhom l-ebda faċilità ta' laminazzjoni bis-sħana jew bil-kesħa u l-valur miżjud tagħhom hu minimu b'rabta mal-ispiża tal-inputs tagħhom. Huma jixtru u jbigħu l-prodott ikkonċernat f'tipi differenti (ara l-premessi minn (26) sa (28) hawn taħt).
(15) Madankollu, waħda minn dawn il-kumpaniji hija relatata ma' produttur esportaturi fil-kampjun. Għalhekk, fl-investigazzjoni ġiet ikkunsidrata li tappartjeni ma' dak il-grupp ta' kumpaniji. Wara l-esklużjoni mill-kampjun il-kumpanija li ma tissodisfax id-definizzjoni ta' produttur esportatur, il-kampjun li jifdal jirrappreżenta tal-inqas madwar 48 % tal-volum totali tal-esportazzjonijiet mit-Tajwan lejn l-Unjoni u madwar 80 % tal-bejgħ domestiku fit-Tajwan. Għalhekk, il-kampjun xorta kien wieħed rappreżentattiv.
(16) Il-Kummissjoni eskludiet minn marġini individwali tad-dumping u mill-kalkolu tal-livell ta' eliminazzjoni tad-dannu, it-tliet kumpaniji l-oħra. B'riżultat ta' dan, ma ġiet stabbilita l-ebda rata ta' dazju għal dawn it-tliet kumpaniji.
(17) Produttur esportatur minnhom fit-Tajwan talab u saritlu analiżi individwali skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku.
(18) Biex tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ, u jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-produtturi esportaturi kollha fir-RPĊ sabiex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta' Bidu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet tar-RPĊ sabiex jidentifikaw u/jew jikkuntattjaw produtturi esportaturi oħra, f'każ li hemm, li jistgħu jkunu interessati li jieħdu sehem fl-investigazzjoni.
(19) Tmien produtturi esportaturi fir-RPĊ ipprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jkunu inklużi fil-kampjun. Skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta' erba' kumpaniji li jappartjenu għal żewġ gruppi fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta' esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jistgħu jiġu investigati b'mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi magħrufa u kkonċernati kollha, u l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernati, ġew ikkonsultati dwar l-għażla tal-kampjun. Ma sar l-ebda kumment.
Formoli ta' talba għal trattament ta' ekonomija tas-suq (TES) għall-produtturi esportaturi fir-RPĊ
(20) Għall-għanijiet tal-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni bagħtet formoli ta' talba għal TES lill-produtturi esportaturi kollha fir-RPĊ li kkooperaw li jkunu fil-kampjun u lil produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li ma kinux inklużi fil-kampjun u li xtaqu japplikaw għal eżami individwali skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, lil assoċjazzjoni magħrufa ta' produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet tar-RPĊ. Ħadd mill-produtturi esportaturi ma ddikjara TES.
Kwestjonarju
(21) Il-Kummissjoni bagħtet il-kwestjonarji lill-produtturi esportaturi Ċiniżi u Tajwaniżi fil-kampjun, lill-produtturi esportaturi li talbu analiżi individwali, lill-produtturi f'żewġ pajjiżi analogi potenzjali, kif ukoll lill-produtturi tal-Unjoni magħżula għall-kampjun, lill-importaturi mhux relatati fil-kampjun, kif ukoll lill-utenti li daħlu f'kuntatt.
(22) It-tweġibiet tal-kwestjonarji daħlu mingħand erba' produtturi esportaturi Ċiniżi fil-kampjun, erba' produtturi esportaturi Tajwaniżi fil-kampjun (inklużi tnejn li sar magħruf li ma kinux produtturi esportaturi), produttur esportatur Tajwaniż li talab analiżi individwali, żewġ produtturi fl-Istati Uniti (pajjiż analogu), erba' produtturi tal-Unjoni fil-kampjun, erba' importaturi mhux relatati fil-kampjun, u sitt utenti.
Żjarat ta' verifika
(23) Produtturi tal-Unjoni Iċ-ċentru tas-servizz relatat ma' Acciai Speciali Terni S.P.A. L-ilmentatur Produtturi esportaturi fit-Tajwan Produtturi esportaturi fir-RPĊ Importatur relatat fl-Unjoni
Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li tqieset neċessarja għal determinazzjoni provviżorja ta' dumping, id-dannu li jirriżulta u l-interess tal-Unjoni. Iż-żjarat ta' verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku saru fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:
Acciai Speciali Terni S.P.A., Terni, l-Italja
Acerinox Europa SAU, Palmones-Los Barrios u Madrid, Spanja
Aperam Stainless Europe, La Plaine Saint Denis, Franza
Terninox, Ceriano Laghetto, l-Italja
Eurofer, Brussell, il-Belġju
Chia Far Industrial Factory Co., Ltd, il-Belt ta' Taipei
Tang Eng Iron Works Co., Ltd, il-Belt ta' Kaohsiung
YC Inox Co., Ltd, il-belt ta' Chang-Hua Hsien
Yieh Mau Corporation, il-belt ta' Kaohsiung
Yieh United Steel Corporation, il-Belt ta' Kaohsiung
Baosteel Stainless Co., Ltd, Shanghai
Ningbo Baoxin Stainless Co., Ltd, Ningbo
Shanxi Taigang Stainless Steel Co., Ltd, il-belt ta' Taiyuan
Baosteel Europe GmbH, Hamburg, il-Ġermanja
(24) Il-Kummissjoni pproċediet bis-smigħ, inkluż is-smigħ tal-Uffiċjal tas-Seduta ma' produtturi esportaturi, assoċjazzjonijiet u importaturi.
Perjodu tal-investigazzjoni u perjodu kkunsidrat
(25) L-investigazzjoni tad-dumping u d-dannu kopriet il-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2013 u l-31 ta' Diċembru 2013 (il-perjodu tal-investigazzjoni). L-analiżi tax-xejriet relevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kopriet il-perjodu ta' bejn l-1 ta' Jannar 2010 u tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni (il-perjodu kkunsidrat).
IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI Il-prodott ikkonċernat
(26) Il-prodott ikkonċernat huwa prodotti ċatti tal-azzar inossidabbli llaminati bil-kesħa, mhux maħdumin aktar ħlief illaminati bil-kesħa (imnaqqsin bil-kesħa) li joriġinaw fir-RPĊ u t-Tajwan u li jaqgħu taħt il-kodiċijiet tan-NM 72193100, 72193210, 72193290, 72193310, 72193390, 72193410, 72193490, 72193510, 72193590, 72202021, 72202029, 72202041, 72202049, 72202081 u 72202089 (il-prodott konċernat).
(27) Il-prodotti tal-metall mgħattan mingħajr tisħin f'fuljetti jintużaw f'għażla wiesgħa ta' applikazzjonijiet, pereżempju fil-produzzjoni tal-apparati domestiċi (ngħidu aħna, in-naħa ta' ġewwa tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ u tal-platti), tubi wweldjati u tagħmir mediku kif ukoll fl-ipproċessar tal-ikel u fl-industriji tal-karozzi.
(28) L-investigazzjoni wriet li t-tipi differenti tal-prodott konċernat kollha għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi u bażikament jintużaw għall-istess għanijiet.
Il-prodott simili
(29) Instab li, essenzjalment, il-pprodotti tal-metall mgħattan mingħajr tisħin f'fuljetti prodotti u mibjugħa fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni u l-prodotti ċatti tal-azzar inossidabbli llaminati bil-kesħa prodotti u mibjugħa fil-pajjiżi konċernati u fil-pajjiż analogu għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi u l-istess użi bażiċi bħall-prodotti ċatti tal-azzar inossidabbli llaminati bil-kesħa prodotti fil-pajjiżi kkonċernati u mibjugħa għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Għalhekk jitqiesu simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.
Dikjarazzjonijiet rigward l-ambitu tal-prodott
(30) Il-partijiet interessati ddikjaraw li wħud mit-tipi ta' prodotti (inklużi l-istrippi dojoq u ta' preċiżjoni) għandhom ikunu esklużi mill-ambitu tal-investigazzjoni, għaliex il-produtturi tal-Unjoni ma jistgħux ifornu bis-sħiħ dawn is-segmenti tas-suq. Madankollu, l-industrija tal-Unjoni pprovdiet evidenza li huma kapaċi jfornu bis-sħiħ lil dawn is-segmenti tas-suq.
(31) Rigward l-istrippi ta' preċiżjoni, l-istess partijiet argumentaw li d-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea ddeċieda li jeskludi dan it-tip ta' prodott mis-suq tal-prodott relevanti fl-analiżi tiegħu tal-każ ta' fużjoni Outokumpu/INOXUM. Madankollu, id-definizzjoni tas-suq f'każ ta' fużjoni tiffoka fuq is-sostituzzjoni min-naħa tad-domanda u min-naħa tal-provvista. F'każ ta' antidumping, is-suq huwa ddefinit mill-karatteristiċi fiżiċi tal-prodott taħt investigazzjoni. Għalhekk, f'każ ta' antidumping it-tipi ta' prodott jistgħu jkunu differenti f'dak li għandu x'jaqsam ma' ċerti parametri (wisa', tolleranzi, proprjetajiet mekkaniċi). Barra minn hekk, dan it-tip ta' prodott kien sa mill-bidu nett parti mill-investigazzjoni għax il-produtturi tal-Unjoni ta' strippi ta' preċiżjoni kienu kkuntattjati fl-eżerċizzju kurrenti.
(32) Għalhekk, il-Kummissjoni ma laqgħetx it-talba u saħqet li l-ambitu tal-prodott taħt investigazzjoni għandu jibqa' kif inhu.
ID-DUMPING Ir-RPĊ Il-valur normali Trattament ta' ekonomija tas-suq (TES)
(33) Skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku l-Kummissjoni tiddetermina valur normali skont l-Artikolu 2 minn (1) sa (6) ta' dak ir-Regolament għall-produtturi esportaturi fir-RPĊ li stqarrew u wrew li huma konformi mal-kriterji tal-Artikolu 2(7)(c) ta' dak ir-Regolament u għalhekk jistgħu jingħataw TES.
(34) Biex tiddetermina jekk il-kriterji tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku ntlaħqux, il-Kummissjoni kisbet l-informazzjoni neċessarja billi talbet lill-produtturi esportaturi kkonċernati biex jimlew il-formola tat-talba ta' TES. Ħadd minnhom ma ddikjara TES.
Il-pajjiż analogu
(35) Skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali kien determinat fuq il-bażi tal-prezz jew il-valur maħluq f'pajjiż b'ekonomija tat-tielet suq għall-produtturi esportaturi li ma ngħatawx TES. Għal dan il-għan, ried jintgħażel pajjiż analogu.
(36) Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni infurmat lil partijiet interessati li qieset lill-Istati Uniti bħala pajjiż analogu xieraq u stiednet partijiet interessati biex jikkummentaw.
(37) Il-Kummissjoni kkuntattjat numru ta' pajjiżi analogi potenzjali (l-Indja, l-Afrika t'Isfel, il-Korea t'Isfel, it-Tajwan u l-Istati Uniti) u fuq il-bażi tal-informazzjoni li waslitilha talbet lil 32 produttur magħruf tal-prodott simili fl-Afrika t'Isfel, il-Korea t'Isfel u l-Istati Uniti biex jipprovdu l-informazzjoni. Ma waslitx informazzjoni dwar produtturi fl-Indja u, għaldaqstant, l-Indja ma setgħetx titqies bħala pajjiż analogu potenzjali. It-Tajwan huwa soġġett għall-istess investigazzjoni u, għalhekk, l-informazzjoni pprovduta mill-produtturi investigati ġiet ikkunsidrata għal dan l-għan.
(38) Żewġ produtturi biss fl-Istati Uniti wieġbu l-kwestjonarju tal-produtturi tal-pajjiż analogu. Għalhekk, il-Kummissjoni kellha tagħżel bejn l-Istati Uniti u t-Tajwan.
(39) Fl-Istati Uniti hemm tal-anqas erba' produtturi kbar tal-prodott simili (tlieta huma vertikalment integrati u wieħed le), u l-produzzjoni u l-konsum totali huma paragunabbli ma' dawk tar-RPĊ. Fit-Tajwan, hemm grupp wieħed kbir vertikalment integrat ta' produtturi li qed imexxi s-suq, irrispettivament mill-eżistenza ta' produtturi żgħar li mhumiex integrati. Il-proċess ta' produzzjoni fl-Istati Uniti hu simili għal dak fit-Tajwan u kważi simili għal dak ta' xi produtturi esportaturi fir-RPĊ. Fil-biċċa l-kbira tagħha, il-materja prima użata fl-Istati Uniti u t-Tajwan hija l-istess. Hemm dazji antidumping kontra l-Ġappun, il-Korea t'Isfel u t-Tajwan fl-Istati Uniti u kontra r-RPĊ u l-Korea t'Isfel fit-Tajwan. Madankollu, l-importazzjonijiet tal-prodott simili fl-Istati Uniti u t-Tajwan huma sostanzjali, u jirrappreżentaw madwar 17 % u 37 % rispettivament tal-konsumi totali tul il-perjodu ta' investigazzjoni. Il-pajjiżi ewlenin li jesportaw lejn l-Istati Uniti jinkludu: Il-Messiku, ir-RPĊ, it-Tajwan, Franza, il-Finlandja, il-Ġappun u l-Ġermanja u lejn it-Tajwan: ir-RPĊ, il-Korea t'Isfel, il-Ġappun, il-Finlandja u l-Vjetnam.
(40) Fid-dawl ta' dawn iċ-ċirkostanzi, l-Istati Uniti tqiesu iktar xierqa bħala pajjiż analogu għal żewġ raġunijiet ewlenin:
(40)
(i) filwaqt li s-suq fl-Istati Uniti hu kompetittiv ħafna, is-suq u l-prezzijiet tal-prodotti SSCR fit-Tajwan jiddependu, fil-biċċa l-kbira tagħhom, minn grupp wieħed ta' kumpaniji;
(ii) is-suq domestiku fit-Tajwan hu ferm iżgħar minn dak tar-RPĊ u tal-Istati Uniti.
(41) Il-partijiet interessati opponew l-użu tal-Istati Uniti bħala pajjiż analogu l-aktar minħabba l-allegat proċess differenti ta' produzzjoni u t-tip differenti ta' materja prima użata fil-produzzjoni. Iddikjaraw li f'dan ir-rigward, it-Tajwan, li wkoll huwa soġġett għal din l-investigazzjoni, ikun pajjiż analogu aktar xieraq mill-Istati Uniti.
(42) F'dan l-istadju l-Kummissjoni kkonkludiet li l-Istati Uniti hu pajjiż analogu xieraq skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.
Il-valur normali (pajjiż analogu)
(43) L-informazzjoni li waslet mingħand il-produtturi li kkooperaw fil-pajjiż analogu intużat bħala bażi għad-determinazzjoni tal-valur normali għall-produtturi esportaturi li ma ngħatawx TES, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.
(44) Il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat jekk il-volum totali tal-bejgħ domestiku taż-żewġ produtturi li kkooperaw fil-pajjiż analogu kinux rappreżentattivi, skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgħ domestiku jkun rappreżentattiv jekk il-volum totali tal-bejgħ domestiku tal-prodott simili għall-klijenti indipendenti fis-suq domestiku jkun jirrappreżenta tal-inqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ b'esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni ta' kull produttur esportatur Ċiniż fil-kampjun matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Fuq din il-bażi, il-bejgħ totali taż-żewġ produtturi tal-prodott simili li kkooperaw fis-suq domestiku tal-pajjiż analogu kien rappreżentattiv.
(45) Imbagħad il-Kummissjoni identifikat it-tipi ta' prodotti mibjugħa f'livell domestiku li kienu identiċi jew paragunabbli għat-tipi tal-prodott mibjugħa għall-esportazzjoni fl-Unjoni għall-produtturi esportaturi fil-kampjun.
(46) Imbagħad il-Kummissjoni ddefinixxiet il-proporzjoni tal-bejgħ bi profitt lill-klijenti indipendenti fis-suq domestiku għal kull tip ta' prodott matul il-perjodu tal-investigazzjoni biex tiddeċiedi jekk tużax il-bejgħ domestiku attwali għall-kalkolu tal-valur normali, skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku.
(47) Il-valur normali huwa bbażat fuq il-prezz domestiku attwali għal kull tip ta' prodott irrispettivament jekk dan il-bejgħ huwiex profittabbli jew le, jekk:
(47)
(i) il-volum tal-bejgħ tat-tip ta' prodott, mibjugħ bi prezz tal-bejgħ nett li hu daqs jew ogħla mill-ispiża kkalkolata tal-produzzjoni, jirrappreżenta aktar minn 80 % tal-volum totali tal-bejgħ ta' dan it-tip ta' prodott; u
(ii) il-prezz tal-bejgħ medju peżat ta' dak it-tip ta' prodott hu daqs jew ogħla mill-kost unitarju tal-produzzjoni.
(48) F'dan il-każ, il-valur normali huwa l-medja peżata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollu ta' dak it-tip ta' prodott matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni t-tranżazzjonijiet kollha li ġew irrappurtati bħala bejgħ domestiku, peress li ma kien hemm l-ebda raġuni biex tiddubita li huma kienu għall-konsum domestiku.
(49) Il-valur normali huwa l-prezz domestiku attwali għal kull tip ta' prodott tal-bejgħ domestiku bi profitt tat-tipi ta' prodotti biss matul il-perjodu tal-investigazzjoni, jekk:
(49)
(i) il-volum tal-bejgħ bi profitt tat-tip tal-prodott jirrappreżenta 80 % jew inqas mill-volum totali tal-bejgħ ta' dan it-tip; jew
(ii) il-prezz medju peżat ta' dan it-tip ta' prodott huwa inqas mill-kost unitarju tal-produzzjoni.
Il-prezz tal-esportazzjoni
(50) Il-produtturi esportaturi fil-kampjun biegħu għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni jew direttament lill-klijenti indipendenti jew, f'każ ta' produttur esportatur wieħed, permezz ta' kumpanija relatata li taġixxi bħala importatur.
(51) Jekk il-produtturi esportaturi biegħu għall-esportazzjoni l-prodott ikkonċernat direttament lill-klijenti indipendenti fl-Unjoni, il-prezz tal-esportazzjoni kien stabbilit fuq il-bażi tal-prezzijiet li tħallsu jew li kellhom jitħallsu għall-prodott ikkonċernat meta nbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.
(52) Jekk il-produttur esportatur biegħ għall-esportazzjoni l-prodott ikkonċernat permezz ta' kumpanija relatata li taġixxi bħala importatur, il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit fuq il-bażi tal-prezz li bih il-prodott importat reġa' nbiegħ għall-ewwel darba lill-klijenti indipendenti fl-Unjoni, skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. F'dan il-każ, l-aġġustamenti tal-prezz saru għall-ispejjeż kollha li ġġarrbu bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid, inkluż il-bejgħ ta' spejjeż ġenerali u amministrattivi (SĠ&A), u l-profitti akkumulati.
Tqabbil
(53) Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi fil-kampjun fuq il-bażi tal-prezz mill-fabbrika.
(54) Fejn dan kien iġġustifikat mill-ħtieġa li jiġi żgurat paragun ġust, il-Kummissjoni aġġustat il-valur normali u/jew il-prezz tal-esportazzjoni għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragunabilità tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Saru aġġustamenti għat-trasport, l-assigurazzjoni, l-immaniġġar, it-tagħbija u l-ispejjeż anċillari, l-ippakkjar, il-kreditu, it-tariffi tal-bank u l-kummissjonijiet.
Marġinijiet tad-dumping
(55) Għall-produtturi esportaturi fil-kampjun, il-Kummissjoni qabblet il-valur normali medju peżat ta' kull tip ta' prodott simili fil-pajjiż analogu (ara l-premessi minn (43) sa (49) iktar 'il fuq) mal-prezz tal-esportazzjoni medju peżat tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat, skont l-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku.
(56) Tabella 1 Marġini tad-dumping, ir-RPĊ
Fuq il-bażi ta' dan, il-marġnijiet tad-dumping medji peżati espressi bħala perċentwali tal-kost, l-assigurazzjoni, il-prezz fil-fruntiera tal-Unjoni tat-trasport tal-merkanzija (cost, insurance, freight, CIF), u dazju mhux imħallas, huma kif ġej: Kumpanija Marġini provviżorju tad-dumping (%) Baosteel Group: Baosteel Stainless Steel Co., Ltd; Ningbo Baoxin Stainless Steel Co., Ltd. 34,9 TISCO Group: Shanxi Taigang Stainless Steel Co., Ltd; Tianjin TISCO & TPCO Stainless Steel Co. Ltd. 29,2
(57) Għall-produtturi esportaturi li kkooperaw u li ma kinux inklużi fil-kampjun, il-Kummissjoni kkalkolat il-marġini tad-dumping medju peżat, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, dak il-marġini kien stabbilit fuq il-bażi tal-medja peżata tal-marġnijiet tad-dumping tal-produtturi esportaturi fil-kampjun.
(58) Fuq il-bażi ta' dan, il-marġini tad-dumping provviżorju tal-produtturi esportaturi li kkooperaw u li ma kinux inklużi fil-kampjun kien ta' 30,0 %.
(59) Għall-produtturi esportaturi kollha l-oħrajn fil-pajjiż ikkonċernat, il-Kummissjoni stabbilixxiet il-marġini tad-dumping fuq il-bażi tal-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ddeterminat il-livell ta' kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi. Il-livell ta' kooperazzjoni huwa l-volum ta' esportazzjonijiet ta' produtturi esportaturi li kkooperaw lejn l-Unjoni, mogħti bħala proporzjon tal-valur totali tal-esportazzjonijiet — kif irrapportat fl-istatistika dwar l-importazzjoni tal-Eurostat — mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni.
(60) Il-livell ta' kooperazzjoni kien ikkunsidrat għoli u fuq din il-bażi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibbaża l-marġini residwu tad-dumping fil-livell tal-kumpanija fil-kampjun bl-ogħla marġini tad-dumping.
(61) Tabella 2 Marġini tad-dumping, ir-RPĊ
Il-marġnijiet provviżorji tad-dumping mogħtija bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej: Kumpanija Marġini provviżorju tad-dumping (%) Baosteel Group: Baosteel Stainless Steel Co., Ltd; Ningbo Baoxin Stainless Steel Co., Ltd. 34,9 TISCO Group: Shanxi Taigang Stainless Steel Co., Ltd; Tianjin TISCO & TPCO Stainless Steel Co. Ltd. 29,2 Kumpaniji oħra li kkooperaw 30,0 Il-kumpaniji kollha l-oħrajn 34,9
It-Tajwan Il-valur normali
(62) Il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat jekk il-volum totali tal-bejgħ domestiku għal kull produttur esportatur investigat kienx rappreżentattiv, skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Bil-produtturi esportaturi investigati l-Kummissjoni kkunsidrat il-produtturi esportaturi magħżula għall-kampjun, flimkien ma' produttur esportatur wieħed li ngħata analiżi individwali. Il-bejgħ domestiku jkun rappreżentattiv jekk it-total tal-volum tal-bejgħ domestiku tal-prodott simili lill-klijenti indipendenti fis-suq domestiku għal kull produttur esportatur jirrappreżenta mill-inqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ bl-esportazzjoni tiegħu tal-prodott konċernat lill-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni.
(63) Il-Kummissjoni sabet li l-bejgħ domestiku rrapportat mill-produtturi esportaturi investigati kien jinkludi ammonti sinifikanti ta' prodott simili mibjugħ lil distributuri, li mbagħad ikomplu jesportawh. Kalkolu bbażat fuq id-dejta tal-produzzjoni mqiegħda għad-dispożizzjoni mill-kumpaniji li kkooperaw u mill-istatistika dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-prodott simili fit-Tajwan, ikkonferma li l-bejgħ domestiku rrapportat mill-produtturi esportaturi li kkooperaw kien jinkludi madwar 50 % tal-bejgħ indirett bl-esportazzjoni li ma kienx għal konsum domestiku.
(64) Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet li teżisti sistema ta' skontijiet fis-suq domestiku fit-Tajwan. Wieħed mill-produtturi esportaturi fil-kampjun spjega li din is-sistema nħolqot biex tagħti inċentiv lil ċentri tas-servizzi lokali (distributuri) li jkomplu jesportaw il-prodotti tal-azzar tagħhom. Malli l-prezzijiet stabbiliti fis-suq domestiku miż-żewġ produtturi ewlenin, inkluż l-iskontijiet, ġew ikkomunikati b'mod wiesa' kull xahar mad-distributuri kollha, anke fin-nuqqas ta' skontijiet mogħtija minn produtturi oħra lill-klijenti tagħhom, l-iffissar tal-prezzijiet tal-prodotti li jispiċċaw fis-suq domestiku u ta' dawk li jkomplu jiġu esportati, kien ferm influwenzat mis-sistema tal-prezzijiet li teżisti fit-Tajwan.
(65) Fid-dawl ta' dawn is-sejbiet ta' verifika fuq il-post, tlieta mill-produtturi esportaturi ntalbu jerġgħu jeżaminaw il-bejgħ li kienu rrapportaw għas-suq domestiku fit-Tajwan u jneħħu l-bejgħ kollu li ma kienx għall-konsum domestiku. Madankollu, ikkonfermaw biss li ma kinux jafu bid-destinazzjoni finali tal-prodott simili li jbigħu lill-klijenti tagħhom.
(66) Kif spjegat fil-premessa (63) hawn fuq u biex tiżgura li l-valur normali ma kienx ibbażat ukoll fuq prezzijiet stabbiliti għal esportazzjonijiet indiretti, il-Kummissjoni għażlet approċċ konservattiv għall-kalkoli provviżorji tad-dumping billi użat biss il-bejgħ irrapportat lill-utenti finali fit-Tajwan. Il-Kummissjoni kkunsidrat bħala utent finali lil kull operatur li kompla jittrasforma l-prodott simili fi prodott ieħor li ma baqax aktar l-istess prodott. Bejgħ lil distributuri jew kummerċjanti ġie esklużi mill-bejgħ domestiku minħabba li matul l-investigazzjoni l-Kummissjoni sabet li wieħed mid-distributuri ewlenin fit-Tajwan li kien akkwista volum kbir tal-prodott simili rrappurta bħala bejgħ domestiku mill-fornituri tiegħu, esporta l-biċċa l-kbira ta' dawn il-volumi mixtrija.
(67) Fuq din il-bażi, il-bejgħ totali minn kull prodottur esportatur tal-prodott simili investigat fis-suq domestiku kien rappreżentattiv.
(68) Imbagħad il-Kummissjoni identifikat it-tipi ta' prodotti mibjugħa domestikament li kienu identiċi jew paragunabbli għat-tipi ta' prodotti mibjugħa għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni għall-produtturi esportaturi investigati b'bejgħ domestiku rappreżentattiv.
(69) Wara, il-Kummissjoni analizzat jekk it-tipi ta' prodotti mibjugħa mill-produtturi esportaturi investigati fis-suq domestiku tagħhom imqabblin mat-tipi ta' prodotti mibjugħa għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni kinux rappreżentattivi, skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgħ domestiku ta' tip ta' prodott huwa rappreżentattiv jekk il-volum totali ta' bejgħ domestiku ta' dak it-tip ta' prodott lil konsumaturi indipendenti matul il-perjodu ta' investigazzjoni jirrappreżenta mill-anqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ b'esportazzjoni lejn l-Unjoni tat-tip ta' prodott identiku jew paragunabbli.
(70) Imbagħad il-Kummissjoni ddefinixxiet il-proporzjon tal-bejgħ bi profitt lill-klijenti indipendenti fis-suq domestiku għal kull tip ta' prodott matul il-perjodu tal-investigazzjoni biex tiddeċiedi jekk tużax il-bejgħ domestiku attwali għall-kalkolu tal-valur normali, skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku.
(71) Il-valur normali huwa bbażat fuq il-prezz domestiku attwali għal kull tip ta' prodott irrispettivament minn dan il-bejgħ huwiex profittabbli jew le, jekk:
(71)
(i) il-volum tal-bejgħ tat-tip ta' prodott, mibjugħ bi prezz tal-bejgħ nett li hu daqs jew ogħla mill-ispiża kkalkolata tal-produzzjoni, jirrappreżenta aktar minn 80 % tal-volum totali tal-bejgħ ta' dan it-tip ta' prodott; u
(ii) il-prezz tal-bejgħ medju peżat ta' dak it-tip ta' prodott hu daqs jew ogħla mill-kost unitarju tal-produzzjoni.
(72) F'dan il-każ, il-valur normali huwa l-medja peżata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollu ta' dak it-tip ta' prodott matul il-perjodu tal-investigazzjoni.
(73) Il-valur normali huwa l-prezz domestiku attwali għal kull tip ta' prodott tal-bejgħ domestiku bi profitt tat-tipi ta' prodotti biss matul il-perjodu tal-investigazzjoni, jekk:
(73)
(i) il-volum tal-bejgħ bi profitt tat-tip tal-prodott jirrappreżenta 80 % jew inqas mill-volum totali tal-bejgħ ta' dan it-tip; jew
(ii) il-prezz medju peżat ta' dan it-tip ta' prodott huwa inqas mill-kost unitarju tal-produzzjoni.
(74) L-analiżi tal-bejgħ domestiku wriet li għal xi tipi ta' prodotti, xi bejgħ domestiku ħalla profitt u li l-prezz tal-bejgħ medju peżat kien ogħla mill-kost tal-produzzjoni. Skont dan, il-valur normali kien ikkalkolat bħala medja peżata tal-prezzijiet kollha tal-bejgħ domestiku matul il-perjodu tal-investigazzjoni meta ġew issodisfati l-kundizzjonijiet tal-premessa (71) hawn fuq, jew bħala medja peżata tal-bejgħ bi profitt biss, meta dawn il-kundizzjonijiet ma ġewx issodisfati. Peress li ma kienx hemm biżżejjed bejgħ jew ma kienx hemm bejgħ ta' ċerti tipi ta' prodott tal-prodott simili, jew fejn ma kienx hemm bejgħ matul in-negozju ordinarju, il-Kummissjoni ħolqot il-valur normali skont l-Artikolu 2(3) u (6) tar-Regolament bażiku.
(75) Il-valur normali nħoloq billi żdied dan li ġej mal-kost medju tal-produzzjoni tal-prodott simili tal-produtturi esportaturi investigati matul il-perjodu tal-investigazzjoni:
(75)
(i) l-ispejjeż tal-bejgħ medji peżati, ġenerali u amministrattivi ('SĠ&A') imġarrbin mill-produtturi esportaturi investigati mill-bejgħ domestiku tal-prodott simili, bin-negozju ordinarju, matul il-perjodu tal-investigazzjoni; u
(ii) il-profitt medju peżat magħmul mill-prodotturi esportaturi investigati mill-bejgħ domestiku tal-prodott simili, matul in-negozju ordinarju, matul il-perjodu tal-investigazzjoni.
(76) Għal wieħed mill-produtturi esportaturi investigati, il-prezz tal-produzzjoni ġie aġġustat. Peress li volum sinifikanti tal-inputs użati għall-produzzjoni tal-prodott simili kien akkwistat minn fornitur relatat ukoll, il-Kummissjoni biddlet il-kost tax-xiri ta' dawn l-inputs mal-kost tal-produzzjoni tal-inputs mill-produttur esportatur investigat.
(77) Għall-istess produttur esportatur, il-Kummissjoni sabet ukoll li aġġustament għall-valur tar-rottamazzjoni ngħadd darbtejn għax il-volum tal-inputs ikkonvertiti fi prodotti lesti ġie rreġistrat bħala nett mir-rottamazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni rrifjutat it-tnaqqis tal-valur tar-rottamazzjoni mill-kost tal-produzzjoni tal-prodott lest.
(78) Għat-tipi ta' prodotti mhux mibjugħa fi kwantitajiet rappreżentattivi fis-suq domestiku, żdiedu l-ispejjeż SĠ&A medji u l-profitt tat-tranżazzjonijiet li saru matul in-negozju ordinarju fis-suq domestiku għal dawk it-tipi. Għat-tipi ta' prodotti mhux mibjugħa fis-suq domestiku, jew li ma nstabx bejgħ għalihom matul in-negozju ordinarju, żdiedu l-ispejjeż SĠ&A medji peżati u l-profitt tat-tranżazzjonijiet kollha li saru matul in-negozju ordinarju fis-suq domestiku.
Il-prezz tal-esportazzjoni
(79) Il-produtturi esportaturi investigati biegħu l-prodott ikkonċernat għall-esportazzjoni jew direttament lill-klijenti indipendenti fl-Unjoni inkella permezz ta' distributuri indipendenti fit-Tajwan. Għaldaqstant, il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit fuq il-bażi tal-prezzijiet attwali mħallsa jew li kellhom jitħallsu, skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.
Tqabbil
(80) Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi investigati fuq il-bażi ex-works.
(81) Fejn dan kien iġġustifikat mill-ħtieġa li jiġi żgurat paragun ġust, il-Kummissjoni aġġustat il-valur normali u/jew il-prezz tal-esportazzjoni għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragunabilità tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Saru aġġustamenti għat-trasport, l-assigurazzjoni, l-immaniġġjar, it-tagħbija u l-ispejjeż anċillari, l-ippakkjar, il-kreditu, it-tariffi tal-bank u l-kummissjonijiet.
(82) Il-produtturi esportaturi fil-kampjun naqsu milli jużaw ir-rati tal-kambju pprovduti lilhom fil-kwestjonarji tal-antidumping mibgħuta qabel iż-żjarat ta' verifika. Għalhekk, il-Kummissjoni reġgħet ikkalkolat il-valuri tat-tranżazzjoni bir-rati mogħtija fil-kwestjonarji.
Marġinijiet tad-dumping
(83) Għall-produtturi esportaturi investigati, inklużi żewġ kumpaniji relatati fil-kampjun u kumpanija waħda li saritilha analiżi individwali, il-Kummissjoni qabblet il-valur normali medju peżat ta' kull tip ta' prodott simili mal-prezz medju peżat tal-esportazzjoni tat-tip ta' prodott li jikkorrispondi għal dak ikkonċernat, skont l-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku.
(84) Tabella 3 Marġini tad-dumping, it-Tajwan
Fuq il-bażi ta' dan, il-marġnijiet tad-dumping medju peżat provviżorju, espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej: Kumpanija Marġini provviżorju tad-dumping (%) Chia Far Industrial Factory Co., Ltd (eżami individwali) 12,0 Tang Eng Iron Works Co., Ltd u Yieh United Steel Corporation 10,9
(85) Għall-produtturi esportaturi li kkooperaw u li ma kinux inklużi fil-kampjun, il-Kummissjoni kkalkolat il-marġini tad-dumping medju peżat, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, dak il-marġini kien stabbilit fuq il-bażi tal-marġnijiet tal-produtturi esportaturi fil-kampjun.
(86) Fuq il-bażi ta' dan, il-marġini tad-dumping provviżorju tal-produtturi esportaturi li kkooperaw u li ma kinux inklużi fil-kampjun kien ta' 10,9 %.
(87) Għall-kumpaniji kollha l-oħrajn fil-pajjiż ikkonċernat, il-Kummissjoni stabbilixxiet il-marġini tad-dumping fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Għall-fini ta' dan, il-Kummissjoni ddeterminat il-livell ta' kooperazzjoni. Il-livell ta' kooperazzjoni huwa l-volum tal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni tal-kumpaniji li kkooperaw mogħti bħala proporzjon tal-volum totali tal-esportazzjonijiet — kif irrapportat fl-istatistika dwar l-importazzjoni tal-Eurostat — mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni.
(88) Il-livell ta' kooperazzjoni f'dan il-każ kien ikkunsidrat għoli u fuq din il-bażi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibbaża l-marġini residwu tad-dumping fil-livell tal-kumpanija fil-kampjun bl-ogħla marġini tad-dumping.
(89) Tabella 4 Marġini tad-dumping, it-Tajwan
Il-marġnijiet provviżorji tad-dumping mogħtija bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej: Kumpanija Marġini provviżorju tad-dumping (%) Chia Far Industrial Factory Co., Ltd. 12,0 Tang Eng Iron Works Co., Ltd u Yieh United Steel Corporation 10,9 Kumpaniji oħra li kkooperaw 10,9 Il-kumpaniji kollha l-oħrajn 12,0
DANNU Id-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni
(90) Il-prodott simili kien immanifatturat minn disa' produtturi magħrufa fl-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Dawn jikkostitwixxu l-industrija tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku.
(91) Il-produzzjoni totali tal-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni kienet stabbilita għal aktar minn 3 miljun tunnellata. Il-Kummissjoni stabbilixxiet il-figura fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli li tirrigwarda l-industrija tal-Unjoni, bħal informazzjoni miġbura mill-produtturi fil-kampjun u d-dejta mill-ilment għall-prodotturi l-oħra tal-Unjoni. L-ikbar produttur tal-Unjoni la kkoopera u lanqas ma kkontesta l-ilment. Sitt produtturi tal-Unjoni li jagħmlu madwar 55 % tal-bejgħ u l-produzzjoni fl-Unjoni kkooperaw fl-investigazzjoni. Kif indikat fil-premessa (8) iktar 'il fuq, intgħażlu erba' produtturi tal-Unjoni fil-kampjun li bejniethom jirrappreżentaw madwar 50 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-prodott simili.
(92) Il-partijiet interessati argumentaw li produttur wieħed tal-Unjoni fil-kampjun għandu jkun eskluż mid-definizzjoni tal-Industrija tal-Unjoni, għax importa kwantitajiet sinifikanti tal-prodott konċernat. Madankollu, l-importazzjonijiet tal-prodottur tal-Unjoni mill-pajjiżi kkonċernati ammontaw għal inqas minn 5 % tal-importazzjonijiet totali tal-prodott konċernat, u inqas minn 2 % tal-volum tal-bejgħ tagħhom fl-Unjoni. Fuq din il-bażi, f'dan l-istadju dan il-produttur tal-Unjoni nżamm bħala parti mill-Industrija tal-Unjoni.
(93) Il-partijiet interessati argumentaw li n-nuqqas ta' inklużjoni tal-akbar produttur tal-Unjoni fil-kampjun jagħmel il-kampjun wieħed mhux rappreżentattiv. Kif indikat diġà, l-erba' produtturi tal-Unjoni fil-kampjun jirrappreżentaw madwar 50 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-prodott simili. Għalhekk il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kampjun kien rappreżentattiv. L-akbar produttur xorta waħda ma daħalx f'kuntatt.
Konsum fl-Unjoni
(94) Il-Kummissjoni stabbilixxiet il-konsum tal-Unjoni fuq il-bażi tal-volumi ta' bejgħ tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni miġbura mill-produtturi fil-kampjun, id-dejta mill-ilment għall-prodotturi oħra tal-Unjoni u mid-dejta fuq il-volumi ta' importazzjoni fis-suq tal-Unjoni miġbura mill-istatistika tal-Eurostat.
(95) Tabella 5 Il-konsum tal-Unjoni
Il-konsum tal-Unjoni żviluppa kif ġej: Sors: Produtturi tal-Unjoni fil-kampjun, ilment, Eurostat 2010 2011 2012 Il-perjodu tal-investigazzjoni Konsum fl-Unjoni (tunnellati) 3161737 3250977 3256438 3300127 Indiċi 100 103 103 104
(96) Il-konsum tal-Unjoni baqa' jikber b'4 % matul il-perjodu kkunsidrat.
Importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati Valutazzjoni kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati
(97) Il-Kummissjoni stħarrġet jekk l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li oriġina mill-pajjiżi kkonċernati għandhomx ikunu vvalutati b'mod kumulattiv, skont l-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku.
(98) Il-marġini tad-dumping stabbilit b'rabta mal-importazzjonijiet mir-RPĊ u mit-Tajwan kien ogħla mil-limiti de minimis stabbiliti fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku. Il-volum tal-importazzjonijiet minn kull pajjiż konċernat ma kienx negliġibbli skont it-tifsira tal-Artikolu 5(7) tar-Regolament bażiku. L-ishma tas-suq fil-perjodu tal-investigazzjoni kienu ta' 5,1 % għat-Tajwan u 4,3 % għar-RPĊ.
(99) Il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni ta' bejn l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mir-RPĊ u mit-Tajwan u l-prodott simili kienu simili. B'mod aktar speċifiku, il-prodotti importati kkompetew ma' xulxin u mal-prodott simili prodott fl-Unjoni għaliex il-prodotti kollha jikkonformaw mal-istess standards globali u għalhekk huma interkambjabbli. Barra minn hekk, jinbiegħu bl-istess mezzi ta' bejgħ u lil kategoriji simili ta' klijenti.
(100) L-Assoċjazzjoni tal-Industriji tal-Azzar u l-Ħadid tat-Tajwan ('TSIIA') argumentat li l-Kummissjoni m'għandhiex tivvaluta b'mod kumulattiv l-effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mir-RPĊ u t-Tajwan. Iddikjarat li għalkemm il-prodott SSCR jista' jitqies li huwa simili skont ir-Regolament bażiku, il-bejgħ mit-Tajwan fis-suq tal-Unjoni m'għandux l-istess kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni bħall-prodotti importati miċ-Ċina. Dawn huma differenti l-aktar fir-rigward tal-gradi u l-kwalità. Il-prodotti Tajwaniżi huma ta' kwalità ogħla.
(101) Id-dikjarazzjoni dwar il-gradi differenti tirreferi biss għall-prodotti ta' speċjalità li jammontaw għal inqas minn 1 % tal-importazzjonijiet. Barra minn hekk, il-prodotti kollha (UE, Ċiniżi u Tajwaniżi) huma konformi mal-istess standards dinjija u ma tressqu l-ebda dikjarazzjonijiet li jikkwantifikaw differenzi fil-propjetajiet fiżiċi ta' bejn il-prodott simili prodott fl-Unjoni u l-importazzjonijiet, u għalhekk l-argument ma kienx sostnut. B'konsegwenza, it-talba ġiet miċħuda.
(102) Għalhekk, il-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku ġew issodisfati u l-importazzjonijiet mir-RPĊ u t-Tajwan kienu eżaminati b'mod kumulattiv għall-iskopijiet tad-determinazzjoni tad-dannu.
Il-volum u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati
(103) Il-Kummissjoni stabbilixxiet il-volum tal-importazzjonijiet fuq il-bażi tal-volum tal-importazzjonijiet miksuba mill-istatistika tal-Eurostat. Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet kien stabbilit fuq l-istess bażi.
(104) Tabella 6 Il-volum tal-importazzjoni (tunnellati) u s-sehem tas-suq
L-importazzjonijiet lejn l-Unjoni mill-pajjiżi kkonċernati żviluppaw kif ġej: Sors: Eurostat 2010 2011 2012 Il-perjodu tal-investigazzjoni Il-volum tal-importazzjonijiet mir-RPĊ (tunnellati) 56477 95876 87759 143420 Indiċi 100 170 155 254 Sehem mis-suq (%) 1,8 2,9 2,7 4,3 Indiċi 100 165 151 243 Volum ta' importazzjonijiet mit-Tajwan (tunnellati) 127664 173968 132392 169097 Indiċi 100 136 104 132 Sehem mis-suq (%) 4,0 5,4 4,1 5,1 Indiċi 100 133 101 127 Volum ta' importazzjonijiet mill-pajjiżi konċernati (tunnellati) 184140 269845 220151 312517 Indiċi 100 147 120 170 Sehem mis-suq (%) 5,8 8,3 6,8 9,5 Indiċi 100 143 116 163
(105) L-importazzjonijiet kumulattivi mill-pajjiżi kkonċernati żdiedu b'70 % minn 184140 tunnellata għal 312517-il tunnellata bejn l-2010 u l-perjodu tal-investigazzjoni. L-importazzjonijiet żdiedu b'mod stabbli matul il-perjodu kkunsidrat b'eċċezzjoni tal-2012 meta l-volumi tal-importazzjonijiet kienu ogħla minn dawk tal-2010 imma inqas mil-livell tal-2011.
(106) Is-sehem kumulattiv mis-suq żdied bi 63 % minn 5,8 % għal 9,5 % matul il-perjodu kkunsidrat. B'mod simili għall-volum tal-importazzjonijiet, is-sehem mis-suq żdied b'mod stabbli matul il-perjodu kkunsidrat, bl-eċċezzjoni tal-2012.
Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati u t-twaqqigħ tal-prezz
(107) Il-Kummissjoni stabbiliet il-prezzijiet tal-importazzjonijiet fuq il-bażi tal-valur u l-volum tal-importazzjonijiet miksuba mill-istatistika tal-Eurostat. It-twaqqigħ fil-prezz tal-importazzjonijiet kien stabbilit fuq il-bażi tat-tweġibiet għall-kwestjonarju mibgħuta mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun, mill-produtturi esportaturi fil-kampjun u mill-produttur esportatur li saritlu analiżi individwali kif indikat fil-premessa (17) iktar 'il fuq.
(108) Tabella 7 Prezzijiet tal-Importazzjoni
Il-prezz medju peżat tal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni mill-pajjiżi kkonċernati żviluppa hekk: Sors: Eurostat 2010 2011 2012 Il-perjodu tal-investigazzjoni Ir-RPĊ (EUR/tunellata) 2175 2280 2253 2008 Indiċi 100 105 104 92 It-Tajwan (EUR/tunellata) 2268 2414 2143 1897 Indiċi 100 106 94 84 Il-pajjiżi kkonċernati (EUR/tunellata) 2239 2366 2187 1948 Indiċi 100 106 98 87
(109) Il-prezzijiet tal-importazzjoni tar-RPĊ u t-Tajwan għall-ewwel żdiedu b'6 punti perċentwali bejn l-2010 u l-2011. Maż-żmien, naqqsu 19-il punt perċentwali għal tnaqqis totali ta' 13 %. Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mir-RPĊ u t-Tajwan segwew xejra simili, b'eċċezzjoni tal-2012 li xorta wriet prezzijiet paragunabbli ogħla għar-RPĊ, imma diġà kien hemm prezzijiet paragunabbli baxxi għat-Tajwan. Għaż-żewġ pajjiżi, il-prezzijiet komplew jonqsu bejn l-2012 u l-perjodu tal-investigazzjoni.
(110) Il-Kummissjoni ddeterminat it-twaqqigħ tal-prezz matul il-perjodu tal-investigazzjoni billi qabblet:
(110)
(i) il-prezzijiet tal-bejgħ medji peżati għal kull tip ta' prodott tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun mitluba lil klijenti mhux relatati fis-suq tal-Unjoni, aġġustati għal livell tal-prezz mill-fabbrika; u
(ii) il-prezzijiet medji peżati li kkorrispondew għal kull tip ta' prodott tal-importazzjoni mill-prodotturi Ċiniżi u Tajwaniżi investigati lill-ewwel klijent indipendenti fis-suq tal-Unjoni, stabbilit fuq bażi ta' CIF, b'aġġustament xierqa għall-ispejjeż ta' wara l-importazzjoni.
(111) It-tqabbil tal-prezz sar fuq bażi ta' tip b'tip għat-tranżazzjonijiet aġġustati kif xieraq fejn kien hemm bżonn, u wara t-tnaqqis ta' skontijiet, kummissjonijiet u spejjeż tal-kunsinna. Ir-riżultat tat-tqabbil ingħata bħala perċentwal tal-fatturat tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Dan wera marġini tat-twaqqigħ medju peżat ta' bejn id-9,6 % u l-11,3 % għall-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati fis-suq tal-Unjoni.
(112) L-investigazzjoni wriet li l-produtturi esportaturi kważi jbigħu b'mod esklużiv lil distributuri indipendenti jew lil ċentri tas-servizzi tal-azzar, filwaqt li l-industrija tal-Unjoni biegħet lil distributuri, ċentri tas-servizzi tal-azzar u lil utenti finali. L-investigazzjoni madankollu ma wrietx li din id-differenza ta' livell ta' negozju kellha impatt fuq il-prezzijiet. Bil-maqlub ta' dan, id-distributuri indipendenti u ċ-ċentri tas-servizzi tal-azzar iddikjaraw li ma jiksbux termini ta' bejgħ aktar favorevoli mill-produtturi tal-Unjoni meta mqabbla mal-utenti.
Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni Rimarki ġenerali
(113) Skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, l-eżaminazzjoni tal-impatt tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping fl-industrija tal-Unjoni kienet tinkludi evalwazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi kollha li influwenzaw l-istat tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat.
(114) Kif imsemmi fil-premessa (8) hawn fuq, il-kampjun intuża għad-determinazzjoni tad-dannu possibbli mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Erba' produtturi kienu inklużi fil-kampjun.
(115) Għad-determinazzjoni tad-dannu, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn l-indikaturi ta' ħsarat makroekonomiċi u mikroekonomiċi. Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi makroekonomiċi fuq il-bażi tad-dejta miġbura mill-produtturi fil-kampjun u mid-dejta tal-ilment tal-produtturi l-oħra tal-Unjoni. Id-dejta kienet tirrigwarda lill-produtturi kollha tal-Unjoni. Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi makroekonomiċi fuq il-bażi tad-dejta fit-tweġibiet għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun. Id-dejta kienet relatata mal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun. Iż-żewġ settijiet ta' dejta nstabu li jirrappreżentaw is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.
(116) L-indikaturi makroekonomiċi huma: il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-volum tal-bejgħ, is-sehem tas-suq, it-tkabbir, l-impjiegi, il-produttività u d-daqs tal-marġini tad-dumping.
(117) L-indikaturi mikroekonomiċi huma: il-prezzijiet medji ta' unità, il-kost unitarju, il-kost lavorattiv, l-inventarji, il-profittabilità, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti, u l-abbiltà li jiżdied il-kapital.
(118) Il-partijiet interessati argumentaw li d-dejta tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun għandha tintuża b'mod konsistenti għall-valutazzjoni tad-dannu minflok ma jsir qsim tal-indikaturi f'indikaturi makroekonomiċi u indikaturi mikroekonomiċi. Argumentaw li l-analiżi separata ta' indikaturi makroekonomiċi u indikaturi mikroekonomiċi kienet soġġetta għal manipulazzjoni mill-ilmentatur, peress li dan jista' jimmanuvra l-ġbir tad-dejta fil-livell makroekonomiku, peress li d-deċiżjoni dwar jekk indikatur speċifiku kienx makroekonomiku jew mikroekonomiku kienet ibbażata fuq id-disponibbiltà tal-informazzjoni.
(119) Il-Kummissjoni stabbiliet u analizzat l-indikaturi makroekonomiċi kif instabu fil-livell tal-Unjoni u mhux biss fil-livell tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun. Huwa tassew ikkunsidrat li sa fejn huma kkonċernati l-indikaturi makroekonomiċi, dejta kompleta tal-industrija sħiħa tal-Unjoni, li tinkludi wkoll id-dejta mill-kumpaniji fil-kampjun, tirrifletti aħjar is-sitwazzjoni matul il-perjodu kkunsidrat, minn dejta ta' parti biss tal-industrija.
(120) Id-dejta ppreżentata mill-ilmentatur għall-evalwazzjoni ta' indikaturi makroekonomiċi kienet ikkunsidrata bħala preċiża u affidabbli. Il-validità tad-dejta ġiet iċċekkjata mal-informazzjoni sottomessa mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Għas-saħħa tal-argument, l-analiżi tad-dannu b'mod konsistenti li tuża biss id-dejta pprovduta mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, turi stampa aktar negattiva ta' indikaturi makroekonomiċi. Ma kien hemm l-ebda raġunijiet biex jiġi stabbilit li l-ilmentatur deliberatament żamm informazzjoni biex jimmanipula l-analiżi tad-dannu. Għalhekk, ma hemmx raġuni għaliex għandha titwarrab l-informazzjoni pprovduta mill-ilmentatur fir-rigward tal-indikaturi makroekonomiċi. Għaldaqstant, l-argument li l-analiżi tal-indikaturi tad-danni kollha għandha tkun limitata għall-informazzjoni mogħtija mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun biss, ma tistax tintlaqa'.
Indikaturi makroekonomiċi Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità
(121) Tabella 8 Il-produzzjoni, il-kapaċità produttiva u l-użu tal-kapaċità
Il-produzzjoni totali tal-Unjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni (laminazzjoni bil-lesħa) u l-użu tal-kapaċità żviluppaw matul il-perjodu kkunsidrat kif ġej: Sors: Produtturi tal-Unjoni fil-kampjun, ilment 2010 2011 2012 Il-perjodu tal-investigazzjoni Volum tal-produzzjoni (tunnellati) 3195908 3159359 3222857 3036688 Indiċi 100 99 101 95 Il-kapaċità tal-produzzjoni (tunnellati) 4174027 4261161 4284261 4330161 Indiċi 100 102 103 104 L-użu tal-kapaċità (%) 77 74 75 70 Indiċi 100 97 98 92
(122) Il-volum ta' produzzjoni baqa' stabbli bejn l-2010 u l-2012. Bejn l-2012 u l-perjodu ta' investigazzjoni, il-volum tal-produzzjoni naqas b'mod sinifikanti b'6 punti perċentwali għal tnaqqis globali ta' 5 % minkejja d-domanda stabbli.
(123) Fl-istess ħin, il-kapaċità tal-produzzjoni żdiedet b'mod moderat b'4 % fil-perjodu kkunsidrat. Iż-żieda żgħira fil-kapaċità tal-produzzjoni tista' tiġi attribwita għal użu aħjar tal-makkinarju minħabba l-programmi ta' effiċjenza mwettqa mill-industrija tal-Unjoni.
(124) B'riżultat ta' dan, l-użu tal-kapaċità naqas bi 8 % matul il-perjodu kkunsidrat. Huwa magħruf li 100 % tal-kapaċità ta' utilizzazzjoni ma tistax tinkiseb u mhijiex sostenibbli fit-tul fl-industrija SSCR. Madankollu, l-użu tal-kapaċità miksub mill-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat huwa ferm taħt il-kapaċità ta' utilizzazzjoni f'eċċess ta' 90 % li huwa meqjus li jista' jinkiseb b'mod sostenibbli fuq medda twila ta' żmien fil-livell tal-produzzjoni. Barra minn hekk, peress li d-differenza bejn il-kapaċità ta' produzzjoni u l-livell ta' produzzjoni sostenibbli fuq medda twila ta' żmien huwa minuri, dan ma jistax ikollu impatt fuq ix-xejra ta' tnaqqis murija mill-industrija tal-Unjoni.
Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq
(125) Tabella 9 Volum tal-bejgħ u sehem mis-suq
Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw matul il-perjodu kkunsidrat kif ġej: Sors: Produtturi tal-Unjoni fil-kampjun, ilment 2010 2011 2012 Il-perjodu tal-investigazzjoni Il-volum tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni (tunnellati) 2641033 2637819 2732237 2631508 Indiċi 100 100 103 100 Sehem mis-suq (%) 84 81 84 80 Indiċi 100 97 100 95
(126) Il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni kien stabbli matul il-perjodu kkunsidrat, b'volumi tal-bejgħ ftit ogħla fl-2012.
(127) Peress li l-konsum tal-Unjoni kiber matul il-perjodu kkunsidrat kif indikat fil-premessa (96) iktar 'il fuq, il-volumi ġeneralment stabbli ta' bejgħ wasslu għal tnaqqis ta' 5 % fis-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat. Simili għall-volum tal-bejgħ, is-sena 2012 kellha bixra aktar pożittiva.
It-tkabbir
(128) Kif deskritt hawn fuq, matul il-perjodu kkunsidrat il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni kien ġeneralment stabbli f'suq li kien qed jikber. Fl-istess ħin, l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati żdiedu b'mod sinifikanti. B'riżultat ta' dan, it-tkabbir tas-suq ta' madwar 140000 tunnellata matul il-perjodu kkunsidrat kważi b'mod esklużiv wassal biex l-importazzjonijiet mill-pajjiżi konċernati jibbenefikaw, xi ħaġa li żiedet il-volumi tagħhom b'madwar 128000 tunnellata matul l-istess perjodu. Għalhekk, l-industrija tal-Unjoni ma setgħet bl-ebda mod tibbenefika mit-tkabbir tas-suq.
L-impjiegi u l-produttività
(129) Tabella 10 L-impjiegi u l-produttività
L-impjiegi u l-produttività żviluppaw kif ġej tul il-perjodu kkunsidrat: Sors: Produtturi tal-Unjoni fil-kampjun, ilment 2010 2011 2012 Il-perjodu tal-investigazzjoni Numru ta' impjegati 13223 12978 12471 11820 Indiċi 100 98 94 89 Produttività (tunnellata/impjegat) 242 235 258 257 Indiċi 100 97 107 106
(130) In-numru ta' impjegati tal-industrija tal-Unjoni naqas b'żewġ punti perċentwali fl-2011, u b'erba' punti perċentwali oħra fl-2012 u saħansitra b'ħames punti perċentwali oħra fil-perjodu tal-investigazzjoni, u dan wera tendenza ċara ta' tnaqqis. Ir-razzjonalizzazzjoni tal-għadd ta' impjegati tista' tkun attribwita għall-implimentazzjoni ta' pjani diversi ta' effikaċja mill-produtturi tal-Unjoni u t-tnaqqis fil-volum ta' produzzjoni.
(131) L-industrija SSCR hija ġeneralment meqjusa bħala industrija li tuża kapital kbir. Madankollu, l-ammont ta' impjiegi provduti mill-industrija tal-Unjoni huwa sinifikanti. Barra minn hekk, l-ispejjeż tax-xogħol huma t-tieni l-iktar fattur ta' spiża importanti wara l-materja prima, li bħala medja tammonta għal madwar 10 % — 15 % tal-ispejjeż totali. L-impjiegi għalhekk huma indikatur rilevanti ta' dannu għal din l-industrija.
(132) Il-produttività tal-industrija tal-Unjoni naqset ftit fl-2011 bi tliet punti perċentwali, imbagħad fl-2012 żdiedet b'10 punti perċentwali u reġgħet naqset b'punt perċentwal fil-perjodu tal-investigazzjoni. B'mod ġenerali, din għoliet b'sitt punti perċentwali minn 242 tunnellata għal 257 tunnellata għal kull impjegat fil-perjodu kkonċernat, minkejja t-tnaqqis fin-numru ta' impjegati, li wassal għal effikaċja ikbar.
Id-daqs tal-marġini tad-dumping u l-irkupru minn dumping fl-imgħoddi
(133) Il-marġnijiet kollha tad-dumping kienu ogħla b'mod sinifikanti mil-livell de minimis. L-impatt tad-daqs tal-marġnijiet attwali tad-dumping fuq l-industrija tal-Unjoni kien sostanzjali, meta tqis il-volum u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati.
(134) Din hi t-tieni investigazzjoni antidumping dwar il-prodott ikkonċernat. L-importazzjonijiet tal-istess prodott li oriġina fir-RPĊ, il-Korea t'Isfel u t-Tajwan, diġà kienu soġġetti għal investigazzjoni fl-2008-2009. Minkejja li din l-investigazzjoni ma wasslitx għall-impożizzjoni ta' miżuri antidumping, l-investigazzjoni stabbilixxiet b'mod provviżorju l-eżistenza tad-dumping li diġà kien hemm dak iż-żmien.
Indikaturi mikroekonomiċi Prezzijiet u fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet
(135) Tabella 11 Prezzijiet tal-bejgħ fl-Unjoni
Il-prezzijiet medji peżati tal-bejgħ ta' unità tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun lill-klijenti mhux relatati fl-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat: Sors: Produtturi tal-Unjoni fil-kampjun 2010 2011 2012 Il-perjodu tal-investigazzjoni Il-prezz medju tal-bejgħ ta' unità (EUR/tunnellata) 2428 2572 2358 2159 Indiċi 100 106 97 89 Il-kost unitarju tal-produzzjoni (EUR/tunnellata) 2247 2345 2149 1939 Indiċi 100 104 96 86
(136) Il-prezzijiet tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun lil klijenti mhux relatati naqsu bi 11 % matul il-perjodu kkunsidrat. Filwaqt li fl-2011 il-prezzijiet żdiedu b'6 %, sa tmiem il-perjodu kkunsidrat dawn niżlu bi 17-il punt perċentwali.
(137) Il-kost unitarju tal-produzzjoni totali ta' SSCR (inklużi oġġetti eventwalment esportati) fil-biċċa l-kbira segwa x-xejra tal-prezzijiet tal-bejgħ u naqas b'14 % matul il-perjodu kkunsidrat. Madankollu, minħabba li l-prezzijiet tal-bejgħ u l-kost unitarju tal-produzzjoni mhumiex direttament komparabbli minħabba li hemm ċertu differenza fiż-żmien bejn il-produzzjoni u l-bejgħ. Hekk kif il-livell medju ta' inventarji tal-industrija tal-Unjoni ammonta għal madwar 15 % tal-valur tal-bejgħ, fil-medja hemm distakk ta' żmien ta' kważi xahrejn bejn il-produzzjoni u l-bejgħ.
(138) Ġeneralment, kemm il-kostijiet tal-produzzjoni kif ukoll il-prezzijiet tal-bejgħ huma bbażati fuq l-iżvilupp tal-ispejjeż tal-materja prima, l-aktar il-kromu u n-nikil. Il-prezzijiet miżmuma mill-industrija tal-Unjoni qed isegwu l-hekk imsejjaħ mekkaniżmu ta' ħlas addizzjonali fuq il-liga. F'dan il-mekkaniżmu, il-prezzijiet jikkonsistu fi prezz bażiku fiss u ħlas addizzjonali fuq il-liga li jogħla u jinżel skont il-kompożizzjoni kimika tal-grad tal-azzar u l-istimi tal-ligi tal-London Metal Exchange ('LME). Għalhekk, il-prezzijiet huma marbuta mal-grad tal-azzar u l-ispejjeż korrispondenti tal-materja prima.
(139) Il-partijiet interessati ssuġġerixxew li x-xejra tal-prezz tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni għandha tiġi analizzata mingħajr il-ħlas addizzjonali fuq il-liga. Peress li l-industrija tal-Unjoni ma tinfluwenzax il-prezz tan-nikil, il-partijiet interessati ddikjaraw li l-Kummissjoni għandha tara biss il-prezz bażiku.
(140) Il-prezz totali jikkonsisti sewwasew fil-prezz bażiku u l-ħlas addizzjonali fuq il-liga u l-klijenti normalment ikunu konxji ta' dan il-qsim. Madankollu, l-investigazzjoni wriet li matul il-perjodu ta' investigazzjoni, dawn iż-żewġ elementi tal-prezz ma kinux normalment mistqarra separatament fuq il-fattura. F'każijiet bħal dawn, id-dokumenti kummerċjali li kienu jeżistu qabel il-fattura bħall-ordni jew l-konferma tal-ordni konferma normalment ma tindikax dawn iż-żewġ elementi b'mod separat.
(141) Għalhekk, l-iżvilupp tal-prezz bażiku ġie analizzat abbażi tal-informazzjoni disponibbli pubblikament sottomessa mill-partijiet interessati. Din l-informazzjoni turi t-tqassim dettaljat tal-prezz totali mitlub għall-prodotti ta' grad ta' komodità 304 fil-Ġermanja fil-prezz bażiku u tal-ħlas addizzjonali fuq il-liga. Filwaqt li l-ħlas addizzjonali fuq il-liga jvarja skont l-iżvilupp fl-ispejjeż tal-materja prima, il-prezz bażiku naqas matul il-perjodu meqjus b'madwar 20 % minn madwar EUR 1200/tunnellata metrika fl-2010 għal madwar EUR 1000/tunnellata fil-perjodu tal-investigazzjoni. Filwaqt li l-livell tat-tnaqqis tista' ma jkunx neċessarjament rappreżentattiv għall-prodotti kollha u l-produtturi kollha tal-Unjoni, il-kobor tat-tnaqqis jappoġġa l-konklużjoni li mhux biss il-livell ta' ħlas addizzjonali fuq il-liga, iżda wkoll il-livell tal-prezz bażiku segwew xejra ta' tnaqqis.
Kostijiet lavorattivi
(142) Tabella 12 Spejjeż medji tax-xogħol għal kull impjegat
Il-kostijiet lavorattivi medji tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat: Sors: Produtturi tal-Unjoni fil-kampjun 2010 2011 2012 Il-perjodu tal-investigazzjoni Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat (EUR) 57071 58068 59684 61826 Indiċi 100 102 105 108
(143) Il-kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat kienu qed jiżdiedu matul il-perjodu kkunsidrat u żdiedu b'mod ġenerali bi 8 % bejn l-2010 u l-perjodu tal-investigazzjoni.
Inventarji
(144) Tabella 13 Inventarji
Il-livelli tal-ħażna tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat: Sors: Produtturi tal-Unjoni fil-kampjun 2010 2011 2012 Il-perjodu tal-investigazzjoni Ħażniet tal-għeluq (tunnellati) 242166 238818 208021 225418 Indiċi 100 99 86 93 Il-ħażniet tal-għeluq bħala perċentwal tal-produzzjoni (%) 15 16 14 15 Indiċi 100 103 90 99
(145) Il-volum tal-ħażniet baqa' pjuttost stabbli bejn l-2010 u l-2011, imbagħad naqas bi 13-il punt perċentwali fl-2012 u tela' ftit b'7 punti perċentwali fil-perjodu tal-investigazzjoni. B'mod ġenerali, dan naqas b'7 % matul il-perjodu kkunsidrat. Peress li ħafna mill-produzzjoni ssir fuq ordni, il-ħażniet mhumiex indikatur siewi f'din l-industrija.
Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-abbiltà li jiżdied il-kapital.
(146) Tabella 14 Profittabbiltà, fluss tal-flus, investimenti u redittu fuq l-investimenti
Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat: Sors: Produtturi tal-Unjoni fil-kampjun 2010 2011 2012 Il-perjodu tal-investigazzjoni Il-profittabbiltà tal-bejgħ fl-Unjoni lil klijenti mhux relatati (% tad-dħul tal-bejgħ) – 0,6 – 1,3 – 2,1 – 1,6 Indiċi – 100 – 214 – 330 – 253 Fluss tal-flus (miljuni ta' EUR) – 199 107 – 10 – 39 Indiċi – 100 54 – 5 – 20 Investimenti (miljuni ta' EUR) 1504 1375 1279 1244 Indiċi 100 91 85 83 Redditu fuq l-investimenti (%) – 1,2 – 2,9 – 4,3 – 3,1 Indiċi – 100 – 246 – 370 – 269
(147) Il-Kummissjoni stabbilixxiet il-profittabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun billi l-profitt nett qabel it-taxxa tal-bejgħ tal-prodott simili lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni ngħata bħala perċentwal tal-fatturat ta' dak il-bejgħ. Il-profitabbiltà tal-produtturi fil-kampjun kienet negattiva matul il-perjodu sħiħ ikkunsidrat — naqset b'1,5 punti perċentwali bejn l-2010 u l-2012 u rkuprat ftit fil-perjodu tal-investigazzjoni b'0,5 punti perċentwali biex laħqet – 1,6 %. Kif spjegat fil-premessa (141) hawn fuq, il-profittabilità negattiva kienet prinċipalment minħabba tnaqqis kontinwu fil-prezz bażiku u mhux minħabba instabbiltà tal-prezzijiet għall-materja prima bħal nikil.
(148) Il-fluss tal-flus nett huwa l-ħila tal-produtturi tal-Unjoni li jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom huma stess. Il-fluss tal-flus kien negattiv fi tlieta mill-erba' snin ikkunsidrati — tjieb fl-2011, imma mbagħad reġa' beda nieżel. It-titjib temporanju fl-2011 sar l-aktar minħabba t-tnaqqis sinifikanti tal-ħażniet ta' prodotti nofshom lesti.
(149) L-investimenti wrew xejra ta' tnaqqis — fl-2011 naqsu b'9 %, fl-2012 naqqsu b'6 % oħra u bi 2 % oħra fil-perjodu tal-investigazzjoni. B'mod ġenerali, dawn naqsu bi 17-il punt perċentwali matul il-perjodu kkunsidrat.
(150) Ir-redditu fuq l-investimenti huwa l-profitt f'perċentwal tal-valur nett skont il-kotba tal-investimenti. Dan kien negattiv fl-erba' snin ikkunsidrati. Fl-2011 naqas b'146 %, fl-2012 b'124 % ulterjuri u laħaq iċ-ċifra ta' – 3,1 % fil-perjodu tal-investigazzjoni.
(151) Il-ħila li jiżdied il-kapital tal-erba' produtturi fil-kampjun kien affettwat b'mod negattiv, għax minħabba ċ-ċifri negattivi fil-profitt tagħhom, ma kinux f'pożizzjoni li jiksbu finanzjament mill-banek. Il-produtturi kellhom isibu fondi pprovduti minn gruppi oħra ta' kumpaniji.
Konklużjoni dwar id-dannu
(152) Ħafna mill-indikaturi tad-dannu tal-industrija tal-Unjoni wrew tendenza negattiva matul il-perjodu kkunsidrat. Il-volum tal-produzzjoni naqas b'5 %, u dan wassal għal tnaqqis fl-użu tal-kapaċità ta' 8 %. Il-volumi stabbli tal-bejgħ f'suq li qed jikber wasslu għal tnaqqis fis-sehem tas-suq ta' 5 %. L-impjiegi naqsu b' 11 % filwaqt li l-ispejjeż tax-xogħol żdiedu b'8 %. L-investimenti naqsu b'17 %, filwaqt li r-redditu fuq l-investimenti baqa' negattiv matul il-perjodu kkunsidrat u wera xejra li sejra għall-agħar.
(153) L-uniċi fatturi ta' dannu li wrew xejra kemxejn pożittiva huma l-kapaċità tal-produzzjoni u l-produttività. Fi kwalunkwe każ, din iż-żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni taqbel maż-żieda fil-konsum tul il-perjodu kkunsidrat. Iż-żieda fil-produttività seħħet bis-saħħa tat-tnaqqis fin-numru tal-impjegati.
(154) Ċerti fatturi ta' dannu kellhom żvilupp temporanju aktar pożittiv fl-2011 jew fl-2012 meta mqabbla mas-snin preċedenti, imbagħad reġgħu naqsu — bħas-sehem mis-suq, il-prezzijiet tal-bejgħ, u l-kost tal-produzzjoni. Il-profittabbiltà kienet negattiva fl-erba' snin kollha, u l-fluss tal-flus kien negattiv fi tlieta mill-erba' snin.
(155) Fuq il-bażi ta' dak li ntqal aktar 'il fuq, il-Kummissjoni f'dan l-istadju kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni sofriet dannu materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.
KAWŻALITÀ
(156) Skont l-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni stħarrġet jekk l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati kkawżawx dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk fatturi oħrajn magħrufa setgħux fl-istess ħin iddanneġġaw lill-industrija tal-Unjoni. Il-Kummissjoni żgurat li kwalunkwe dannu possibbli kkawżat minn fatturi oħra barra l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati ma kienx attribwit għal importazzjonijiet oġġett ta' dumping. Dawn il-fatturi huma: l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, in-nefqa tal-enerġija, il-kapaċità żejda, u l-kompetizzjoni fl-Unjoni.
Effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping
(157) Il-konsum tal-Unjoni żdied b'4 % matul il-perjodu kkunsidrat, imma fl-istess ħin il-volum tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi konċernati żdied b'70 % filwaqt li s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni wera xejra ta' tnaqqis. Ix-xejra li fiha l-importazzjonijiet kisbu sehem mis-suq u x-xejra li fiha l-industrija tal-Unjoni tilfet is-sehem mis-suq instab li kienu jikkorrispondu. Is-sehem miżjud fis-suq tal-importazzjonijiet naqas fl-2012 u reġa' tela' fil-perjodu tal-investigazzjoni, filwaqt li t-tnaqqis fis-suq mill-industrija tal-Unjoni naqas ukoll fl-2012 u reġa' niżel fil-perjodu tal-investigazzjoni. Għalhekk jidher ċar li s-sehem mis-suq mitluf tal-industrija tal-Unjoni kien jikkorrelata maż-żieda tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping.
(158) Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati naqsu bi 13 % matul il-perjodu kkunsidrat. Il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni naqsu bi 11 % matul l-istess perjodu. Matul il-perjodu tal-investigazzjoni l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati waqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni b'9,6 % — 11,3 %, u għalhekk għamlu pressjoni fuq il-prezz fl-industrija tal-Unjoni. L-imġiba tal-prezz taż-żieda fl-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati ma ppermettietx lill-industrija tal-Unjoni biex iżżomm sehemha fis-suq jew biex tibda tagħmel profitt.
(159) Il-partijiet interessati ddikjaraw li l-prodotti importati mill-pajjiżi kkonċernati mhumiex qed jikkompetu mal-prodotti mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni. Allegatament, l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati huma fil-biċċa l-kbira tagħhom prodotti rqaq bi ħxuna ta' inqas minn 2 mm, filwaqt li prodotti eħxen minn hekk huma forniti l-aktar mill-industrija tal-Unjoni. Din l-allegazzjoni ma sabitx konferma fil-fatti stabbiliti mill-investigazzjoni. Tabilħaqq, il-produtturi esportaturi u l-industrija tal-Unjoni jbigħu prodotti eħxen minn 2 mm kif ukoll prodotti rqaq b'inqas ħxuna. Barra minn hekk, bħala medja, il-proporzjon ta' prodotti ħoxnin vs. prodotti rqaq huwa simili b'madwar 30 % — 35 % kemm għall-industrija tal-Unjoni kif ukoll għall-produtturi esportaturi mill-pajjiżi kkonċernati.
(160) Il-partijiet interessati ddikjaraw li ma kienx hemm korelazzjoni bejn il-livell u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mir-RPĊ u l-profitabbiltà tal-industrija tal-Unjoni. B'mod partikolari, irreferew għat-tnaqqis tal-importazzjonijiet u l-prezzijiet stabbli mir-RPĊ fl-2011-2012 li allegatament ma setgħux ikkawżaw it-tnaqqis fil-prezzijiet medji fis-suq tal-Unjoni. Fl-istess ħin, it-telf tal-industrija tal-Unjoni żdied u l-volum tal-bejgħ kien pjuttost stabbli.
(161) Madankollu, din l-analiżi tiffoka apposta fuq sentejn biss għalihom, minflok fuq il-perjodu sħiħ ikkunsidrat. Meta ġie analizzat il-perjodu sħiħ, deher ċar li ż-żieda b'saħħitha fl-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mhux biss wasslet għad-deterjorament tal-profitti imma wasslet ukoll għal telf fis-sehem tas-suq mill-industrija tal-Unjoni u għal tnaqqis fil-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, l-impjiegi, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti. Filwaqt li s-sena 2012 ma segwietx b'mod strett ix-xejra ġenerali, din baqgħet negattiva. L-għan tal-valutazzjoni tal-indikaturi tad-danni fuq perjodu itwal ta' erba' snin isir l-aktar biex ikun evitat milli jintlaħqu konklużjonijiet fuq il-bażi ta' żviluppi iżolati, jekk ikun hemm. L-effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping miż-żewġ pajjiżi kkonċernati xorta waħda ġew ivvalutati b'mod kumulattiv għar-raġunijiet spjegati fil-premessi minn (97) sa (102) hawn fuq. Għalhekk, ma kienx ġustifikabbli li jiġu vvalutati l-effetti indipendenti tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mir-RPĊ waħedhom.
(162) Il-partijiet interessati ddikjaraw li s-sehem mis-suq li l-industrija tal-Unjoni tilfet għall-importazzjonijiet mit-Tajwan kien insinifikanti. Skont l-informazzjoni pprovduta fl-ilment, l-importazzjonijiet mit-Tajwan kienu jammontaw għal sehem mis-suq ta' 4,98 % fil-perjodu tal-investigazzjoni, u żdiedu b'1,09 % bejn l-2010 u l-perjodu ta' investigazzjoni. Il-partijiet interessati ddikjaraw li għalhekk kien impossibbli li l-esportazzjonijiet Tajwaniżi kkawżaw dannu li l-ilmentaturi ddikjaraw li ġarrbu.
(163) Skont is-sejbiet tal-investigazzjoni, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mit-Tajwan żdied b'mod ġenerali matul il-perjodu kkunsidrat u laħaq il-5,1 % matul il-perjodu tal-investigazzjoni. L-investigazzjoni stabbilixxiet biċ-ċar ukoll li dawn l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping waqqgħu b'mod sostanzjali l-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, għall-kuntrarju ta' dak li qalet il-parti interessata, l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mit-Tajwan għamlu pressjoni fuq il-prezz u, flimkien mal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping miċ-Ċina, ikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni kif diskuss hawn fuq. Jitfakkar li l-effetti tal-importazzjonijiet miż-żewġ pajjiżi kkonċernati kienu vvalutati b'mod kumulattiv għar-raġunijiet spjegati fil-premessi minn (97) sa (102) iktar 'il fuq. Għalhekk, l-effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mit-Tajwan biss ma kinux ivvalutati b'mod indipendenti.
(164) Il-partijiet interessati ddikjaraw li l-kwantità tal-importazzjonijiet Tajwaniżi kienet esaġerata għax allegatament kienet tinkludi kwantitajiet sinifikanti ta' SSCR ta' oriġini Ċiniża jew Koreana li kienu ddikjarati bi żball bħala Tajwaniżi. Madankollu, din l-allegazzjoni ma kinitx sostnuta mill-evidenza.
(165) Madankollu, il-kumpaniji Tajwaniżi li qed jikkooperaw (produtturi u partijiet oħrajn) irraportaw esportazzjonijiet li jirrappreżentaw il-maġġoranza kbira tat-total tal-importazzjonijiet mit-Tajwan. Għalhekk, il-kwistjoni tal-prodotti Tajwaniżi li allegatament kienu ddikjarati bi żball seta' kellha impatt limitat ħafna, jekk kellha.
(166) Il-partijiet interessati ddikjaraw li l-prezzijiet tal-produtturi esportaturi Ċiniżi u Tajwaniżi, bħal dawk tal-industrija tal-Unjoni, segwew il-prezz tan-nikil. Filwaqt li tabilħaqq jista' jkun il-każ li maż-żmien ix-xejra tal-prezz tal-produtturi esportaturi segwiet ix-xejra tal-prezzijiet tal-materja prima, dan ma jindirizzax il-kwistjoni tal-livell assolut tal-prezz. F'dan ir-rigward, l-investigazzjoni sabet li kemm il-prezzijiet Ċiniżi kif ukoll dawk Tajwaniżi waqqgħu l-prezz tal-industrija tal-Unjoni b'9,6 % — 11,3 %. Jekk dan huwa minnu, l-argument li l-prezzijiet taċ-Ċina, it-Tajwan u tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw f'xejra simili matul il-perjodu kkunsidrat iwassal biss għall-konklużjoni li l-esportazzjonijiet Ċiniżi u Tajwaniżi kienu qed iwaqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni b'marġini simili matul il-perjodu sħiħ ikkunsidrat.
(167) Il-partijiet interessati ddikjaraw li l-allegata żieda fl-investimenti ma turix li l-industrija tal-Unjoni kienet qed iġarrbu minn dannu materjali. Madankollu, din l-allegazzjoni ma sabitx konferma fl-investigazzjoni. Tabilħaqq, l-investimenti naqsu b'mod kostanti bi 17 % matul il-perjodu kkunsidrat, kif indikat fil-premessa (149) iktar 'il fuq.
(168) F'dan l-istadju ll-Kummissjoni kkonkludiet li ż-żieda fl-importazzjonijiet oġġett ta' dumping bi prezz baxx mill-pajjiżi kkonċerati kkawżat id-dannu tal-materjal li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni.
L-effetti ta' fatturi oħra Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi
(169) Tabella 15 Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi
Il-volum ta' importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn żviluppa matul il-perjodu kkunsidrat kif ġej: Sors: Eurostat Il-pajjiż 2010 2011 2012 Il-perjodu tal-investigazzjoni L-Indja Volum (tunnellati) 17568 29437 33763 61855 Indiċi 100 168 192 352 Sehem mis-suq (%) 0,6 0,9 1,0 1,9 Prezz medju (EUR/tunellata) 1912 2421 2218 2098 Indiċi 100 127 116 110 Il-Korea t'Isfel Volum (tunnellati) 72256 70297 62047 92189 Indiċi 100 97 86 128 Sehem mis-suq (%) 2,3 2,2 1,9 2,8 Prezz medju (EUR/tunellata) 1932 2112 1891 1839 Indiċi 100 109 98 95 L-Afrika t'Isfel Volum (tunnellati) 66142 51788 50718 51907 Indiċi 100 78 77 78 Sehem mis-suq (%) 2,1 1,6 1,6 1,6 Prezz medju (EUR/tunellata) 2302 2355 2102 1943 Indiċi 100 102 91 84 L-Istati Uniti tal-Amerka: Volum (tunnellati) 94923 82387 82624 90947 Indiċi 100 87 87 96 Sehem mis-suq (%) 3,0 2,5 2,5 2,8 Prezz medju (EUR/tunellata) 2695 2943 2646 2304 Indiċi 100 109 98 85 Pajjiżi terzi oħra Volum (tunnellati) 85674 109406 74897 59204 Indiċi 100 128 87 69 Sehem mis-suq (%) 2,7 3,4 2,3 1,8 Prezz medju (EUR/tunellata) 2450 2659 2715 2669 Indiċi 100 109 111 109 Total tal-pajjiżi terzi kollha ħlief il-pajjiżi konċernati Volum (tunnellati) 336564 343313 304049 356102 Indiċi 100 102 90 106 Sehem mis-suq (%) 10,6 10,6 9,3 10,8 Prezz medju (EUR/tunellata) 2351 2549 2371 2156 Indiċi 100 108 101 92
(170) Il-pajjiżi terzi bl-ogħla volumi ta' importazzjoni kienu l-Indja, il-Korea t'Isfel, l-Afrika t'Isfel u l-Istati Uniti b'ishma mis-suq li varjaw bejn il-1,6 % u t-2,8 % matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Is-sehem mis-suq tal-pajjiżi terzi l-oħra kollha kien ta' 10,8 %.
(171) L-importazzjonijiet mill-Indja kienu negliġibbli, jiġifieri 1 % jew inqas, matul il-biċċa l-kbira tal-perjodu kkunsidrat. Darba biss qabżu l-limitu ta' 1 % matul il-perjodu tal-investigazzjoni meta kellhom sehem mis-suq ta' 1,9 %.
(172) Is-sehem mis-suq tal-Korea t'Isfel kien pjuttost stabbli matul il-perjodu kkunsidrat, bi tnaqqis minn 2,3 % għal 1,9 % mill-2010 — 2012 u fl-aħħar b'żieda għal 2,8 % biss matul il-perjodu tal-investigazzjoni.
(173) L-importazzjonijiet mill-Afrika t'Isfel u mill-Istati Uniti wrew xejra ta' tnaqqis matul il-perjodu kkunsidrat. Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-Afrika t'Isfel naqas minn 2,1 % għal 1,6 % filwaqt li s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-Istati Uniti naqas minn 3,0 % għal 2,8 %
(174) Rigward il-prezzijiet bbażati fuq il-Eurostat, jista' jiġi osservat li l-prezz tal-importazzjonijiet mill-Korea t'Isfel biss kien inqas mill-prezz tal-importazzjonijiet mir-RPĊ u t-Tajwan, filwaqt li l-importazzjonijiet mill-Afrika t'Isfel kellhom prezzijiet simili u l-importazzjonijiet mill-Indja u l-Istati Uniti kellhom prezzijiet ogħla. Ta' min jinnota li minkejja dan il-prodott ikkonċernat/il-prodott simili jikkonsisti fi gradi varji ta' azzar u dan iwassal għal differenza sinifikanti fil-prezzijiet li ma setgħetx tkun ikkunsidrata fil-prezz medju maħruġ mill-Eurostat.
(175) Il-partijiet interessati rreferew għal importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, inklużi l-Istati Uniti, il-Korea t'Isfel, l-Indja u l-Afrika t'Isfel. Iddikjaraw li dawk l-importazzjonijiet setgħu influwenzaw is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni u peress li hemm importazzjonijiet sostanzjali minn pajjiżi terzi oħra, li mhumiex soġġetti għall-investigazzjoni tal-Kummissjoni, l-importazzjonijiet mir-RPĊ u t-Tajwan m'għandhomx jinstabu responsabbli għal xi dannu kkawżat minn importazzjonijiet minn pajjiżi oħrajn.
(176) Kif spjegat hawn fuq, fil-perjodu tal-investigazzjoni, fost pajjiżi oħrajn li huma sorsi tal-importazzjonijiet ta' prodotti SSCR lejn l-Unjoni, it-Tajwan u r-RPĊ għandhom l-ogħla ishma mis-suq (5,1 % u 4,3 % rispettivament). L-ebda importazzjoni minn pajjiż ieħor ma qabżet is-sehem mis-suq ta' 3 % matul il-perjodu kkunsidrat. Barra minn hekk, filwaqt li s-sehem mis-suq mill-pajjiżi kkonċernati żdied bi 3,7 punti perċentwali matul il-perjodu kkunsidrat, f'daqqa, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi għajr il-pajjiżi kkonċernati baqa' stabbli u żdied b'0,2 punti perċentwali biss matul il-perjodu kkunsidrat.
(177) Għalhekk, minħabba x-xejra stabbli fil-volumi tal-importazzjonijiet, il-Kummissjoni kkonkludiet b'mod provviżorju li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra ma kkontribwixxewx b'mod sinifikanti għad-dannu li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni.
Il-prestazzjoni tal-esportazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni
(178) Tabella 16 Il-prestazzjoni tal-esportazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun
Il-volum tal-esportazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun żviluppa matul il-perjodu kkunsidrat kif ġej: Sors: Produtturi tal-Unjoni fil-kampjun 2010 2011 2012 Il-perjodu tal-investigazzjoni Volum tal-esportazzjonijiet (tunnellati) 185377 188431 182370 178010 Indiċi 100 102 98 96 Prezz medju (EUR/tunnellata) 2148 2353 2082 1915 Indiċi 100 110 97 89
(179) Il-volumi tal-esportazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun qed jonqsu wara żieda ta' darba fl-2011 kemm fil-volumi kif ukoll fil-prezzijiet tal-bejgħ. B'mod ġenerali, il-volumi tal-esportazzjonijiet tal-produtturi fil-kampjun kienu jirrappreżentaw madwar 12 % tal-produzzjoni f'daqqa tagħhom. Għad li t-tnaqqis fl-esportazzjonijiet kien ikkontribwixxa għat-tnaqqis fil-produzzjoni, minħabba l-livell baxx ta' esportazzjonijiet b'rabta mal-bejgħ fl-Unjoni, kwalunkwe kontribut tal-esportazzjonijiet għad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni huwa limitat ħafna.
Il-kost tal-enerġija, il-kapaċità żejda
(180) Il-partijiet interessati ddikjaraw li d-dannu li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni kien għoli minħabba kostijiet għolja tal-enerġija, li jingħad li huma 20 % ogħla minn dawk fir-RPĊ. Madankollu, l-enerġija hi biss fattur minuri għall-produzzjoni ta' prodotti SSCR, u tipikament tammonta għal inqas minn 10 % tal-ispejjeż totali. Jekk inwarrbu l-kwistjoni dwar jekk il-kostijiet tal-enerġija fir-RPĊ jirriflettux il-valuri tas-suq, id-differenza fil-prezz tal-enerġija ma setgħetx tikkawża d-dannu li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni.
(181) Il-partijiet interessati ddikjaraw li għall-kuntrarju tal-informazzjoni pprovduta fl-ilment, l-industrija tal-Unjoni sofriet minħabba kapaċità żejda sinifikanti. Il-Kummissjoni osservat l-użu tal-kapaċità tal-Industrija tal-Unjoni li naqset minn 77 % fl-2010 għal 70 % fil-perjodu kkunsidrat. Madankollu, il-kapaċità tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni u l-konsum fis-suq tal-Unjoni żviluppaw b'mod parallel, bit-tnejn li huma jiżdiedu b'4 % matul il-perjodu kkunsidrat. Għalhekk it-telf fl-użu tal-kapaċità hu kkawżat min-nuqqas ta' ħila tal-industrija tal-Unjoni li tisfrutta t-tkabbir tas-suq, għax dan it-tkabbir kien assorbit mill-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mill-pajjiżi konċernati. Għaldaqstant, l-allegata kapaċità żejda li rriżultat aktar hija konsegwenza tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping milli kawża tad-dannu li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni.
(182) Il-Kummissjoni kkonkludiet li la l-kost tal-enerġija tal-industrija tal-Unjoni u lanqas l-allegata kapaċità żejda ma setgħu jikkaġunaw id-dannu li ġarrbet.
Tħassib relatat mal-kompetizzjoni
(183) Il-partijiet interessati ddikjaraw li l-importazzjonijiet ta' prodotti SSCR mir-RPĊ żdiedu b'rispons għall-konċentrazzjoni tal-kapaċitajiet fl-Unjoni għal numru żgħir ta' fornituri, meta l-utenti fl-Unjoni tħallew b'numru limitat ta' produtturi mill-Unjoni. Madankollu, f'dawn l-aħħar 10 snin minn dejjem kien hemm erba' fornituri medji u għadd ta' fornituri iżgħar fis-suq tal-Unjoni. Filwaqt li s-sjieda ta' xi wħud minn dawn il-kumpaniji ma nbidlitx matul dak il-perjodu, l-għadd ta' fornituri baqa' stabbli. Għalhekk, iż-żieda tal-importazzjonijiet Ċiniżi li huma l-oġġett ta' dumping ma setgħetx ġiet ikkawżata minn tnaqqis fin-numru ta' fornituri fl-Unjoni.
(184) Il-partijiet interessati ddikjaraw li s-suq tal-Unjoni kellu konċentrazzjoni għolja u li l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati ma setgħux ikkawżaw xi dannu li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni. Iddikjaraw li l-volum tal-importazzjonijiet mill-Asja ma kienx biżżejjed biex jagħmel pressjoni fuq il-kompetizzjoni u ma setax iżomm lill-industrija tal-Unjoni milli żżid il-prezzijiet tagħha. F'dan ir-rigward, l-istess partijiet għamlu referenza għad-deċiżjoni ta' fużjoni tal-Kummissjoni biex tkun approvata l-fużjoni (suġġetta għall-impenji) bejn Outokumpu u Inoxum f'Novembru 2012 (id-Deċiżjoni ta' Fużjoni ta' Outokumpu)
(185) Madankollu, l-analiżi fi proċedura ta' fużjoni u investigazzjoni ta' antidumping jikkonċernaw oqfsa legali differenti li għandhom objettivi differenti. Filwaqt li proċedura ta' fużjoni tanalizza jekk fużjoni proposta tqajjem tħassib dwar il-kompetizzjoni, investigazzjoni antidumping tanalizza jekk l-industrija tal-Unjoni hijiex esposta għal dumping ta' dannu.
(186) Fi kwalunkwe każ, fil-qafas tad-Deċiżjoni ta' Fużjoni Outokumpu, ġie eżaminat jekk l-akkwist ta' Inoxum minn Outokumpu jwassal għal attur dominanti fis-suq tal-Unjoni. L-entità magħquda ta' Outokumpu u Inoxum kien se jkollha sehem tas-suq kombinat ta' aktar minn 50 % u naqqset in-numru ta' produtturi ewlenin minn erbgħa għal tlieta. Din id-deċiżjoni ta' fużjoni obbligat lil Outokumpu li ċċedi parti ta' Inoxum inkluża l-kumpanija ta' produzzjoni Acciai Speciali Terni (AST). L-għan ta' dan l-iżvestiment kien preċiżament li tinżamm il-kompetizzjoni fis-suq SSCR fl-Unjoni u l-entità fuża ppjanata (Outokumpu u l-assi kollha ta' Inoxum inkluża AST) li kellu jkollha sehem mis-suq ta' iktar minn 50 % fis-suq tal-Unjoni qatt ma ssarrfet f'realtà. Minflok, għad hemm erba' atturi ta' daqs medju u numru ta' atturi iżgħar li jikkompetu ma' xulxin mingħajr xi waħda minn dawn il-partijiet li għandhom livell ta' saħħa fis-suq li l-entità fuża proposta analizzat fil-każ ta' Fużjoni kienet miżmuma.
(187) Il-partijiet interessati rreferew ukoll għad-diskussjoni fid-Deċiżjoni ta' Fużjoni ta' Outokumpu għall-fatt li l-produtturi tal-Unjoni ma kinux ristretti mill-importazzjonijiet Asjatiċi matul dawk il-perjodi ta' żmien li fihom l-importazzjonijiet mill-Asja saru inqas kompetittivi minħabba ċaqliq fil-prezzijiet tan-nikil, ir-rata tal-kambju u l-prezzijiet baxxi tan-nikil ikkwotati fl-LME. Fid-Deċiżjoni ta' Fużjoni ta' Outokumpu ingħad li anke jekk il-limitazzjoni dovuta għall-importazzjonijiet ma kinitx b'saħħitha fil-preżent, huwa possibbli li din tikber fil-ġejjieni, li mbagħad wassal għal valutazzjoni tal-iżviluppi probabbli tas-suq. L-investigazzjoni attwali wriet dan li ġej: l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati, fil-perjodu tal-investigazzjoni laħqu sehem mis-suq ta' 9,5 % u żdiedu b'70 % meta mqabbla mal-2010. Kien stabbilit li dawn l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping waqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni b'9,6 % — 11,3 %.
(188) Barra minn hekk, il-fatt li d-domanda fis-suq tal-Unjoni hija relattivament stabbli anke f'każ ta' varjazzjonijiet sinifikanti fil-prezzijiet ma jfissirx li x-xerrejja mhumiex sensittii għall-prezz. Filwaqt li prezzijiet iktar baxxi offruti minn esportaturi ma jwasslux għal żieda fil-konsum fis-suq tal-Unjoni, l-investigazzjoni uriet biċ-ċar li x-xerrejja jkunu lesti li jixtru kwantitajiet akbar ta' importazzjonijiet bi prezz baxx. Peress li dawn l-importazzjonijiet bi prezz baxx ma jiġġenerawx kwalunkwe domanda addizzjonali, dan il-bejgħ hu għas-spejjeż tal-bejgħ ta' atturi oħra fis-suq, prinċipalment għad-detriment tal-industrija tal-Unjoni.
(189) L-investigazzjoni kkonfermat li l-industrija tal-Unjoni tbiegħ firxa tal-prodott akbar minn produtturi esportaturi li kkooperaw. Madankollu, matul il-perjodu ta' investigazzjoni madwar 75 % tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni kienet relatata mal-erba' tipi l-aktar komuni ta' gradi tal-azzar (304, 304L, 316L u 430). Dawn il-gradi kollha huma mibjugħa mill-esportaturi mill-pajjiżi kkonċernati f'varjetà kbira ta' ħxuna, wisa' u finituri. Prodotti wkoll lil hinn minn dawn il-gradi ta' komodità huma f'kompetizzjoni diretta billi huma kienu wkoll mibjugħa mill-esportaturi mill-pajjiżi kkonċernati.
(190) L-ebda waħda mill-partijiet interessati ma qajmet xi kwistjonijiet dwar il-kwalità tal-prodott f'din l-investigazzjoni. Id-Deċiżjoni ta' Fużjoni Outokumpu stabbiliet li filwaqt li bħala medja, il-kwalità prodotta minn produtturi mhux Ewropej tista' titqies bħala komparabbli ma' dik tal-produtturi Ewropej, hi identifikat ukoll li l-klijenti b'rekwiżiti speċifiċi ma jistgħux jixtru fl-Asja. Madankollu, kif deskritt hawn fuq, il-maġġoranza l-kbira tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni huma prodotti ta' komodità fejn il-kwalità hija komparabbli.
(191) Kwistjonijiet oħra li jipprevjenu ċerti klijenti milli jixtru SSCR importat huma żminijiet itwal minħabba t-tul tat-trasport mill-pajjiżi kkonċernati u termini inqas favorevoli ta' ħlas offruti minn produtturi fil-pajjiżi kkonċernati. Madankollu, dawn il-kwistjonijiet huma relevanti l-aktar għal klijenti li jixtru direttament mill-mitħna, li jammonta biss għal madwar terz tas-suq tal-Unjoni.
(192) Fl-istess ħin, il-maġġoranza ta' bejgħ li sar permezz ta' ċentri ta' servizzi tal-azzar, jirrappreżentaw madwar żewġ terzi mis-suq tal-Unjoni. Kważi l-bejgħ kollu mill-pajjiżi kkonċernati hu magħmul permezz ta' ċentri ta' servizzi indipendenti, li jixtru wkoll mill-industrija tal-Unjoni. F'dan il-każ, it-terminu ta' ħlas offrut mid-distributur hu rilevanti għall-utent. Billi dawn tipikament ikunu magħmula mill-istokk tad-distributur, il-ħin rilevanti huwa wkoll iż-żmien meħtieġ biex il-merkanzija titwassal mingħand id-distributur lill-utent. Għalhekk, il-maġġoranza tal-bejgħ mhux affettwat minn dawn il-kwistjonijiet.
(193) Għalhekk, il-maġġoranza tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni hu direttament affettwat mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati.
(194) Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fl-Unjoni ma setgħux ipprevenew l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping għall-pajjiżi kkonċernati milli jikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni.
Effett tal-prezzijiet tal-materja prima
(195) Il-partijiet interessati sostnew li d-deċiżjoni jekk jixtru l-prodott ikkonċernat li joriġina fil-pajjiżi kkonċernati jew tal-prodott simili prodott mill-industrija tal-Unjoni hija mmexxija mill-iżvilupp tal-prezzijiet tal-materja prima, b'mod partikolari n-nikil. Dan huwa minħabba li l-esportaturi jitolbu prezz uniku u l-industrija tal-Unjoni titlob prezz bażiku flimkien ma' ħlas addizzjonali fuq il-liga.
(196) Għalhekk, din allegatament kienet ta' benefiċċju akbar għall-importaturi li jixtru mill-pajjiżi kkonċernati meta jiżdiedu l-prezzijiet tal-materja prima (kif ukoll il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni se jiġi riveduti 'il fuq filwaqt li l-prezzijiet tal-esportaturi se jibqgħu stabbli). Min-naħa l-oħra, jekk jonqsu l-prezzijiet tal-materja prima, allegatament jkun inqas ta' benefiċċju għal dawk l-importaturi li jixtru mill-pajjiżi kkonċernati (hekk kif il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni se jonqsu filwaqt li l-prezzijiet tal-esportaturi se jibqgħu stabbli).
(197) Fid-Deċiżjoni ta' Fużjoni Outokumpu, ġie analizzat l-impatt tal-iżvilupp mistenni fil-prezz tan-nikil fuq id-deċiżjonijiet tax-xiri tal-importaturi. F'din l-investigazzjoni, ġie analizzat jekk l-iżvilupp tal-importazzjonijiet effettivament issegwi l-iżvilupp attwali tal-prezzijiet tan-nikil u jsegwi l-formula deskritta hawn fuq. Il-prezzijiet tan-nikil naqsu b'31 %, minn EUR 16453/tunnellata fl-2010 għal EUR 11327/tunnellata matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Skont it-talba mressqa mill-partijiet interessati deskritta fil-premessa (196) hawn fuq, dan it-tnaqqis fil-prezzijiet tan-nikil kellu jwassal għal tnaqqis fl-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati. Madankollu l-investigazzjoni wriet li minkejja t-tnaqqis sinifikanti fil-prezzijiet tan-nikil, l-esportazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati żdiedu b'70 % matul l-istess perjodu, kif deskritt fil-premessa (104) hawn fuq.
(198) Filwaqt li l-iżvilupp tal-prezzijiet tal-materja prima jista' jkun li kellu xi effett fuq l-iżvilupp tal-volumi ta' importazzjoni, fatturi oħrajn bħalma huma l-livell baxx tal-prezzijiet tal-produtturi esportaturi għelbu b'mod ċar dan l-effett. L-iżvilupp tal-prezzijiet tan-nikil huwa għalhekk ikkunsidrat li ma jkollux impatt dejjiemi fuq iż-żjieda fit-tendenza ġenerali ta' importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati matul il-perjodu kkunsidrat.
Bidliet fix-xejriet ta' konsum.
(199) Fid-Deċiżjoni ta' Fużjoni Outokumpu, ġie stabbilit li kemm il-livell tal-prezz tan-nikil assolut u l-volatilità tal-prezzijiet tan-nikel x'aktarx li jnaqqsu l-attrazzjoni ta' azzar li ma jissaddadx bħala materjal u jagħtu spinta lid-domanda għall-azzar li ma jissaddadx mhux nikil.
(200) Fir-rigward l-attrazzjoni tal-azzar li ma jissaddadx bħala materjal, ġie argumentat ukoll li għadd ta' tendenzi li jista' jkollhom impatt possibbli fuq sostituzzjoni għal/minn azzar inossidabbli, inkluża l-ħtieġa għall-użu ta' materjali eħfef pereż. fil-karozzi (impatt negattiv fuq li ma jsaddadx; ċaqliq minn azzar għal komposti), ċikli tal-ħajja iqsar tal-prodott f'oġġetti għall-konsumatur (impatt negattiv fuq li ma jsaddadx; hu użat materjal orħos), ħtieġa akbar għal trattament tal-ilma u l-produzzjoni tal-enerġija ekoloġika (impatt pożittiv fuq li ma jsaddadx; diffiċli biex tissostitwixxi f'ħafna applikazzjonijiet) u l-iżvilupp tal-prezzijiet ta' materjali possibilment kompetittivi (minerali tal-ħadid, l-aluminju, ir-ram).
(201) F'dan ir-rigward, l-investigazzjoni preżenti kkonfermat is-sejbiet tad-Deċiżjoni ta' Fużjoni Outokumpu li d-domanda għall-azzar li ma jissaddadx b'mod ġenerali u SSCR b'mod partikolari huma pjuttost riġidi. Il-biċċa l-kbira ta' dan it-tkabbir fil-konsum seħħet bejn l-2010 u l-2011 meta l-prezzijiet kienu qed jiżdiedu. Matul il-perjodu ta' tnaqqis fil-prezzijiet mill-2011 sal-perjodu ta' investigazzjoni, il-konsum baqa' stabbli u żdied biss b'1 %. Is-sostituzzjoni għal/minn azzar li ma jissaddadx, inkluż il-fatturi msemmija hawn fuq, għalhekk kellhiex impatt li jista' jitkejjel fuq il-konsum totali tal-SSCR.
(202) Fir-rigward il-bidla tad-domanda lejn il-gradi tal-azzar non-nikel ta' azzar li ma jissaddadx li huma wkoll il-prodott simili, analiżi dettaljata tat-transazzjonijiet ta' bejgħ irrapportati mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun tikkonferma s-sejbiet fid-Deċiżjoni ta' Fużjoni Outokumpu.
(203) Madankollu, kif deskritt fil-premessa (138) hawn fuq, il-prezzijiet mitluba mill-industrija tal-Unjoni huma marbuta direttament mal-grad tal-azzar u mal-ispejjeż tal-materja prima korrispondenti. Bidla fid-domanda minn grad tal-azzar wieħed għal ieħor għalhekk għandu impatt newtrali fuq il-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni.
(204) Għalhekk qed jiġi konkluż f'dan l-istadju li t-tibdil ta' xejriet ta' konsum ma jkollhomx impatt negattiv fuq il-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni.
Konklużjoni dwar il-kawżalità
(205) L-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati żdiedu f'termini assoluti u relattivi fil-konsum tal-Unjoni fi żmien meta l-biċċa l-kbira tal-fatturi ta' dannu tal-industrija tal-Unjoni (il-produzzjoni, il-kapaċità tal-użu, is-sehem mis-suq, l-impjiegi, il-prezzijiet tal-bejgħ, il-kost lavorattiv, il-profittabbiltà, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti) iddeterjoraw. L-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati waqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni b'9,6 % — 11,3 % matul il-perjodu tal-investigazzjoni.
(206) Fatturi oħra bħall-kost tal-enerġija, il-kapaċità u l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq tal-Unjoni ma kkontribwixxewx għad-dannu li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni. Fatturi bħal importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra u esportazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni setgħu kienu ta' kontribut għad-dannu imma bi grad limitat ħafna.
(207) Fuq il-bażi ta' dan t'hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet b'mod provviżorju li d-dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni kien ikkawżat mill-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati u l-fatturi l-oħra kkunsidrati individwalment ma kisrux ir-rabta kawżali. Id-dannu jikkonsisti l-aktar fis-sitwazzjoni finanzjarja fraġli tal-industrija tal-Unjoni u fit-tnaqqis fil-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, l-impjegabbiltà u s-sehem mis-suq.
(208) Il-Kummissjoni ddistingwixxiet u sseparat l-effetti tal-fatturi magħrufa kollha dwar is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni mill-effetti dannużi tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping. L-effett ta' importazzjonijiet oħra, esportazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni, l-ispiża tal-enerġija, il-kapaċità u l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fuq l-iżviluppi negattivi tal-industrija tal-Unjoni f'termini tas-sitwazzjoni finanzjarja, il-produzzjoni u s-sehem mis-suq kienu jew limitati ħafna jew ma eżistewx.
L-INTERESS TAL-UNJONI
(209) B'konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni analizzat jekk, minkejja l-konklużjoni dwar dumping dannuż, huwiex fl-interess tal-Unjoni li jiġu adottati miżuri f'dan il-każ. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq l-apprezzament ta' kull wieħed mill-bosta interessi involuti, inklużi dawk tal-industrija tal-Unjoni, tal-importaturi u tal-utenti.
L-interess tal-industrija tal-Unjoni
(210) Il-maġġoranza tal-industrija tal-Unjoni ssostni l-impożizzjoni tal-miżuri. L-akbar produttur tal-Unjoni ma kkooperax fl-investigazzjoni, iżda ma kkontestax l-ilment. Sitt produtturi tal-Unjoni li jammontaw għal madwar 55 % tal-bejgħ u l-produzzjoni fl-Unjoni kkooperaw fl-investigazzjoni u appoġġjaw l-ilment.
(211) L-Industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali. L-indikaturi finanzjarji kollha (il-profitabbiltà, il-fluss tal-flus, ir-redditu fuq l-investiment) kienu fil-biċċa l-kbira negattivi matul il-perjodu kkunsidrat. Inidikaturi oħra bħall-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, l-impjegabbiltà u s-sehem mis-suq żviluppaw b'mod negattiv matul il-perjodu kkunsidrat. L-industrija tal-Unjoni rnexxielha biss iżżomm il-volum baxx tal-bejgħ ta' wara l-kriżi u ma setgħetx tibbenefika mit-tkabbir tas-suq.
(212) Fin-nuqqas ta' miżuri, l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping mill-pajjiżi konċernati jkomplu jagħmlu forza fuq l-industrija tal-Unjoni biex tbigħ bi prezzijiet li jwasslu għal telf. Din l-akkumulazzjoni ta' aktar telf twassal għal aktar deterjorament fis-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, huwa fl-interess tal-industrija tal-Unjoni li timponi l-miżuri.
L-interess tal-importaturi u d-distributuri mhux relatati
(213) L-importaturi u d-distributuri (inklużi ċ-ċentri tas-servizz tal-azzar) kienu attivi ħafna f'din l-investigazzjoni. Wieħed u tletin importatur u distributur ressqu 'l quddiem u esprimew l-oppożizzjoni tagħhom għall-impożizzjoni tal-miżuri.
(214) L-importaturi u d-distributuri stqarrew li s-sorsi possibbli tagħhom tal-provvista jkunu limitati bl-impożizzjoni tal-miżuri. Argumentaw li jekk jiġu imposti dawn il-miżuri, ma jkunux jistgħu jġibu aktar prodotti SSCR mir-RPĊ u t-Tajwan.
(215) Iżda, l-investigazzjoni wriet li l-importaturi u d-distributuri kollha jixtru minn sorsi diversi, inkluż mill-industrija tal-Unjoni, mill-pajjiżi kkonċernati u minn pajjiżi terzi. Għalhekk jiddependu biss sa ċertu punt fuq il-provvisti mill-pajjiżi konċernati.
(216) Dawn il-partijiet jistgħu jkomplu jixtru prodotti SSCR mill-industrija tal-Unjoni u minn pajjiżi oħra li mhumiex soġġetti għal din l-investigazzjoni (pereżempju l-Indja, l-Afrika t'Isfel, il-Korea t'Isfel jew l-Istati Uniti), li b'mod kumulattiv għandhom sehem mis-suq ta' 11 %. Għalhekk, kemm l-industrija tal-Unjoni kif ukoll l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra huma alternattivi kredibbli għall-importazzjonijiet Ċiniżi u Tajwaniżi.
(217) Għaldaqstant, f'dan l-istadju ġie konkluż li l-impożizzjoni tal-miżuri jista' jkollha biss impatt negattiv minimu fuq is-sitwazzjoni ta' importaturi u distributuri mhux relatati.
L-interess tal-utenti
(218) Numru ta' partijiet interessati, inkluż produtturi esportaturi u distributuri qajmu tħassib dwar l-effetti negattivi possibbli tal-miżuri fuq l-utenti. L-utenti nfushom ma kellhomx l-istess tħassib. Tabilħaqq, il-grad ta' parteċipazzjoni tal-utenti f'dan il-każ kien baxx ħafna. Sitt utenti (inkluż grupp ta' erba' kumpaniji) esprimew opinjoni, u utent minnhom biss ikkontesta l-impożizzjoni tal-miżuri. L-utenti l-oħra u l-assoċjazzjonijiet tagħhom jew ma ħadux sehem jew naqsu milli jieħdu pożizzjoni.
(219) Għalhekk, ġie konkluż b'mod provviżjorju li l-impożizzjoni tal-miżuri ma tmurx kontra l-interess tal-utenti.
Tħassib relatat mal-kompetizzjoni
(220) Fid-Deċiżjoni ta' Fużjoni Outokumpu, il-Kummissjoni stabbiliet li l-fużjoni proposta ta' Outokumpu u Inoxum x'aktarx tirriżulta f'impediment sinifikanti għal kompetizzjoni effettiva permezz ta' effetti mhux koordinati permezz tal-ħolqien ta' pożizzjoni dominanti fis-suq taż- Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) għal SSCR. Biex jiġi evitat impediment bħal dan, il-Kummissjoni aċċettat li pakkett ta' divestitura inkluż AST tkun biżżejjed biex tirrimedja t-tħassib dwar il-kompetizzjoni. Tabilħaqq, ir-rimedju aċċettat mill-Kummissjoni żamm l-għadd ta' erba' produtturi ta' daqs medju tal-Unjoni.
(221) Dan ir-rimedju diġà ġie implimentat u issa hu kompletament effettiv. Barra minn hekk, l-impożizzjoni ta' miżuri antidumping ma għandhiex tnaqqas in-numru tad-daqs medju tal-produtturi tal-Unjoni. Għalhekk qed jiġi konkluż f'dan l-istadju li l-impożizzjoni tal-miżuri ma għandhiex titnaqqas jew telimina l-effett tal-impenn aċċettat mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni ta' Fużjoni Outokumpu.
Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni
(222) Fuq il-bażi t'hawn fuq, f'dan l-istadju ta' investigazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm raġunijiet persważivi li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li timponi miżuri fuq importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina fir-RPĊ jew fit-Tajwan.
MIŻURI PROVVIŻORJI ANTIDUMPING
(223) Fuq il-bażi tal-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni fir-rigward tad-dumping, id-dannu, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni, għandhom jiġu imposti miżuri antidumping provviżorji sabiex ma jippermettux li ssir aktar ħsara lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet oġġett ta' dumping.
Livell ta' eliminazzjoni tad-dannu (marġini tad-dannu)
(224) Sabiex jiġi ddeterminat il-livell ta' dawn il-miżuri, il-Kummissjoni l-ewwel stabbiliet l-ammont ta' dazju neċessarju sabiex jiġi eliminat id-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.
(225) Id-dannu jiġi eliminat jekk l-industrija tal-Unjoni tkun kapaċi tkopri l-ispejjeż tal-produzzjoni tagħha u tagħmel profitt qabel it-taxxa mill-bejgħ tal-prodott simili fis-suq tal-Unjoni li jista' jinkiseb b'mod raġonevoli f'kundizzjonijiet normali ta' kompetizzjoni minn industrija ta' dan it-tip fis-settur, jiġifieri fin-nuqqas ta' importazzjonijiet oġġett ta' dumping.
(226) Il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni kienet negattiva matul il-perjodu kollu kkunsidrat, jiġifieri għas-snin 2010 sa 2013. Is-snin preċedenti tal-2008 u l-2009 ġew affettwati minn kollass fid-domanda matul il-kriżi ekonomika globali, u l-profitt miksub f'dawn is-snin għalhekk ma jistax titqies li jkun intlaħaq f'kundizzjonijiet normali ta' kompetizzjoni. Filwaqt li l-investigazzjoni preċedenti kif deskritt fil-premessa (134) hawn fuq, stabbilit b'mod provviżorju l-eżistenza ta' dumping għas-sena 2007, ebda rabta materjali bejn dawn l-importazzjonijiet u s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ma setgħet tiġi stabbilita. Għal dak il-għan, il-profitt fil-mira kien ta' 8,1 %, li kien il-profitt milħuq mill-industrija tal-Unjoni fl-2007. Din kienet l-aħħar sena rappreżentattiva mmarkata b'kundizzjonijiet normali ta' kompetizzjoni qabel il-kollass fid-domanda fl-2008 u fl-2009. Id-daqs tas-suq fl-2013 kważi laħaq il-livell ta' konsum fl-2007.
(227) Fuq il-bażi ta' dan, il-Kummissjoni kkalkolat prezz mingħajr dannu għall-prodott simili għall-industrija tal-Unjoni billi mill-prezzijiet tal-bejgħ tal-Unjoni neħħiet it-telf attwali mġarrab matul il-perjodu tal-investigazzjoni u żiedet il-marġini tal-profitt ta' 8,1 % imsemmi hawn fuq.
(228) Imbagħad, il-Kummissjoni ddeterminat il-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu fuq il-bażi ta' tqabbil tal-prezz ta' importazzjoni medju peżat tal-produtturi esportaturi li kkooperaw fil-kampjun tal-pajjiżi kkonċernati, kif stabbilit għall-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz, mal-prezz mingħajr dannu medju peżat tal-prodott simili mibjugħ mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun, fis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Kwalunkwe differenza li tirriżulta minn dan it-tqabbil ingħatat bħala perċentwal tal-valur CIF medju peżat tal-importazzjoni.
(229) Il-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu għal kumpaniji oħra li kkooperaw u għal kumpaniji kollha l-oħrajn huwa ddefinit bl-istess mod bħall-marġini tad-dumping għal dawn il-kumpaniji (ara l-premessi (57), (60), (85) u (88) iktar 'il fuq).
Miżuri provviżorji
(230) Għandhom ikunu imposti miżuri antidumping provviżorji fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti tal-metall mgħattan mingħajr tisħin f'fuljetti li joriġinaw fir-RPĊ u t-Tajwan, skont ir-regola ta' inqas dazju tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni qabblet il-marġnijiet tad-dannu u l-marġnijiet tad-dumping. L-ammont tar-rati tad-dazju għandu jkun issettjat fil-livell tal-inqas ammont bejn il-marġinijiet tad-dumping u tad-dannu.
(231) Kif imsemmi fil-premessa (4) hawn fuq, il-Kummissjoni għamlet li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw mir-RPĊ u t-Tajwan soġġetti għal reġistrazzjoni bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1331/2014 minħabba l-possibbiltà tal-applikazzjoni retroattiva ta' kull miżura antidumping u kompensatorja skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 16(4) tar-Regolament tal-Kunsill (RK) Nru 597/2009 tal-11 ta' Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea ('ir-Regolament bażiku antisussidji').
(232) Rigward din l-investigazzjoni antidumping u fid-dawl tas-sejbiet imsemmijin hawn fuq, ir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet għall-finijiet tal-investigazzjoni antidumping skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku għandha tieqaf hawn.
(233) Rigward l-investigazzjoni antisussidji parallela (ara l-premessa (3) iktar 'il fuq), ir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet mir-RPĊ skont l-Artikoli 24(5) tar-Regolament bażiku antisussidji għandha tibqa'.
(234) F'dan l-istadju tal-proċediment ma tista' tittieħed l-ebda deċiżjoni dwar l-applikazzjoni retroattiva possibbli tal-miżuri anti-dumping.
(235) Fuq il-bażi ta' dan li ntqal hawn fuq, ir-rati ta' dazju antidumping provviżorji, mogħtija skont il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazji doganali mhux imħallsa, għandhom ikunu kif ġej: Il-pajjiż Kumpanija Marġini tad-dumping (%) Marġini tad-dannu (%) Id-dazju antidumping provviżorju (%) Ir-RPĊ Baosteel Stainless Steel Co., Ltd. 34,9 25,2 25,2 Ningbo Baoxin Stainless Steel Co., Ltd. 34,9 25,2 25,2 Shanxi Taigang Stainless Steel Co., Ltd. 29,2 24,3 24,3 Tianjin TISCO & TPCO Stainless Steel Co., Ltd. 29,2 24,3 24,3 Kumpaniji oħra li kkooperaw 30,0 24,5 24,5 Il-kumpaniji kollha l-oħrajn 34,9 25,2 25,2 It-Tajwan Chia Far Industrial Factory Co., Ltd. 12,0 23,9 12,0 Tang Eng Iron Works Co., Ltd. 10,9 22,9 10,9 Yieh United Steel Corporation 10,9 22,9 10,9 Kumpaniji oħra li kkooperaw 10,9 22,9 10,9 Il-kumpaniji kollha l-oħrajn 12,0 23,9 12,0
(236) Ir-rati tad-dazju antidumping ta' kumpaniji individwali speċifikati f'dan ir-Regolament ġew stabbiliti fuq il-bażi tas-sejbiet ta' din l-investigazzoni. Għaldaqstant, dawn kienu jirriflettu s-sitwazzjoni misjuba waqt din l-investigazzjoni fir-rigward ta' dawn il-kumpaniji. Dawn ir-rati ta' dazju huma applikabbli esklużivament għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mill-pajjiżi kkonċernati u prodott mill-entitajiet legali msemmija. L-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat prodott minn kull kumpanija oħra mhux imsemmija b'mod speċifiku fil-parti operattiva ta' dan ir-Regolament, inklużi entitajiet relatati ma' dawk imsemmija b'mod speċifiku, għandhom ikunu soġġetti għar-rata ta' dazju applikabbli għall-kumpaniji kollha l-oħrajn. Ma għandhomx ikunu soġġetti għal xi rata individwali ta' dazju antidumping.
(237) Kumpanija tista' titlob l-applikazzjoni ta' dawn ir-rati tad-dazju antidumping individwali jekk imbagħad tibdel l-isem tal-entità tagħha. It-talba għandha tkun indirizzata lill-Kummissjoni. It-talba għandha tinkludi l-informazzjoni kollha rilevanti li turi li l-bidla ma taffettwax lid-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem tal-kumpanija ma taffettwax lid-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata ta' dazju li tapplika għaliha, tiġi ppubblikata notifika ta' informazzjoni dwar il-bidla tal-isem f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
(238) Biex ikun żgurat infurzar xieraq ta' dazji antidumping, ir-rata tad-dazju antidumping għall-'kumpaniji kollha l-oħrajn' għandha tkun applikata mhux biss għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx f'din l-investigazzjoni, imma anki għall-produtturi li ma kellhomx esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni.
(239) Mis-26 ta' Marzu 2015, dazju antidumping provviżorju jipprovdi għall-protezzjoni kontra importazzjonijiet li jkunu l-oġġett ta' dumping. Għalhekk ma għadx hemm iktar bżonn li jiġu rreġistrati l-importazzjonijiet għall-finijiet ta' protezzjoni kontra importazzjonijiet oġġett ta' dumping. L-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1331/2014 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
(240) Fl-interessi ta' amministrazzjoni tajba, il-Kummissjoni se tistieden lill-partijiet interessati jissottomettu kummenti bil-miktub u/jew jitolbu seduta mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċeduri kummerċjali bi skadenza fissa.
(241) Is-sejbiet li jikkonċernaw l-impożizzjoni ta' dazju provviżorju huma provviżorji u jistgħu jkunu emendati fl-istadju definittiv tal-investigazzjoni,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Id-dazju antidumping provviżorju huwa impost fuq importazzjonijiet ta' prodotti ċatti tal-azzar, mhux maħdumin aktar ħlief għal laminazzjoni fil-kesħa (imnaqqsa bil-kesħa), li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet tan-NM 72193100, 72193210, 72193290, 72193310, 72193390, 72193410, 72193490, 72193510, 72193590, 72202021, 72202029, 72202041, 72202049, 72202081 u 72202089 u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mit-Tajwan.
2. Ir-rati tad-dazju antidumping provviżorji applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni (free-at-Union-frontier), qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u manifatturat mill-kumpaniji elenkati hawn taħt, ikunu kif ġej: Il-pajjiż Kumpanija Id-dazju antidumping provviżorju % Kodiċi TARIC addizzjonali Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina Baosteel Stainless Steel Co., Ltd, Shanghai 25,2 C022 Ningbo Baoxin Stainless Steel Co., Ltd, Ningbo 25,2 C023 Shanxi Taigang Stainless Steel Co., Ltd, il-Belt ta' Taiyuan 24,3 C024 Tianjin TISCO & TPCO Stainless Steel Co., Ltd, il-Belt ta' Tianjin 24,3 C025 Kumpaniji oħrajn li kkooperaw elenkati fl-Anness I 24,5 Il-kumpaniji kollha l-oħrajn 25,2 C999 It-Tajwan Chia Far Industrial Factory Co., Ltd, il-Belt ta' Taipei 12,0 C030 Tang Eng Iron Works Co., Ltd, il-Belt ta' Kaohsiung 10,9 C031 Yieh United Steel Corporation, il-Belt ta' Kaohsiung 10,9 C032 Kumpaniji oħrajn li kkooperaw elenkati fl-Anness II 10,9 Il-kumpaniji kollha l-oħrajn 12,0 C999
3. Ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni, tal-prodott imsemmi fil-paragrafu 1, huwa soġġett għall-forniment ta' depożitu ta' garanzija ekwivalenti għall-ammont tad-dazju provviżorju.
4. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti fis-seħħ rigward id-dazji doganali.
Artikolu 2
1. Fi żmien 25 jum kalendarju mid-data li fiha jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, il-partijiet interessati jistgħu:
1.
(a) Jitolbu l-iżvelar tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom ġie adottat dan ir-Regolament;
(b) Jippreżentaw il-kummenti tagħhom bil-miktub lill-Kummissjoni; u
(c) Jitobu smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali.
2. Fi żmien 25 jum kalendarju mid-data li fih jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, il-partijiet imsemmijin fl-Artikolu 21(4) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 jistgħu jikkummentaw fuq l-applikazzjoni tal-miżuri provviżorji.
Artikolu 3 Fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2014 għandu jinbidel b'dan li ġej:
Artikolu 3
1. Bil-preżenti, skont l-Artikolu 24(5) tar-Regolament (KE) Nru 597/2009, l-Awtoritajiet doganali huma ordnati li jieħdu l-passi xierqa sabiex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' prodotti ċatti tal-azzar inossidabbli, mhux maħdumin iktar ħlief illaminati bil-kesħa (imnaqqsa bil-kesħa) li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet tan-NM 72193100, 72193210, 72193290, 72193310, 72193390, 72193410, 72193490, 72193510, 72193590, 72202021, 72202029, 72202041, 72202049, 72202081 u 72202089, u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.
Artikolu 4 Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 1 japplika għal perjodu ta' sitt xhur.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Marzu 2015. Għall-Kummissjoni Il-President Jean-Claude Juncker
ANNEX
ANNESS I Produtturi esportaturi miċ-Ċina li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun
Il-pajjiż Isem Kodiċi TARIC addizzjonali Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina Lianzhong Stainless Steel Corporation, Guangzhou C026 Ningbo Qi Yi Precision Metals Co., Ltd., Ningbo C027 Tianjin Lianfa Precision Steel Corporation, Tianjin C028 Zhangjiagang Pohang Stainless Steel Co., Ltd., Zhangjiagang City C029
ANNESS II Produtturi esportaturi mit-Tajwan li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun
Il-pajjiż Isem Kodiċi TARIC addizzjonali It-Tajwan Jie Jin Material Science Technology Co., Ltd., Tainan City C033 Yuan Long Stainless Steel Corporation, Kaohsiung City C034