Gelex

Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/54 tas-17 ta' Novembru 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni dwar ir-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni u dawk tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni u ta' Sottokumitati, tat-twaqqif ta' żewġ Sottokumitati, u tad-delega ta' ċerti setgħat mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ

In forceVersion 2014-11-17
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2015/54@2014-11-17/mt

Contents
  1. Preamble
  2. Artikolu 1
  3. DEĊIŻJONI Nru 1/2014 TAL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE — ĠEORĠJA ta' … li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu u dawk tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni u ta' Sottokumitati
  4. ANNEX
  5. ANNESS I REGOLI TA' PROĊEDURA TAL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI
  6. Artikolu 1 Dispożizzjonijiet ġenerali
  7. Artikolu 2 Presidenza
  8. Artikolu 3 Laqgħat
  9. Artikolu 4 Rappreżentanza
  10. Artikolu 5 Delegazzjonijiet
  11. Artikolu 6 Segretarjat
  12. Artikolu 7 Korrispondenza
  13. Artikolu 8 Kunfidenzjalità
  14. Artikolu 9 Aġendi għal-laqgħat
  15. Artikolu 10 Minuti
  16. 2.
  17. Artikolu 11 Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet
  18. Artikolu 12 Lingwi
  19. Artikolu 13 Spejjeż
  20. Artikolu 14 Kumitat ta' Assoċjazzjoni
  21. Artikolu 15 L-emendament tar-Regoli ta' Proċedura
  22. ANNESS II REGOLI TA' PROĊEDURA TAL-KUMITAT TA' ASSOĊJAZZJONI U TAS-SOTTOKUMITATI
  23. Artikolu 1 Dispożizzjonijiet ġenerali
  24. Artikolu 2 Presidenza
  25. Artikolu 3 Laqgħat
  26. Artikolu 4 Delegazzjonijiet
  27. Artikolu 5 Segretarjat
  28. Artikolu 6 Korrispondenza
  29. Artikolu 7 Dokumenti
  30. Artikolu 8 Kunfidenzjalità
  31. Artikolu 9 Aġendi għal-laqgħat
  32. Artikolu 10 Minuti u konklużjonijiet operazzjonali
  33. 2.
  34. Artikolu 11 Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet
  35. Artikolu 12 Rapporti
  36. Artikolu 13 Lingwi
  37. Artikolu 14 Spejjeż
  38. Artikolu 15 L-emendament tar-Regoli ta' Proċedura
  39. Artikolu 16 Sottokumitati, kumitati jew korpi speċjali
  40. DEĊIŻJONI Nru 2/2014 TAL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE — ĠEORĠJA ta' … dwar l-istabbiliment ta' żewġ Sottokumitati
  41. LISTA TA' SOTTOKUMITATI
  42. DEĊIŻJONI Nru 3/2014 TAL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE — ĠEORĠJA ta'… dwar id-delega ta' ċerti setgħat mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 217 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 101 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1) L-Artikolu 431 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (il-Ftehim), jipprevedi l-applikazzjoni provviżorja ta' parti mill-Ftehim.

(2) L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/494/UE jispeċifika liema partijiet tal-Ftehim għandhom jiġu applikati provviżorjament.

(3) Skont l-Artikolu 405(2) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tiegħu stess.

(4) Skont l-Artikolu 405(3) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jiġi ppresedut alternattivament minn rappreżentant tal-Unjoni u rappreżentant tal-Ġeorġja.

(5) Skont l-Artikolu 407(1) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jkun megħjun fit-twettiq tad-dmirijiet u l-funzjonijiet tiegħu minn Kumitat ta' Assoċjazzjoni filwaqt li skont l-Artikolu 408(1) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jiddetermina fir-regoli ta' proċedura tiegħu d-dmirijiet u l-funzjonament tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni.

(6) Skont l-Artikolu 409(2) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jista' jiddeċiedi li jistabbilixxi kwalunkwe sottokumitat jew korp speċjali f'oqsma speċifiċi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Ftehim li jista' jassisti l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu. Skont l-Artikolu 409(3) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jista' joħloq wkoll sottokumitati.

(7) Skont l-Artikolu 404(1) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni huwa responsabbli għas-sorveljanza u l-monitoraġġ tal-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehim. Konformement mal-Artikolu 408(2) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jista' jiddelega lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni kwalunkwe setgħa tiegħu, inkluża s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet vinkolanti. Huwa kunsiljabbli li l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jiddelega s-setgħa li jaġġorna jew jemenda l-Annessi ta' dan il-Ftehim li jikkonċernaw il-Kapitoli 1, 3, 5, 6 (Anness XV-C tal-Ftehim) u 8 tat-Titolu IV (Kummerċ u Kwistjonijiet relatati mal-Kummerċ) tal-Ftehim, skont l-Artikolu 406(3) u l-Artikolu 408(2) tal-Ftehim, lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ, kif stabbilit fl-Artikolu 408(4) tal-Ftehim, safejn ma hemmx dispożizzjonijiet speċifiċi f'dawk il-Kapitoli dwar l-aġġornament jew l-emendament ta' dawk l-Annessi.

(8) Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim, ir-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni u dawk tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni u ta' Sottokumitati għandhom jiġu adottati malajr kemm jista' jkun u għandu jkun possibbli li jiġu adottati permezz ta' proċedura bil-miktub.

(9) Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandha għalhekk tkun ibbażata fuq l-abbozzi ta' Deċiżjonijiet li jinsabu mehmużin,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni stabbilit permezz tal-Artikolu 404 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozzi ta' deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni li jinsabu mehmużin ma' din id-Deċiżjoni fir-rigward ta':

l-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni u dawk tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni u ta' Sottokumitati,

l-istabbiliment ta' żewġ Sottokumitati, u

id-delega ta' ċerti setgħat mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ, kif stabbilit fl-Artikolu 408(4) tal-Ftehim.

2. Bidliet tekniċi żgħar fl-abbozzi ta' deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jistgħu jiġu miftiehma mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill tal-Assoċjazzjoni mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2 Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jkun ippresedut min-naħa tal-Unjoni mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.

Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Novembru 2014. Għall-Kunsill Il-President F. Mogherini Għall-Kummissjoni Il-President J.-C. Juncker

DEĊIŻJONI Nru 1/2014 TAL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE — ĠEORĠJA ta' … li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu u dawk tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni u ta' Sottokumitati

ABBOZZ IL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE — ĠEORĠJA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (il-Ftehim) u b'mod partikolari l-Artikolu 404 tiegħu,

Billi:

(1) Skont l-Artikolu 431 tal-Ftehim, partijiet mill-Ftehim ġew applikati provviżorjament mill-1 ta' Settembru 2014.

(2) Skont l-Artikolu 405(2) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tiegħu stess.

(3) Skont l-Artikolu 407(1) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jkun megħjun fit-twettiq tad-dmirijiet u l-funzjonijiet tiegħu minn Kumitat ta' Assoċjazzjoni filwaqt li skont l-Artikolu 408(1) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jiddetermina fir-regoli ta' proċedura tiegħu d-dmirijiet u l-funzjonament tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Ir-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni u dawk tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni u ta' Sottokumitati, kif stabbiliti fl-Annessi I u II rispettivament, huma b'dan adottati.

Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi …, Għall-Kunsill ta' Assoċjazzjoni Il-Presidenza

ANNEX

ANNESS I REGOLI TA' PROĊEDURA TAL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI

Artikolu 1 Dispożizzjonijiet ġenerali

1. Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 404(1) tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (il-Ftehim), għandu jwettaq id-dmirijiet tiegħu kif previst fl-Artikoli 404 u 406 tal-Ftehim.

2. Kif previst fl-Artikolu 405(1) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jkun magħmul minn membri tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u membri tal-Kummissjoni Ewropea, fuq naħa waħda, u minn membri tal-Gvern tal-Ġeorġja, fuq in-naħa l-oħra. Il-kompożizzjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandha tqis il-kwistjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu indirizzati f'kull laqgħa. Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jiltaqa' fil-livell ministerjali.

3. Kif previst fl-Artikolu 406(1) tal-Ftehim, u sabiex jilħaq l-objettivi tiegħu, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jkollu s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet li huma vinkolanti fuq il-Partijiet. Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jieħu l-miżuri xierqa għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tiegħu, inkluż, jekk meħtieġ, billi jagħti s-setgħa lil entitajiet speċifiċi stabbiliti taħt il-Ftehim sabiex jaġixxu f'ismu. Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jista' jagħmel ukoll rakkomandazzjonijiet. Huwa għandu jadotta d-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu bi ftehim bejn il-Partijiet wara t-tlestija tal-proċeduri interni rispettivi għall-adozzjoni tagħhom. Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jista' jiddelega s-setgħat tiegħu lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni.

4. Il-Partijiet f'dawn ir-Regoli ta' Proċedura huma dawk kif definiti fl-Artikolu 428 tal-Ftehim.

Artikolu 2 Presidenza

Il-Partijiet għandhom iżommu l-presidenza tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, b'mod alternat, għal perjodu ta' 12-il xahar. L-ewwel perjodu għandu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni u jintemm fil-31 ta' Diċembru tal-istess sena.

Artikolu 3 Laqgħat

1. Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jiltaqa' mill-inqas darba fis-sena, u meta ċ-ċirkostanzi jeħtieġu dan, bi ftehim reċiproku bejn il-Partijiet. Sakemm ma jintlaħaqx ftehim mod ieħor mill-Partijiet, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jsir fil-post fejn is-soltu jsiru l-laqgħat tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

2. Kull sessjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandha tinżamm f'data miftiehma mill-Partijiet.

3. Il-laqgħat tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jissejħu b'mod konġunt mis-Segretarji tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, bi qbil mal-President tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni mhux aktar tard minn 30 jum kalendarju qabel id-data tal-laqgħa.

Artikolu 4 Rappreżentanza

1. F'każ li l-membri tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni ma jkunux jistgħu jattendu jkunu jistgħu jiġu rrappreżentati. Jekk membru jkun jixtieq jiġi rrappreżentat, għandu jinnotifika lill-Presidenza tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bil-miktub bl-isem tar-rappreżentant tiegħu qabel ma tibda l-laqgħa li fiha l-membru jkun se jiġi rrappreżentat.

2. Ir-rappreżentant ta' membru tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jeżerċita d-drittijiet kollha ta' dak il-membru.

Artikolu 5 Delegazzjonijiet

1. Il-membri tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jistgħu jkunu akkumpanjati mill-uffiċjali. Qabel kull laqgħa, il-Presidenza tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandha tiġi infurmata, permezz tas-Segretarjat tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, dwar il-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjoni ta' kull Parti.

2. Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jista', bi qbil bejn il-Partijiet, jistieden rappreżentanti ta' korpi oħra tal-Partijiet jew esperti indipendenti fil-qasam biex jattendu għal-laqgħat tiegħu bħala osservaturi jew sabiex jipprovdu informazzjoni fuq suġġetti partikolari. Il-Partijiet għandhom jaqblu dwar it-termini u l-kundizzjonijiet li taħthom dawk l-osservaturi jkunu jistgħu jattendu l-laqgħat.

Artikolu 6 Segretarjat

Uffiċjal tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u uffiċjal tal-Ġeorġja għandhom jaġixxu b'mod konġunt bħala Segretarji tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni.

Artikolu 7 Korrispondenza

1. Il-korrispondenza indirizzata lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandha tintbagħat jew lis-Segretarju jew tal-Unjoni jew lis-Segretarju tal-Ġeorġja, li min-naħa tiegħu jgħarraf lis-Segretarju l-ieħor.

2. Is-Segretarjati tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandhom jiżguraw li l-korrispondenza tiġi trażmessa lill-Presidenza tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni u, skont il-każ, imqassma lill-membri tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni.

3. Il-korrispondenza ċċirkolata b'dan il-mod għandha tintbagħat, skont il-każ, lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, ir-Rappreżentanti Permanenti tal-Istati Membri għall-Unjoni Ewropea u lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll lill-Missjoni tal-Ġeorġja għall-Unjoni Ewropea.

4. Il-komunikazzjonijiet mill-President għandhom jintbagħtu lid-destinatarji mis-Segretarjati f'isem il-President tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni. Tali komunikazzjonijiet jiġu ċċirkolati, skont il-każ, lill-membri tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni kif previst fil-paragrafu 3.

Artikolu 8 Kunfidenzjalità

Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Partijiet, il-laqgħat tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni ma jkunux pubbliċi. Meta Parti tippreżenta informazzjoni mmarkata bħala kunfidenzjali lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, il-Parti l-oħra għandha tittratta dik l-informazzjoni bħala tali.

Artikolu 9 Aġendi għal-laqgħat

1. Il-Presidenza tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandha tfassal aġenda provviżorja għal kull laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni. Din għandha tintbagħat mis-Segretarji tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 7 mhux aktar tard minn 15-il jum kalendarju qabel il-laqgħa. L-aġenda provviżorja tinkludi dawk il-punti li fir-rigward tagħhom il-President ikun irċieva talba għall-inklużjoni tagħhom fl-aġenda sa mhux aktar tard minn 21 jum qabel il-bidu tal-laqgħa. Dawn il-punti ma jinkitbux fl-aġenda provviżorja sakemm id-dokumenti ta' sostenn rilevanti ma jkunux intbagħtu lis-Segretarji qabel id-data li fiha tintbagħat l-aġenda.

2. L-aġenda għandha tkun adottata mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni fil-bidu ta' kull laqgħa. Punt ieħor apparti dawk li jidhru fl-aġenda provviżorja jista' jitqiegħed fuq l-aġenda, jekk il-Partijiet jaqblu li jsir dan.

3. Il-President jista', b'konsultazzjoni mal-Partijiet, iqassar il-limiti ta' żmien speċifikati fil-paragrafu 1 sabiex iqis il-ħtiġijiet ta' każ partikolari.

Artikolu 10 Minuti

1. Għandu jitħejja abbozz tal-minuti ta' kull laqgħa b'mod konġunt miż-żewġ Segretarji tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni.

2. Bħala regola ġenerali, il-minuti għandhom jindikaw dawn li ġejjin fir-rigward ta' kull punt fuq l-aġenda:

2.

(a) id-dokumentazzjoni ppreżentata lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni;

(b) id-dikjarazzjonijiet li membru tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jkun talab li jiddaħħlu fil-minuti, u

(c) kwistjonijiet li dwarhom ikun intlaħaq qbil bejn il-Partijiet, id-deċiżjonijiet adottati, id-dikjarazzjonijiet li kien hemm qbil dwarhom u kull konklużjoni.

3. L-abbozz tal-minuti għandu jiġi ppreżentat lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għall-approvazzjoni. Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu japprova dak l-abbozz tal-minuti fil-laqgħa tiegħu li jmiss. Alternattivament, l-abbozz ta' minuti jista' jiġi approvat bil-miktub.

Artikolu 11 Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1. Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jieħu deċiżjonijiet u jagħmel rakkomandazzjonijiet bi ftehim reċiproku bejn il-Partijiet u mat-tlestija tal-proċeduri interni rispettivi.

2. Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jista' jieħu wkoll deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jekk il-Partijiet jaqblu li jsir dan. Għal dan il-għan, it-test tal-proposta għandu jiġi ċċirkolat bil-miktub mill-President tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni lill-membri tiegħu skont l-Artikolu 7, b'limitu ta' żmien ta' mhux anqas minn 21 jum kalendarju li fih il-membri għandhom jgħarrfu r-riżervi jew l-emendi li jixtiequ jagħmlu. Il-Presidenza tista' tqassar il-limitu ta' żmien imsemmi sabiex jittieħed kont tal-ħtiġijiet ta' xi każ partikolari, b'konsultazzjoni mal-Partijiet.

3. L-atti tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, fit-tifsira tal-Artikolu 406(1) tal-Ftehim, għandhom ikunu intitolati Deċiżjoni jew Rakkomandazzjoni rispettivament, segwiti bin-numru tas-serje, bid-data tal-adozzjoni tagħhom u b'deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom. Dawk id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandhom jiġu ffirmati mill-Presidenza u awtentikati miż-żewġ Segretarji tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni. Dawk id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu ċċirkolati lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 7 ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura. Kull Parti tista' tiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.

4. Kull deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha sakemm id-deċiżjoni ma tipprovdix mod ieħor.

Artikolu 12 Lingwi

1. Il-lingwi uffiċjali tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandhom ikunu l-lingwi uffiċjali tal-Partijiet.

2. Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jibbaża d-deliberazzjonijiet tiegħu fuq dokumentazzjoni mħejjija f'dawk il-lingwi.

Artikolu 13 Spejjeż

1. Kull Parti għandha tkopri l-ispejjeż li hija tagħmel bħala riżultat tal-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, kemm fir-rigward tal-persunal, l-ivvjaġġar u l-ispejjeż ta' sussistenza kif ukoll fir-rigward tal-ispejjeż ta' posta u telekomunikazzjoni.

2. In-nefqa li għandha x'taqsam mas-servizzi ta' interpretazzjoni fil-laqgħat, traduzzjoni u riproduzzjoni tad-dokumenti għandhom jitħallsu mill-Unjoni. F'każ li l-Ġeorġja teħtieġ interpretazzjoni jew traduzzjoni għal jew minn lingwi oħra barra dawk previsti fl-Artikolu 12, l-ispejjeż relatati magħhom għandhom jitħallsu mill-Ġeorġja.

3. Spejjeż oħrajn relatati mal-organizzazzjoni materjali tal-laqgħat għandhom jitħallsu mill-Parti li tospita l-laqgħat.

Artikolu 14 Kumitat ta' Assoċjazzjoni

1. Skont l-Artikolu 407(1) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jkun megħjun fit-twettiq tad-dmirijiet u l-funzjonijiet tiegħu mill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandhu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet, fil-prinċipju f'livell ta' uffiċjal pubbliku anzjan.

2. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandu jħejji l-laqgħat u d-deliberazzjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni fejn xieraq u jiżgura l-kontinwità tar-relazzjoni ta' assoċjazzjoni u l-funzjonament korrett tal-Ftehim b'mod ġenerali. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandu jqis kull kwistjoni li titressaq quddiemu mingħand il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni kif ukoll kull kwistjoni li tista' tinqala' matul l-implimentazzjoni tal-Ftehim. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandu jippreżenta proposti jew kwalunkwe abbozz ta' deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet għal approvazzjoni lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni. Skont l-Artikolu 408(2) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jista' jiddelega s-setgħa deċiżjonali lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni.

3. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandu jieħu d-deċiżjonijiet u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li għalihom huwa ġie awtorizzat taħt il-Ftehim.

4. F'każijiet fejn il-Ftehim jirriferi għal obbligu ta' konsultazzjoni jew possibbiltà ta' konsultazzjoni jew fejn il-Partijiet jiddeċiedu bi ftehim komuni biex jikkonsultaw lil xulxin, din il-konsultazzjoni tista' ssir fil-Kumitat ta' Assoċjazzjoni, ħlief fejn previst mod ieħor fil-Ftehim. Il-konsultazzjoni tista' tkompli fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk.

Artikolu 15 L-emendament tar-Regoli ta' Proċedura

Dawn ir-Regoli ta' Proċedura jistgħu jiġu emendati skont l-Artikolu 11.

ANNESS II REGOLI TA' PROĊEDURA TAL-KUMITAT TA' ASSOĊJAZZJONI U TAS-SOTTOKUMITATI

Artikolu 1 Dispożizzjonijiet ġenerali

1. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni, stabbilit skont l-Artikolu 407(1) tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (il-Ftehim), għandu jgħin lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni fit-twettiq tad-dmirijiet u tal-funzjonijiet tiegħu u jwettaq il-kompiti stipulati fil-Ftehim u assenjati lilu mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni. Skont l-Artikolu 408(1) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jiddetermina fir-Regoli ta' Proċedura tiegħu d-dmirijiet u l-funzjonament tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni.

2. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandu jħejji l-laqgħat u d-deliberazzjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, jimplimenta d-deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni fejn xieraq u jiżgura l-kontinwità tar-relazzjoni ta' assoċjazzjoni u l-funzjonament korrett tal-Ftehim b'mod ġenerali. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandu jqis kull kwistjoni li titressaq quddiemu mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni kif ukoll kull kwistjoni li tista' tinqala' matul l-implimentazzjoni ta' kuljum tal-Ftehim. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandu jippreżenta proposti jew abbozzi ta' deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet għall-adozzjoni lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni.

3. Kif previst fl-Artikolu 407(2) tal-Ftehim, il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet, fil-prinċipju f'livell ta' uffiċjal pubbliku anzjan, li jkunu responsabbli għall-kwistjonijiet speċifiċi li jridu jiġu indirizzati f'kull sessjoni partikolari.

4. Skont l-Artikolu 408(4) tal-Ftehim, meta l-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ, kif stabbilit fl-Artikolu 408(4) tal-Ftehim (il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ), iwettaq il-kompiti mogħtija lilu taħt it-Titolu IV tal-Ftehim, huwa jkun kompost minn uffiċjali anzjani tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Ġeorġja li jkunu responsabbli għall-kummerċ u għal kwistjonijiet relatati mal-kummerċ. Rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea jew tar-Repubblika tal-Ġeorġja li jkunu responsabbli għall-kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ jaġixxi bħala President tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ skont l-Artikolu 2 ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura. Fil-laqgħat jattendi wkoll rappreżentant tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

5. Kif previst fl-Artikolu 408(3) tal-Ftehim, il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jkollu s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet fil-każijiet previsti f'dan il-Ftehim u f'oqsma li fihom il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni ddelega s-setgħat lilu. Dawk id-deċiżjonijiet huma vinkolanti għall-Partijiet, li jieħdu l-miżuri xierqa biex iwettquhom. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu bi ftehim bejn il-Partijiet, wara t-tlestija tal-proċeduri interni rispettivi għall-adozzjoni tagħhom.

6. Il-Partijiet f'dawn ir-Regoli ta' Proċedura għandhom ikunu definiti kif previst fl-Artikolu 428 tal-Ftehim.

Artikolu 2 Presidenza

Il-Partijiet għandhom iżommu l-presidenza tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni, fuq bażi ta' alternanza, għal perjodi ta' 12-il xahar. L-ewwel perjodu għandu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni u jintemm fil-31 ta' Diċembru tal-istess sena.

Artikolu 3 Laqgħat

1. Ħlief fejn ikun miftiehem mod ieħor mill-Partijiet, il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandu jiltaqa' b'mod regolari, minn tal-inqas darba fis-sena. Jistgħu jsiru sessjonijiet speċjali tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fuq talba ta' waħda mill-Partijiet, jekk il-Partijiet jaqblu li jsir dan.

2. Kull laqgħa tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandha tissejjaħ mill-Presidenza tagħha f'post u fi żmien li dwarhom ikun hemm qbil bejn il-Partijiet. L-avviż li jsejjaħ il-laqgħa għandu jinħareġ mis-Segretarjat tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni mhux aktar tard minn 28 jum qabel il-bidu tal-laqgħa sakemm il-Partijiet ma jiftehmux mod ieħor.

3. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ għandu jiltaqa' mill-inqas darba fis-sena u meta ċ-ċirkostanzi jeħtieġu dan. Kull laqgħa tissejjaħ mill-President tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ f'post, f'data u bil-mezzi li dwarhom ikun hemm qbil bejn il-Partijiet. L-avviż li jsejjaħ il-laqgħa jinħareġ mis-Segretarjat tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ mhux aktar tard minn 15-il jum qabel il-bidu tal-laqgħa sakemm il-Partijiet ma jiftehmux mod ieħor.

4. Kull fejn possibbli, il-laqgħa regolari tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandha tissejjaħ fi żmien xieraq qabel il-laqgħa regolari tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni.

5. F'każijiet eċċezzjonali, u jekk jaqblu dwar dan il-Partijiet, il-laqgħat tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jistgħu jsiru permezz ta' mezzi teknoloġiċi li jintlaħaq qbil dwarhom, bħal vidjokonferenza.

Artikolu 4 Delegazzjonijiet

Qabel kull laqgħa, il-Partijiet għandhom jiġu infurmati, permezz tas-Segretarjat tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni, bil-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjonijiet li jkunu se jattendu l-laqgħa fuq iż-żewġ naħat.

Artikolu 5 Segretarjat

1. Uffiċjal tal-Unjoni u uffiċjal tal-Ġeorġja għandhom jaġixxu b'mod konġunt bħala Segretarji tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni u jwettqu kompiti segretarjali b'mod konġunt sakemm dawn ir-Regoli ta' Proċedura ma jipprovdux mod ieħor, fi spirtu ta' fiduċja reċiproka u kooperazzjoni.

2. Uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea u uffiċjal tal-Ġeorġja li jkollhom ir-responsabbiltà għal kwistjonijiet kummerċjali u relatati mal-kummerċ għandhom jaġixxu b'mod konġunt bħala Segretarji tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ.

Artikolu 6 Korrispondenza

1. Il-korrispondenza indirizzata lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandha tintbagħat lis-Segretarju tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni ta' kwalunkwe waħda mill-Partijiet, li min-naħa tiegħu jgħarraf lis-Segretarju l-ieħor.

2. Is-Segretarjat tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandu jiżgura li l-korrispondenza indirizzata lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni tingħata lill-President tal-Kumitat u tiġi ċċirkolata, skont il-każ, bħala dokumenti msemmija fl-Artikolu 7 ta' dawn ir-regoli ta' proċedura.

3. Il-korrispondenza mill-President għandha tintbagħat lill-Partijiet mis-Segretarjat f'isem il-President. Din il-korrispondenza għandha tiġi ċċirkolata, skont il-każ, kif previst fl-Artikolu 7.

Artikolu 7 Dokumenti

1. Id-dokumenti għandhom jiġu ċċirkolati permezz tas-Segretarji tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni.

2. Parti għandha tibgħat id-dokumenti tagħha lis-Segretarju tagħha. Is-Segretarju għandu jibgħat dawn id-dokumenti lis-Segretarju tal-Parti l-oħra.

3. Is-Segretarju tal-Unjoni għandu jiċċirkola d-dokumenti lir-rappreżentanti rilevanti tal-Unjoni u jikkopja sistematikament lis-Segretarju tal-Ġeorġja f'din il-korrispondenza.

4. Is-Segretarju tal-Ġeorġja għandu jiċċirkola d-dokumenti lir-rappreżentanti rilevanti tal-Ġeorġja u għandu jikkopja sistematikament lis-Segretarju tal-Unjoni f'din il-korrispondenza.

Artikolu 8 Kunfidenzjalità

Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Partijiet, il-laqgħat tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni ma għandhomx ikunu pubbliċi. Meta Parti tippreżenta informazzjoni mmarkata bħala kunfidenzjali lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni, il-Parti l-oħra għanda tittratta dik l-informazzjoni bħala tali.

Artikolu 9 Aġendi għal-laqgħat

1. Għandha titfassal aġenda provviżorja għal kull laqgħa tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni kif ukoll abbozz tal-konklużjonijiet operazzjonali kif stipulat fl-Artikolu 10 mis-Segretarjat tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni abbażi tal-proposti li jsiru mill-Partijiet. L-aġenda provviżorja tkun tinkludi punti li s-Segretarjat tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jkun irċieva talba għall-inklużjoni tagħhom fl-aġenda mingħand Parti, sostnuti mid-dokumenti rilevanti, mhux aktar tard minn 21 jum kalendarju qabel id-data tal-laqgħa.

2. L-aġenda provviżorja, flimkien mad-dokumenti rilevanti, għandha tiġi ċċirkolata kif previst fl-Artikolu 7 mhux aktar tard minn 15-il jum qabel il-bidu tal-laqgħa.

3. L-aġenda għandha tiġi adottata mill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-bidu ta' kull laqgħa. Punti minbarra dawk li jidhru fl-aġenda provviżorja jistgħu jitqiegħdu fuq l-aġenda jekk il-Partijiet jaqblu li jsir dan.

4. Il-President tal-laqgħa tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jista', bil-qbil tal-Parti l-oħra, jistieden rappreżentanti ta' korpi oħra tal-Partijiet jew esperti indipendenti f'suġġett fuq bażi ad hoc biex jattendu l-laqgħat tiegħu biex jipprovdu informazzjoni fuq suġġetti speċifiċi. Il-Partijiet jiżguraw li dawn l-osservaturi jew esperti jirrispettaw kull rekwiżit ta' kunfidenzjalità.

5. Il-President tal-laqgħa tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jista', b'konsultazzjoni mal-Partijiet, iqassar il-limiti ta' żmien previsti fil-paragrafi 1 u 2 biex jieħu kont ta' ċirkostanzi speċjali.

Artikolu 10 Minuti u konklużjonijiet operazzjonali

1. Għandu jitħejja abbozz tal-minuti ta' kull laqgħa tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni b'mod konġunt mis-Segretarji tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni.

2. Bħala regola ġenerali, il-minuti għandhom jindikaw dawn li ġejjin fir-rigward ta' kull punt fuq l-aġenda:

2.

(a) lista tal-parteċipanti fil-laqgħa, lista ta' uffiċjali li jakkumpanjawhom u lista ta' kull osservatur jew espert li jattendi l-laqgħa;

(b) id-dokumentazzjoni ppreżentata lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni;

(c) id-dikjarazzjonijiet li l-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jkun talab li jiddaħħlu fil-minuti; u

(d) konklużjonijiet operazzjonali mil-laqgħa, kif previst fil-paragrafu (4).

3. L-abbozz tal-minuti għandu jiġi ppreżentat lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għall-approvazzjoni. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandu japprova dak l-abbozz tal-minuti fil-laqgħa tiegħu li jmiss. Alternattivament, dak l-abbozz tal-minuti jista' jiġi approvat bil-miktub. L-abbozz tal-minuti tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ għandu jiġi approvat fi żmien 28 jum kalendarju minn kull laqgħa. Għandha tintbagħat kopja lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 7.

4. Abbozz tal-konklużjonijiet operazzjonali ta' kull laqgħa għandu jitfassal mis-Segretarju tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni tal-Parti li jkollha l-presidenza tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni, u għandu jiġi ċċirkolat lill-Partijiet flimkien mal-aġenda, normalment mhux aktar tard minn 15-il jum qabel il-bidu tal-laqgħa. Dan l-abbozz għandu jiġi aġġornat matul il-laqgħa sabiex fi tmiem il-laqgħa, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Partijiet, il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jadotta l-konklużjonijiet operazzjonali, li jirriflettu l-azzjonijiet ta' segwitu li kien hemm qbil dwarhom mill-Partijiet. Ladarba jkun hemm qbil dwarhom, il-konklużjonijiet operazzjonali għandhom ikunu mehmużin mal-minuti u l-implimentazzjoni tagħhom għandha tiġi eżaminata mill-ġdid waqt kull laqgħa sussegwenti tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni. Għal dan il-għan il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandu jadotta mudell, li jippermetti li kull punt ta' azzjoni jiġi identifikat fi skadenza speċifika.

Artikolu 11 Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1. Fil-każijiet speċifiċi fejn il-Ftehim jagħti s-setgħa lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni li jieħu deċiżjonijiet jew fejn tali setgħa tkun ġiet iddelegata lilu mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, id-deċiżjonijiet jittieħdu minnu. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandu jagħmel ukoll rakkomandazzjonijiet. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għandhom isiru bi qbil reċiproku bejn il-Partijiet u meta jitlestew il-proċeduri interni rispettivi. Kull deċiżjoni jew rakkomandazzjoni għandha tiġi ffirmata mill-President tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni u awtentikata mis-Segretarji tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni.

2. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jista' jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jekk il-Partijiet jaqblu li jsir dan. Il-proċedura bil-miktub tikkonsisti minn skambju ta' noti bejn is-Segretarji, li jaġixxu bi ftehim mal-Partijiet. Għal dan il-għan, it-test tal-proposta jitqassam skont l-Artikolu 7, b'limitu ta' żmien ta' mhux anqas minn 21 jum kalendarju li fih kull riżerva jew emenda trid tiġi mgħarrfa. Il-President jista' jqassar il-perjodi ta' żmien speċifikati f'dan il-paragrafu biex jieħu kont ta' ċirkostanzi speċjali, b'konsultazzjoni mal-Partijiet. Ladarba jintlaħaq qbil dwar it-test, id-deċiżjoni jew ir-rakkomandazzjoni għandha tiġi ffirmata mill-President u awtentikata mis-Segretarji.

3. L-atti tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandhom jiġu intitolati Deċiżjoni jew Rakkomandazzjoni rispettivament. Kull deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha sakemm din ma tipprovdix mod ieħor.

4. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu ċċirkolati lill-Partijiet.

5. Kull Parti tista' tiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.

Artikolu 12 Rapporti

Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandu jirrapporta lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni dwar l-attivitajiet tiegħu u dawk tas-sottokumitati, il-gruppi ta' ħidma u l-korpi l-oħra tiegħu f'kull laqgħa regolari tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni.

Artikolu 13 Lingwi

1. Il-lingwi uffiċjali tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandhom ikunu l-lingwi uffiċjali tal-Partijiet.

2. Il-lingwi ta' ħidma tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandhom ikunu l-Ingliż u l-Ġeorġjan. Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jibbaża d-deliberazzjonijiet tiegħu fuq dokumentazzjoni mfassla f'kull waħda minn dawk il-lingwi.

Artikolu 14 Spejjeż

1. Kull Parti għandha tkopri l-ispejjeż li tagħmel minħabba l-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, kemm fir-rigward tal-persunal, l-ivvjaġġar u l-ispejjeż ta' sussistenza kif ukoll fir-rigward tal-ispejjeż ta' posta u telekomunikazzjoni.

2. L-ispejjeż marbutin mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u mar-riproduzzjoni tad-dokumenti għandhom jitħallsu mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.

3. L-ispejjeż marbutin ma' servizzi ta' interpretazzjoni fil-laqgħat, u t-traduzzjoni ta' dokumenti għal jew mill-Ingliż u l-Ġeorġjan kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) għandhom jitħallsu mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa. L-interpretazzjoni u t-traduzzjoni għal jew minn lingwi oħra għandhom jitħallsu direttament mill-Parti li tagħmel it-talba.

4. F'każijiet fejn tkun meħtieġa t-traduzzjoni ta' dokumenti bil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, in-nefqa għandha titħallas mill-Unjoni.

Artikolu 15 L-emendament tar-Regoli ta' Proċedura

Dawn ir-Regoli ta' Proċedura jistgħu jiġu emendati b'deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni skont l-Artikolu 408(1) tal-Ftehim.

Artikolu 16 Sottokumitati, kumitati jew korpi speċjali

1. Skont l-Artikolu 409(1) u (3) tal-Ftehim, il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jista' jiddeċiedi li jistabbilixxi kwalunkwe sottokumitat f'oqsma speċifiċi neċessarju għall-implimentazzjoni tal-Ftehim minbarra dawk li hemm stipulati fil-Ftehim, sabiex jgħin lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fit-twettiq ta' dmirijietu. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jista' jiddeċiedi li jtemm tali sottokumitat u jiddefinixxi jew jemenda r-regoli ta' proċedura tiegħu. Sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor, kwalunkwe tali sottokumitat għandu jaħdem taħt l-awtorità tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni, li lilu għandu jirrapporta wara kull laqgħa.

2. Sakemm ma jkunx previst mod ieħor mill-Ftehim jew miftiehem fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, dawn ir-Regoli ta' Proċeduri għandhom jiġu applikati mutatis mutandis għal kull sottokumitat kif imsemmi fil-paragrafu 1.

3. Il-laqgħat tas-sottokumitati jistgħu jinżammu b'mod flessibbli skont il-bżonn, personalment, fi Brussell jew u fil-Ġeorġja jew pereżempju permezz ta' vidjokonferenza. Is-sottokumitati għandhom iservu bħala pjattaforma biex jiġi sorveljat il-progress dwar l-approssimazzjoni f'oqsma speċifiċi, biex jiġu diskussi ċerti kwistjonijiet u sfidi li jirriżultaw minn dan il-proċess u biex jiġu fformulati rakkomandazzjonijiet u konklużjonijiet operazzjonali.

4. Is-Segretarjat tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandu jirċievi kopja tal-korrespondenza, dokumenti u komunikazzjonijiet rilevanti kollha li jikkonċernaw sottokumitat, kumitat jew korp speċjali.

5. Sakemm mhux stipulat mod ieħor fil-Ftehim jew miftiehem mill-Partijiet fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, kwalunkwe sottokumitat, kumitat jew korp speċjali għandu jkollu biss is-setgħa li jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni.

Artikolu 17 Dawn ir-Regoli ta' Proċedura għandhom japplikaw mutandis mutatis għall-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor.

DEĊIŻJONI Nru 2/2014 TAL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE — ĠEORĠJA ta' … dwar l-istabbiliment ta' żewġ Sottokumitati

ABBOZZ IL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE — ĠEORĠJA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (il-Ftehim) u b'mod partikolari l-Artikolu 409 tiegħu,

Billi:

(1) Skont l-Artikolu 431 il-Ftehim, partijiet mill-Ftehim jiġu applikati provviżorjament mill-1 ta' Settembru 2014.

(2) Skont l-Artikolu 409(2) tal-Ftehim il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jista' jiddeċiedi li jistabbilixxi kwalunkwe kumitat jew korp f'oqsma speċifiċi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Ftehim li jista' jassisti l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu.

(3) Sabiex jippermettu diskussjonijiet fil-livell ta' esperti dwar l-oqsma ewlenin li jaqgħu fl-ambitu tal-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim, għandhom jiġu stabbiliti żewġ sottokumitati.

(4) Bi ftehim tal-Partijiet, għandu jkun possibbli li jiġu modifikati l-lista ta' sottokumitati u l-ambitu tas-sottokumitati individwali,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Huma b'dan stabbiliti s-Sottokumitati elenkati fl-Anness.

Artikolu 2 Ir-Regoli ta' Proċedura tas-Sottokumitati elenkati fl-Anness huma regolati mill-Artikolu 16 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni u tas-Sottokumitati kif adottati bid-Deċiżjoni Nru 1/2014 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE — Ġeorġja.

Artikolu 3 Bil-qbil tal-Partijiet, jistgħu jsiru modifiki fil-lista tas-Sottokumitati elenkati fl-Anness u fl-ambitu tas-Sottokumitati individwali elenkati fl-Anness.

Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi …, Għall-Kunsill ta' Assoċjazzjoni Il-Presidenza

ANNEX

ANNESS

LISTA TA' SOTTOKUMITATI

(1) Sottokumitat għal-Libertà, Sigurtà u Ġustizzja

(2) Sottokumitat għall-Kooperazzjoni fl-Ekonomija u f'Setturi Oħrajn

DEĊIŻJONI Nru 3/2014 TAL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE — ĠEORĠJA ta'… dwar id-delega ta' ċerti setgħat mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ

ABBOZZ IL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE — ĠEORĠJA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (il-Ftehim) u b'mod partikolari l-Artikolu 406(3) u l-Artikolu 408(2) tiegħu,

Billi:

(1) Skont l-Artikolu 431 tal-Ftehim, partijiet tal-Ftehim ġew applikati provviżorjament mill-1 ta' Settembru 2014,.

(2) Skont l-Artikolu 404(1) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni huwa responsabbli sabiex jissorvelja u jimmonitorja l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehim.

(3) Skont l-Artikolu 408(2) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jista' jiddelega lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni kull waħda mis-setgħat li għandu, inkluża s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet vinkolanti.

(4) Skont l-Artikolu 408(4) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jiltaqa' f'konfigurazzjoni speċifika sabiex jindirizza l-kwistjonijiet kollha relatati mat-Titolu IV (Kummerċ u Kwistjonijiet relatati mal-Kummerċ) tal-Ftehim.

(5) Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni bla xkiel u f'waqtha tal-parti tal-Ftehim relatata maż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Profonda u Komprensiva, huwa xieraq li l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jiddelega s-setgħa tal-aġġornament jew l-emendament tal-Annessi tal-Ftehim li jikkonċernaw il-Kapitoli 1, 3, 5, 6 u 8 tat-Titlu IV (Kummerċ u Kwistjonijiet relatati mal-Kummerċ) tal-Ftehim lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ, kif stipulat fl-Artikolu 408(4) tal-Ftehim, sa fejn ma hemmx dispożizzjonijiet speċifiċi f'dawk il-Kapitoli tal-Ftehim relatati mal-aġġornament jew l-emendament ta' dawk l-Annessi tal-Ftehim,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni b'dan jiddelega s-setgħa tal-aġġornament jew l-emendament tal-Annessi tal-Ftehim li jikkonċernaw il-Kapitoli 1, 3, 5, 6 (Anness XV-C tal-Ftehim) u 8 tat-Titlu IV (Kummerċ u Kwistjonijiet relatati mal-Kummerċ) tal-Ftehim lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ, kif stipulat fl-Artikolu 408(4) tal-Ftehim, sa fejn ma hemmx dispożizzjonijiet speċifiċi f'dawk il-Kapitoli relatati mal-aġġornament jew l-emendament ta' dawk l-Annessi.

Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi …, Għall-Kunsill ta' Assoċjazzjoni Il-Presidenza

Versions

  1. 2014-11-17