Gelex

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/557 tal-31 ta' Marzu 2015 li temenda l-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE fejn tidħol l-entrata taċ-Ċina fil-lista ta' pajjiżi terzi u ta' partijiet fit-territorju tagħhom li minnhom hija awtorizzata l-importazzjoni fl-Unjoni ta' ekwidi ħajjin u ta' semen, ova u embrijuni tal-ispeċi ekwina (notifikata bid-dokument C(2015) 2070) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

In forceVersion 2015-03-31from 2015-04-01
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2015/557@2015-03-31/mt

Contents
  1. Preamble

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta' Lulju 1992 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta', u l-importazzjoni fil-Komunità ta' annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta' saħħa tal-annimali meħtieġa f'regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(I) tad-Direttiva 90/425/KEE, u b'mod partikolari l-Artikolu 17(3)(a) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2009/156/KE tat-30 ta' Novembru 2009 dwar kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-moviment u l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta' ekwidi, u b'mod partikolari l-Artikolu 12(1) u (4), u l-frażi introduttorja u l-punti (a) u (b) tal-Artikolu 19 tagħha,

Billi:

(1) Id-Direttiva 92/65/KEE tistabbilixxi kundizzjonijiet applikabbli għall-importazzjonijiet fl-Unjoni, fost l-oħrajn, ta' semen, ova u embrijuni tal-ispeċi ekwina. Tal-inqas, dawk il-kundizzjonijiet iridu jkunu ekwivalenti għal dawk applikabbli għall-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(2) Id-Direttiva 2009/156/KE tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni ta' ekwidi ħajjin fl-Unjoni. Din tipprevedi li l-importazzjonijiet ta' ekwidi fl-Unjoni jiġu awtorizzati biss minn dawk il-pajjiżi terzi li jkunu jissodisfaw ċertu rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali.

(3) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/211/KE tistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi, jew ta' partijiet fit-territorju tagħhom fejn tapplika r-reġjonalizzazzjoni, li minnhom l-Istati Membri jawtorizzaw l-importazzjoni ta' ekwidi u ta' semen, ova u embrijuni tagħhom, u tindika l-kundizzjonijiet l-oħra li huma applikabbli għal dawn l-importazzjonijiet. Din il-lista jistipulaha l-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE.

(4) Sabiex mit-8 sal-10 ta' Mejju tal-2015 jilqgħu avveniment ekwestri tal-Global Champions Tour, li qed jittella' fl-awspiċi tal-World Equestrian Federation (FEI), l-awtoritajiet kompetenti Ċiniżi talbu biex iż-żona metropolitana ta' Shanghai, li tinsab qrib l-ajruport internazzjonali, tiġi rikonoxxuta bħala żona ħielsa mill-mard tal-ekwini. Billi l-faċilitajiet li nbnew apposta fil-parkeġġ tal-EXPO 2010 huma biss temporanji, jixraq li dik iż-żona tingħata biss approvazzjoni temporanja.

(5) Fid-dawl tal-garanziji u l-informazzjoni li taw l-awtoritajiet Ċiniżi u sabiex, għal perjodu ta' żmien limitat, minn parti mit-territorju taċ-Ċina jitħallew jidħlu żwiemel irreġistrati wara esportazzjoni temporanja skont ir-rekwiżiti tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/195/KEE, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/127/UE li tapprova r-reġjun CN-2 b'mod temporanju.

(6) Billi l-avveniment ekwestri se jerġa' jsir fl-2015 bl-istess kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali u ta' kwarantina li kienu japplikaw fl-2014, jixraq li tiġi adattata d-data għar-reġjun CN-2 fil-kolonna 15 tat-tabella fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE.

(7) Għalhekk, id-Deċiżjoni 2004/211/KE għandha tiġi emendata skont dan.

(8) Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Fil-kolonna 15 tal-linja li tikkorrispondi għar-reġjun CN-2 taċ-Ċina fit-tabella fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE, il-kliem Validi mit-30 ta' Mejju sat-30 ta' Ġunju 2014 jinbidel bil-kliem Validi mill-25 ta' April sal-25 ta' Mejju 2015.

Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Marzu 2015. Għall-Kummissjoni Vytenis Andriukaitis Membru tal-Kummissjoni

Versions

  1. 2015-03-31