Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/628 tat-22 ta' April 2015 li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH) fir-rigward taċ-ċomb u l-komposti tiegħu (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2015/628@2015-04-22/mt
Contents
Il-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni, u b'mod partikolari l-Artikolu 68(1) tiegħu,
Billi:
(1) Fil-21 ta' Diċembru 2012, l-Isvezja ressqet dossier lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (minn hawn 'il quddiem imsejħa l-Aġenzija) skont l-Artikolu 69(4) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (id-dossier skont l-Anness XV), li kien juri li minħabba li t-tfal idaħħlu l-affarijiet f'ħalqhom, speċjalment dawk taħt is-36 xahar, dawn jistgħu jkunu esposti ripetutament għaċ-ċomb irrilaxxat minn oġġetti tal-konsum li jkun fihom iċ-ċomb jew il-komposti tiegħu. Iċ-ċomb u l-komposti tiegħu jinstabu fl-oġġetti tal-konsum bħala ċomb metalliku miżjud intenzjonalment, bħala impurità jew addittiv tal-ligi tal-metall (b'mod partikolari fir-ram isfar), bħala pigment, u bħala stabbilizzatur fil-polimeri (b'mod partikolari fil-klorur tal-polivinil).
(2) Esponiment repetut għaċ-ċomb minħabba li l-oġġetti li fihom iċ-ċomb jew il-komposti tiegħu jiddaħħlu fil-ħalq jista' jwassal għal effetti severi u irreversibbli fuq l-imġiba u l-iżvilupp newroloġiku li t-tfal huma partikolarment sensittivi għalihom, peress li s-sistema nervuża ċentrali tagħhom tkun għadha qed tiżviluppa. Għalhekk, it-tqegħid fis-suq u l-użu taċ-ċomb u tal-komposti tiegħu f'oġġetti li huma fornuti lill-pubbliku inġenerali, u li t-tfal jistgħu jpoġġu f'ħalqhom, għandhom ikunu pprojbiti jekk il-konċentrazzjoni ta' ċomb f'dak l-oġġett, jew f'parti minn dak l-oġġett (mogħtija bħala metall), taqbeż ċertu livell minimu.
(3) Fl-10 ta' Diċembru 2013, il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ RAC) adotta l-opinjoni tiegħu, li fiha kkonkluda li r-restrizzjoni hija l-aktar miżura xierqa madwar l-Unjoni kollha sabiex jiġu indirizzati r-riskji identifikati li joħolqu ċ-ċomb u l-komposti tiegħu meta jkunu preżenti f'oġġetti intenzjonati għall-użu mill-konsumaturi f'termini tal-effikaċja fit-tnaqqis ta' riskji bħal dawn, u li fiha ppropona ċerti modifiki tal-ambitu tar-restrizzjoni.
(4) Fit-13 ta' Marzu 2014, il-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ SEAC) adotta l-opinjoni tiegħu, li fiha kkonkluda li r-restrizzjoni proposta minn min ressaq id-dossier, kif modifikata mir-RAC u anke mis-SEAC, kienet l-aktar miżura xierqa madwar l-Unjoni kollha sabiex jiġu indirizzati r-riskji identifikati, partikolarment f'termini tal-proporzjonalità. Din il-konklużjoni ntlaħqet wara li ġiet analizzata l-evidenza soċjoekonomika disponibbli u abbażi tal-aħjar stimi disponibbli għall-fatturi ta' inċertezza, filwaqt li tqies il-fatt li ma hemm l-ebda limitu għall-effetti taċ-ċomb fuq l-imġiba u-iżvilupp newroloġiku.
(5) Il-Forum għall-Iskambju ta' Informazzjoni dwar l-Infurzar tal-Aġenzija kien ikkonsultat waqt il-proċess tar-restrizzjonijiet u l-opinjoni tiegħu tqieset u wasslet għal modifika tad-deskrizzjoni tal-ambitu tar-restrizzjoni proposta u għall-eżenzjonijiet minnha.
(6) Għandu jiġi konklużl-preżenza taċ-ċomb u l-komposti tiegħu f'oġġetti fornuti lill-pubbliku inġenerali f'ammonti li jaqbżu l-limiti tal-kontenut jew, alternattivament, il-limitu tar-rata ta' migrazzjoni speċifikati fl-opinjonijiet toħloq riskju inaċċettabbli għas-saħħa umana. Hemm bżonn li dawk ir-riskji jiġu indirizzati fil-livell tal-Unjoni.
(7) Abbażi tal-livell derivat ta' effett minimu stabbilit għaċ-ċomb, minħabba li t-tfal idaħħlu l-affarijiet f'ħalqhom u abbażi ta' studji dwar il-migrazzjoni taċ-ċomb mill-partijiet metalliċi tal-ġojjellerija, għandu jiġi stabbilit limitu għall-kontenut taċ-ċomb li jkun japplika għall-partijiet metalliċi u mhux metalliċi tal-oġġetti kollha, sakemm ma jkunx jista' jintwera li r-rata tar-rilaxx taċ-ċomb ma taqbiżx ċertu livell minimu. Għall-oġġetti miksija, il-kisja għandha tkun biżżejjed biex tiżgura li din ir-rata ma tinqabiżx għal perjodu ta' mill-inqas sentejn ta' użu normali tal-oġġett.
(8) Għandhom jingħataw eżenzjonijiet minn dan ir-Regolament għal ċerti oġġetti li għalihom huwa mistenni livell baxx ta' migrazzjoni, bħall-ħġieġ tal-kristall, l-enamel u l-ħaġar prezzjuż u semi-prezzjuż, jew livell aċċettabbli ta' migrazzjoni, dejjem jekk ma jinqabiżx ċertu limitu tal-kontenut, li jista' jkun il-każ għal-ligi tar-ram isfar, u għal oġġetti speċifiċi li d-daqs żgħir tagħhom ifisser li l-esponiment għaċ-ċomb hija minima, prinċiparjament il-ponot tal-istrumenti tal-kitba.
(9) Iċ-ċwievet, is-serraturi, il-katnazzi u l-istrumenti tal-mużika jistgħu jiddaħħlu f'ħalq it-tfal u għalhekk jistgħu jkunu ta' risjku għat-tfal jekk ikun fihom iċ-ċomb. Madankollu, b'mod eċċezzjonali, dawk l-oġġetti għandhom jiġu eżentati minħabba li donnu hemm nuqqas ta' alternattivi xierqa għaċ-ċomb fil-manifattura ta' dawk l-oġġetti, u minħabba li jista' jkun hemm impatt soċjoekonomiku negattiv sinifikanti meta tiġi applikata r-restrizzjoni għalihom. Bl-istess mod, l-impatt tal-applikazzjoni tar-restrizzjoni għall-oġġetti reliġjużi u għal ċerti batteriji ma ġiex ivvalutat bis-sħiħ u għalhekk hu xieraq li dawn jiġu eżentati, b'mod eċċezzjonali, mill-ambitu tagħha sakemm tkun tista' ssir valutazzjoni ddettaljata tiegħu. Għalhekk, il-paragrafi l-ġodda f'din l-entrata u r-rekwiżiti dwar l-integrità tal-kisi għandhom jiġu riveduti wara perjodu xieraq wara d-data tal-applikazzjoni tagħhom.
(10) L-oġġetti li diġà huma koperti minn leġizlazzjoni speċifika tal-Unjoni li tirregola l-kontenut jew il-migrazzjoni taċ-ċomb għandhom jiġu eżentati għal raġunijiet ta' konsistenza.
(11) Il-linji gwida rigward l-oġġetti li jaqgħu fi ħdan l-ambitu ta' din ir-restrizzjoni u lil hinn minnu għandhom jiġi żviluppati sabiex jgħinu lill-operaturi ekonomiċi u lill-awtoritajiet tal-infurzar fl-implimentazzjoni tagħha.
(12) L-operaturi ekonomiċi għandhom jingħataw perjodu ta' tranżizzjoni biex jadattaw il-manifattura tagħhom għar-restrizzjoni stipulata minn dan ir-Regolament u biex jeħilsu mill-istokk li jkun għadu ma tqiegħedx fis-suq. Barra minn hekk, ir-restrizzjoni m'għandhiex tapplika għall-oġġetti użati li jkunu tqiegħdu fis-suq għall-ewwel darba qabel tmiem dak il-perjodu tranżitorju, peress li dan iwassal għal diffikultajiet konsiderevoli ta' infurzar.
(13) Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għandu jiġi emendat skont dan.
(14) Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 L-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għandu jiġi emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, it-22 ta' April 2015. Għall-Kummissjoni Il-President Jean-Claude Juncker
ANNEX
ANNESS
Fl-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, il-kolonna 2 tal-entrata 63 għandha tiġi emendata kif ġej:
(1)6. il-paragrafu 6 għandu jinbidel b'dan li ġej: Sad-9 ta' Ottubru 2017, il-Kummissjoni għandha tevalwa mill-ġdid il-paragrafi 1 sa 5 ta' din l-entrata fid-dawl tat-tagħrif xjentifiku l-ġdid, inkluż id-disponibbiltà tal-alternattivi u l-migrazzjoni taċ-ċomb mill-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 u, jekk ikun xieraq, għandha timmodifika din l-entrata kif xieraq. ;
(2)7.8.9.10. għandhom jiżdiedu l-paragrafi 7 sa 10 li ġejjin: Ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq jew jintużaw f'oġġetti fornuti lill-pubbliku inġenerali, jekk il-konċentrazzjoni taċ-ċomb f'dawk l-oġġetti jew fil-partijiet aċċessibbli tagħhom (mogħtija bħala metall) tkun ta' 0,05 % skont il-piż jew iktar minn hekk, u jekk it-tfal ikunu jistgħu jqiegħdu dawk l-oġġetti jew il-partijiet aċċessibbli tagħhom f'ħalqhom f'kundizzjonijiet normali jew raġonevolment prevedibbli tal-użu. Dak il-limitu ma għandux japplika fejn ikun jista' jintwera li r-rata tar-rilaxx taċ-ċomb mit-tali oġġett jew minn kwalunkwe parti aċċessibbli tal-oġġett bħal din, kemm jekk tkun miksija u kemm jekk ma tkunx, ma tkunx taqbeż iż-0,05 μg/cm2 fis-siegħa (li hija ekwivalenti għal 0,05 μg/g/h), u, għall-oġġetti miksija, li l-kisja hija biżżejjed biex ikun żgurat li din ir-rata ta' rilaxx ma tinqabiżx għal perjodu ta' mill-inqas sentejn ta' kondizzjonijiet ta' użu normali jew raġonevolment previdibbli tal-oġġett. Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, qed jitqies li t-tfal jistgħu jqiegħdu f'ħalqhom oġġett jew parti aċċessibbli ta' oġġett jekk din tkun iżgħar minn 5 cm f'dimensjoni waħda jew jekk din ikollha parti li tinqala' jew parti ħierġa 'l barra ta' dan id-daqs. B'deroga, il-paragrafu 7 ma għandux japplika għal: Sal-1 ta' Lulju 2019, il-Kummissjoni għandha tevalwa mill-ġdid il-paragrafi 7 u 8(e), (f), (i) u (j) ta' din l-entrata fid-dawl tat-tagħrif xjentifiku l-ġdid li jkun hemm, inkluż id-disponibbiltà tal-alternattivi u l-migrazzjoni taċ-ċomb mill-oġġetti msemmija fil-paragrafu 7, inkluż ir-rekwiżit dwar l-integrità tal-kisi, u, jekk ikun xieraq, għandha temenda din l-entrata kif xieraq. B'deroga, il-paragrafu 7 ma għandux japplika għall-oġġetti mqiegħda fis-suq għall-ewwel darba qabel l-1 ta' Ġunju 2016.
(2)7.8. a.
l-oġġetti tal-ġojjellerija koperti mill-paragrafu 1.
b.
il-ħġieġ tal-kristall kif iddefinit fl-Anness I (il-kategoriji 1, 2, 3 u 4) tad-Direttiva 69/493/KEE;
c.
il-ħaġar prezzjuż u semiprezzjuż mhux sintetiku jew rikostitwit (tal-kodiċi tan-NM 7103, kif stabbilit mir-Regolament (KEE) Nru 2658/87), sakemm ma jkunx ġie ttrattat biċ-ċomb jew bil-komposti tiegħu jew b'taħlitiet li fihom dawn is-sustanzi;
d.
l-enamel, iddefinit bħala taħlitiet li jistgħu jsiru ħġieġ li jkunu ġejjin mill-fużjoni, mill-vitrifikazzjoni jew mis-sinterizzazzjoni ta' mineral maħlul f'temperatura ta' mill-anqas 500 °C;
e.
iċ-ċwievet u s-serraturi, inklużi l-katnazzi;
f.
l-istrumenti mużikali;
g.
l-oġġetti u l-partijiet ta' oġġetti li jkun fihom ligi tar-ram isfar, jekk il-konċentrazzjoni taċ-ċomb fil-liga tar-ram isfar (mogħtija bħala metall) ma taqbiżx iż-0,5 % skont il-piż;
h.
il-ponot tal-istrumenti tal-kitba;
i.
l-oġġetti reliġjużi;
j.
il-batteriji portabbli tal-karbonju-żingu u l-batteriji ċellulari f'forma ta' buttuna;
k.
l-oġġetti li jaqgħu fi ħdan l-ambitu ta':
(i) id-Direttiva 94/62/KE;
(ii) ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004;
(iii) id-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(iv) id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill