Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (PESK) 2015/664 tal-21 ta' April 2015 dwar l-istabbiliment tal-Kumitat ta' Kontributuri għall-Missjoni Konsultattiva Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUMAM RCA) (EUMAM RCA/1/2015)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2015/664@2015-04-21/mt
IL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/78 tad-19 ta' Jannar 2015 dwar Missjoni Konsultattiva Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUMAM RCA), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(2) tagħha,
Billi:
(1) Skont l-Artikolu 8(5) tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/78, il-Kunsill awtorizza lill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti għall-istabbiliment ta' Kumitat ta' Kontributuri (KtK) għall-Missjoni Konsultattiva Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUMAM RCA).
(2) Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Nizza tas-7, it-8 u d-9 ta' Diċembru 2000 u dawk ta' Brussell tal-24 u l-25 ta' Ottubru 2002 stipulaw l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni ta' Stati terzi f'operazzjonijiet ta' maniġġar ta' kriżijiet u l-istabbiliment ta' KtK.
(3) Il-KtK għandu jkun forum biex jiġu diskussi mal-Istati terzi li jikkontribwixxu l-problemi kollha li jirrigwardaw il-ġestjoni ta' EUMAM RCA. Il-KPS, li jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika ta' EUMAM RCA, għandu jieħu kont tal-fehmiet espressi mill-KtK.
(4) F'konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-elaborazzjoni u fl-implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li għandhom implikazzjonijiet ta' difiża,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Stabbiliment u termini ta' referenza
B'dan huwa stabbilit Kumitat ta' Kontributuri (KtK) għall-Missjoni Konsultattiva Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUMAM RCA). It-termini ta' referenza tiegħu huma stipulati fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Nizza tas-7, it-8 u d-9 ta' Diċembru 2000 u dawk ta' Brussell tal-24 u l-25 ta' Ottubru 2002.
Artikolu 2 Kompożizzjoni
1. Il-KtK għandu jkun kompost mill-membri li ġejjin:
rappreżentanti tal-Istati Membri kollha,
rappreżentanti ta' Stati terzi li jipparteċipaw fl-EUMAM RCA u li jipprovdu kontributi sinifikanti.
2. Għal-laqgħat tal-KtK jista' jattendi wkoll rappreżentant tal-Kummissjoni.
Artikolu 3 Informazzjoni mill-Kmandant tal-Missjoni tal-UE
Il-KtK għandu jirċievi informazzjoni mill-Kmandant tal-Missjoni tal-UE tal-EUMAM RCA.
Artikolu 4 Presidenza
Il-KtK għandu jkun ippresedut mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, jew mir-rappreżentant tiegħu jew tagħha, f'konsultazzjoni mill-qrib mal-President tal-Kumitat Militari tal-Unjoni Ewropea, jew mir-rappreżentant tiegħu jew tagħha.
Artikolu 5 Laqgħat
1. Il-laqgħat tal-KtK għandhom jiġu msejħa mill-President fuq bażi regolari. Fejn iċ-ċirkostanzi jkunu jeħtieġu, jistgħu jissejħu laqgħat ta' emerġenza fuq inizjattiva tal-President, jew fuq talba ta' membru.
2. Il-President għandu jiċċirkola minn qabel aġenda provviżorja u d-dokumenti relatati mal-laqgħa. Il-President għandu jkun responsabbli biex iwassal lill-KPS l-eżitu tad-diskussjonijiet tal-KtK.
Artikolu 6 Kunfidenzjalità
1. F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE, ir-regoli tas-sigurtà stipulati f'dik id-Deċiżjoni għandhom japplikaw għal-laqgħat u l-proċedimenti tal-KtK. B'mod partikolari, ir-rappreżentanti fil-KtK għandhom ikunu fil-pussess ta' awtorizzazzjoni adegwata ta' sigurtà.
2. Id-deliberazzjonijiet tal-KtK għandhom ikunu koperti bl-obbligu tas-segretezza professjonali, sakemm il-KtK ma jiddeċidix unanimament mod ieħor.
Artikolu 7 Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta' April 2015. Għall-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà Il-President W. Stevens