Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/734 tas-7 ta' Mejju 2015 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 224/2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2015/734@2015-05-07/mt
Contents
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/798/PESK tat-23 ta' Diċembru 2013 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana,
Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni,
Billi:
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 224/2014 jagħti effett lil ċerti miżuri stipulati fid-Deċiżjoni 2013/798/PESK.
(2) Ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 2127 (2013) tal-5 ta' Diċembru 2013, 2134 (2014) tat-28 ta' Jannar 2014, u d-Deċiżjoni 2013/798/PESK, jipprevedu embargo fuq l-armi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana u l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi ta' ċerti persuni li jappoġġjaw jew li huma involuti f'atti li jdgħajfu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-Repubblika Ċentru-Afrikana.
(3) Fit-22 ta' Jannar 2015, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 2196 (2015) li testendi l-kamp ta' applikazzjoni tal-kriterji għad-deżinjazzjoni tal-persuni u l-enitajiet. Fid-Deċiżjoni (PESK) 2015/739 il-Kunsill iddeċieda li jestendi l-kamp ta' applikazzjoni tal-kriterji kif xieraq.
(4) Dawn il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, għalhekk, b'mod partikolari bil-ħsieb li tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, jeħtieġ li tittieħed azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex dawn ikunu implimentati.
(5) Għalhekk, ir-Regolament (UE) Nru 224/2014 għandu jiġi emendat,
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 Ir-Regolament (UE) Nru 224/2014 hu emendat kif ġej:
Artikolu 1
(1) L-Artikolu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej: .
(1)
Artikolu 3 B'deroga mill-Artikolu 2, il-projbizzjonijiet stabbiliti f'dak l-Artikolu ma għandhomx japplikaw għall-forniment ta' assistenza teknika, finanzjament jew għajnuna finanzjarja jew servizzi ta' senserija:
Artikolu 3
(a) maħsuba unikament għall-appoġġ jew l-użu tal-Missjoni ta' Stabbilizzazzjoni Multidimensjonali Integrata tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (MINUSCA), tat-Task Force Reġjonali għall-Unjoni Afrikana (AU-RTF), u tal-missjonijiet tal-Unjoni u l-forzi Franċiżi stazzjonati fir- Repubblika Ċentru-Afrikana;
(b) relatati mal-ilbies protettiv inklużi ġkieket rinfurzati u elmi militari, esportati temporanjament lejn ir-Repubblika Ċentru-Afrikana minn persunal tan-Nazzjonijiet Uniti, rappreżentanti tal-midja u ħaddiema umanitarji u fil-qasam tal-iżvilupp u persunal assoċjat, għall-użu personali tagħhom biss.
(2) Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej: .
(2)
3. L-Anness I għandu jinkludi persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi identifikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet li huma involuti jew jipprovdu appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, inklużi atti li jheddu jew jiksru l-ftehimiet transitorji jew li jheddu jew jimpedixxu l-proċess ta' transizzjoni politika, inkluża t-transizzjoni għal elezzjonijiet demokratiċi liberi u ġusti, jew li jinstigaw il-vjolenza:
3.
(a) li bl-aġir tagħhom jiksru l-embargo fuq l-armi stabbilit fil-paragrafu 54 tal-UNSCR 2127 (2013), jew li direttament jew indirettament ipprovdew, biegħu, jew ittrasferixxew lil gruppi armati jew netwerks kriminali fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, jew li rċevew armi jew kwalunkwe materjal relatat, jew kwalunkwe parir tekniku, taħriġ jew assistenza, inkluż finanzjament u assistenza finanzjarja, relatati ma' attivitajiet vjolenti ta' gruppi armati jew netwerks kriminali fir-Repubblika Ċentru-Afrikana;
(b) involuti fl-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta' atti li jiksru l-liġi internazzjonali tad-drittijiet umani jew il-liġi umanitarja internazzjonali, kif applikabbli, jew li tikkostitwixxi abbużi jew ksur tad-drittijiet umani, fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, inklużi atti li jinvolvu vjolenza sesswali, fil-mira taċ-ċivili, attakki abbażi ta' etnika jew reliġjon, attakki fuq skejjel u sptarijiet, u ħtif u spustament furzat;
(c) li jirreklutaw jew jużaw tfal f'kunflitt armat fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, bi ksur tal-liġi internazzjonali applikabbli;
(d) li jipprovdu appoġġ għal gruppi armati jew netwerks kriminali permezz tal-isfruttament jew il-kummerċ illeċitu tar-riżorsi naturali, inklużi d-djamanti, id-deheb, annimali selvaġġi kif ukoll prodotti mill-annimali selvaġġi fi jew mir-Repubblika Ċentru-Afrikana;
(e) li jostakolaw it-twassil ta' assistenza umanitarja fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, jew l-aċċess ta', jew id-distribuzzjoni ta' assistenza umanitarja fir-Repubblika Ċentru-Afrikana;
(f) li huma involuti fl-ippjanar, id-direzzjoni, l-isponsorjar, jew it-twettiq ta' attakki kontra l-missjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti jew tal-preżenzi tas-sigurtà internazzjonali, inkluż il-MINUSCA, il-missjonijiet tal-Unjoni u l-operazzjonijiet Franċiżi li jappoġġawhom;
(g) ikunu mexxejja ta' entità deżinjata mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, jew ikunu pprovdew appoġġ għal, jew ikunu aġixxew għal jew f'isem, jew taħt id-direzzjoni ta' persuna,entità jew korp deżinjati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, jew entità proprjetà ta' jew ikkontrollata minn persuna, entità jew korp deżinjati;
Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Mejju 2015. Għall-Kunsill Il-President E. Rinkēvičs