Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1000 tas-17 ta' Ġunju 2016 li tabroga d-Deċiżjoni 2009/416/KE dwar l-eżistenza ta' żbilanċ eċċessiv fl-Irlanda
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2016/1000@2016-06-17/mt
Contents
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 126(12) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) Fis-27 ta' April 2009, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/416/KE abbażi ta' rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill iddeċieda, skont l-Artikolu 104(6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (TKE), li kien jeżisti defiċit eċċessiv fl-Irlanda. Il-Kunsill innota li d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika laħaq is-6,3 % tal-PDG fl-2008, għalhekk ogħla mill-valur referenzjarju skont it-Trattat ta' 3 % tal-PDG u ġie stmat li kellu jilħaq il-11 % tal-PDG fl-2009. Id-dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika kien previst li jilħaq il-valur referenzjarju ta' 60 % tal-PDG skont it-Trattat fl-2009.
(2) Fis-27 ta' April 2009, skont l-Artikolu 104(7) TKE u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97, il-Kunsill, abbażi ta' rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, ħareġ rakkomandazzjoni lill-Irlanda biex tikkoreġi d-defiċit eċċessiv sal-2013. Dik ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill ġiet ippubblikata.
(3) Fit-2 ta' Diċembru 2009, il-Kunsill ikkonkluda li l-awtoritajiet Irlandiżi kienu ħadu azzjoni effettiva f'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-27 ta' April 2009 iżda li jista' jitqies li fl-Irlanda seħħew avvenimenti ekonomiċi negattivi mhux mistennija b'konsegwenzi sfavorevoli kbar għall-finanzi pubbliċi wara l-adozzjoni ta' dik ir-Rakkomandazzjoni. Għaldaqstant, il-Kunsill, abbażi tar-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, qies li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97 kienu ġew issodisfati, u ħareġ rakkomandazzjoni ġdida lill-Irlanda skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat tal-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) bl-għan li s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tinġieb fi tmiemha sal-2014.
(4) Fis-7 ta' Diċembru 2010, il-Kunsill ikkonkluda li fl-Irlanda kienu seħħew avvenimenti ekonomiċi negattivi mhux mistennija b'konsegwenzi sfavorevoli kbar għall-finanzi pubbliċi, b'mod partikolari b'referenza għall-miżuri ta' appoġġ għas-settur bankarju sostanzjali li kellhom jiġu implimentati. Għalhekk, il-Kunsill wara rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni ġdida indirizzata lill-Irlanda skont l-Artikolu 126(7) TFUE, li tistabbilixxi data ta' skadenza għall-2015 għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv. Fl-istess ħin, wara talba mill-awtoritajiet Irlandiżi għal assistenza finanzjarja mill-Unjoni, mill-Istati Membri li għandhom il-munita euro u mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/77/UE dwar l-għoti ta' assistenza finanzjarja lill-Irlanda u dwar miżuri speċifiċi għar-restawr tal-istabbilità finanzjarja u t-tkabbir sostenibbli. Il-Memorandum ta' Qbil dwar il-Kundizzjonalità Speċifika tal-Politika Ekonomika bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Irlandiżi ġie ffirmat fis-16 ta' Diċembru 2010.
(5) Fl-24 ta' Awwissu 2011, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Irlanda kienet ħadet azzjoni effettiva lejn il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-2015 kif irrakkomandat mill-Kunsill fis-7 ta' Diċembru 2010.
(6) F'konformità mal-Artikolu 10(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-Irlanda kienet ġiet eżentata minn rekwiżit ta' rappurtar separat skont il-proċedura ta' defiċit eċċessiv u rrapportat fil-qafas tal-programm ta' assistenza finanzjarja tagħha.
(7) F'Diċembru 2013, l-Irlanda temmet b'suċċess il-programm ta' assistenza finanzjarja tal-UE-FMI, bil-maġġoranza vasta ta' kundizzjonijiet politiċi tal-programm li ġew milħuqa u bil-fiduċja tal-investituri fis-settur tad-dejn sovran u s-settur bankarju rkuprata.
(8) Skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll (Nru 12) dwar il-proċedura ta' defiċit eċċessiv anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-TFUE, il-Kummissjoni tipprovdi d-data għall-implimentazzjoni ta' din il-proċedura. Bħala parti mill-applikazzjoni ta' dak il-Protokoll, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw data dwar id-defiċit u d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika u dwar varjabbli assoċjati oħra darbtejn fis-sena, jiġifieri qabel l-1 ta' April u qabel l-1 ta' Ottubru, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009.
(9) Il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni biex jabroga d-deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fuq il-bażi ta' data notifikata. Barra minn hekk, deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv għandha tiġi abrogata biss jekk il-previżjonijiet tal-Kummissjoni jindikaw li d-defiċit ma jkunx ser jaqbeż il-valur referenzjarju skont it-Trattat ta' 3 % tal-PDG tul il-perjodu ta' tbassir.
(10) Abbażi tad-data pprovduta mill-Kummissjoni (Eurostat) skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 479/2009, wara n-notifika mill-Irlanda f'April 2016, il-Programm ta' Stabbiltà tal-2016 u t-tbassir tar-rebbiegħa tal-2016 tal-Kummissjoni, il-konklużjonijiet li ġejjin huma ġġustifikati:
Sa mill-2009, meta d-defiċit laħaq il-quċċata tiegħu b'madwar 11,5 % tal-PDG (bl-esklużjoni ta' miżuri ta' darba li jkabbru d-defiċit b'rabta ma' għajnuna għas-settur finanzjarju), il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika tjieb gradwalment, bid-defiċit jonqos għal 3,8 % tal-PDG fl-2014 u għal 2,3 % tal-PDG fl-2015 (1,3 % tal-PDG jekk tranżazzjoni ta' darba tiġi eskluża). B'mod ġenerali, it-tnaqqis fid-defiċit kien dovut l-aktar għal trażżin fl-infiq, bil-piż tal-infiq primarju kurrenti bħala perċentwali tal-PDG jonqos bi 8,5 % bejn l-2010 u l-2015, filwaqt li l-proporzjon tad-dħul mal-PDG naqas b' 0,5 % matul l-istess perjodu.
Il-programm ta' stabbiltà tal-2016, ippreżentat mill-Irlanda fid-29 ta' April 2016, jippjana tnaqqis fid-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika, għal 1,1 % tal-PDG fl-2016 u, abbażi ta' suppożizzjoni ta' ebda bidla fil-politika, għal 0,4 % tal-PDG fl-2017. It-tbassir tar-rebbiegħa tal-2016 tal-Kummissjoni jbassar defiċit ta' 1,1 % tal-PDG fl-2016 u, abbażi ta' suppożizzjoni ta' ebda bidla fil-politika, ta' 0,6 % tal-PDG fl-2017. B'hekk, id-defiċit mistenni li jibqa' taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat matul il-perjodu ta' tbassir.
Il-Kummissjoni tistma li l-bilanċ strutturali, li hu l-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika aġġustat għaċ-ċiklu ekonomiku u nett minn miżuri ta' darba u miżuri oħra temporanji, tjieb b'6,7 % tal-PDG tul il-perjodu 2011-2015.
Il-proporzjon tad-dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika mal-PGD kien naqas progressivament, wara li laħaq l-ogħla livell tiegħu għal 120 % fl-2012, u huwa previst li jkompli jonqos matul il-perjodu ta' tbassir. B'mod partikolari, id-dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika naqas għal 93,8 % tal-PDG fl-2015 minn 107,5 % tal-PDG fl-2014, minħabba ż-żieda fil-PDG nominali u l-bejgħ tal-assi tal-Istat, u huwa previst li jkompli jonqos għal 89,1 % tal-PDG fl-2016. Il-proporzjon tad-dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika huwa mbassar li jkompli jonqos għal 86,6 % tal-PDG fl-2017, ukoll minħabba kundizzjonijiet ċikliċi favorevoli, rati tal-imgħax storikament baxxi u bilanċ pożittiv primarju.
(11) Mill-2016, li hija s-sena ta' wara dik li fiha saret il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, l-Irlanda hija soġġetta għall-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u għandha timxi lejn l-objettiv baġitarju ta' terminu l-medju tagħha b'pass xieraq, inkluż billi tirrispetta l-livell referenzjarju tal-infiq, u tikkonforma mal-kriterju tad-dejn skont l-Artikolu 2(1a) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97. F'dak il-kuntest, jidher li hemm riskju ta' xi devjazzjoni mill-perkors ta' aġġustament meħtieġ lejn l-objettiv baġitarju ta' terminu medju għall-2016, filwaqt li l-Irlanda hija mistennija li tkun konformi fl-2017. L-Irlanda hija mbassra li tkun konformi mar-regola tad-dejn tranżizzjonali fis-sentejn li huma. Għalhekk, se jinħtieġu iktar miżuri fl-2016.
(12) F'konformità mal-Artikolu 126(12) TFUE, Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv għandha tiġi abrogata meta, fil-fehma tal-Kunsill, tkun saret korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fl-Istat Membru konċernat.
(13) Fil-fehma tal-Kunsill, id-defiċit eċċessiv fl-Irlanda ġie kkoreġut u għalhekk id-Deċiżjoni 2009/416/KE għandha tiġi abrogata,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Minn valutazzjoni kumplessiva jirriżulta li s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv fl-Irlanda ġiet ikkoreġuta.
Artikolu 2 Id-Deċiżjoni 2009/416/KE hija abrogata.
Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Irlanda.
Magħmul fil-Lussemburgu, is-17 ta' Ġunju 2016. Għall-Kunsill Il-President J.R.V.A. Dijsselbloem