Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1056 tad-29 ta' Ġunju 2016 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 f'dak li għandu x'jaqsam mal-estensjoni tal-perjodu ta' approvazzjoni tas-sustanza attiva glifosat (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2016/1056@2016-06-29/mt
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE, u b'mod partikulari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tiegħu,
Billi:
(1) Il-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tistabbilixxi s-sustanzi attivi li jitqiesu li ġew approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009.
(2) Il-perjodu ta' approvazzjoni tas-sustanza attiva glifosat se jiskadi fit-30 ta' Ġunju 2016. Tressqet applikazzjoni għat-tiġdid tal-inklużjoni ta' dik is-sustanza fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1141/2010.
(3) Minħabba l-fatt li l-valutazzjoni tas-sustanza u d-deċiżjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni ġew posposti minħabba raġunijiet li l-applikant ma kellux kontroll fuqhom, x'aktarx li l-approvazzjoni tas-sustanza attiva se tiskadi qabel ma tkun ittieħdet id-deċiżjoni dwar it-tiġdid tagħha.
(4) Wara s-sejbiet tal-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer dwar il-potenzjal karċinoġeniku tal-glifosat, fid-29 ta' April 2015 il-Kummissjoni tat mandat lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn 'il quddiem imsejħa l-Awtorità) biex tanalizza l-informazzjoni sottostanti u tinkludi dawk is-sejbiet fil-konklużjoni tagħha. Fil-kuntest tal-proċedura ta' evalwazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-Awtorità kkonkludiet li l-glifosat x'aktarx mhux se joħloq riskju karċinoġeniku għall-bniedem u li l-evidenza disponibbli mhix se tappoġġa l-klassifikazzjoni armonizzata tal-glifosat skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 f'dak li għandu x'jaqsam mal-potenzjal karċinoġeniku tiegħu. Madankollu, f'dan il-kuntest l-Awtorità fakkret li l-proposti tagħha dwar il-klassifikazzjoni, li hija kienet għamlet fil-kuntest tal-proċedura ta' evalwazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009, mhumiex proposti formali għall-klassifikazzjoni armonizzata skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008.
(5) Fit-22 ta' Lulju 2015, l-Istat Membru relatur qal li kien beħsiebu jressaq dossier dwar il-klassifikazzjoni armonizzata tal-glifosat, fosthom għall-klassi ta' periklu ta' karċinoġeniċità, skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008. Fis-17 ta' Marzu 2016, l-Istat Membru relatur ressaq dak id-dossier lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li għandha tagħti l-opinjoni tagħha dwar dan skont l-Artikolu 37(4) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008.
(6) Is-sejbiet tal-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer ivarjaw mill-proposta tal-Awtorità għall-klassifikazzjoni tal-glifosat b'rabta mal-potenzjal karċinoġeniku tiegħu. Barra minn hekk, il-proċedura għall-klassifikazzjoni armonizzata tal-glifosat kienet diġà bdiet. Id-diskussjonijiet li saru fit-18 u fid-19 ta' Mejju 2016 fil-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf urew li għadd ta' Stati Membri, fir-rwol tagħhom bħala maniġers tar-riskju, qiesu li, għas-sitwazzjoni speċifika tal-glifosat, kien xieraq li jkollhom l-opinjoni tal-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskji tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi dwar il-klassifikazzjoni armonizzata b'rabta mal-karċinoġeniċità tal-glifosat qabel ma jieħdu deċiżjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni, minħabba li t-tali opinjoni tista' tkun rilevanti għall-approvazzjoni abbażi tal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009.
(7) Minħabba ż-żmien meħtieġ biex jiġi vvalutat id-dossier dwar il-klassifikazzjoni armonizzata, hemm bżonn li l-Kummissjoni testendi l-perjodu ta' approvazzjoni tas-sustanza attiva sa sitt xhur mid-data meta taslilha l-opinjoni tal-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskji tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi iżda sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2017. Meta l-Kummissjoni tirċievi l-opinjoni tal-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskji tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, hija għandha tavża d-data meta din tkun waslitilha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
(8) Fid-dawl tal-għan tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, f'każijiet fejn, wara li tkun irċeviet l-opinjoni tal-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskji tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, il-Kummissjoni tadotta Regolament li jipprevedi li ma tiġġeddidx l-approvazzjoni tal-glifosat minħabba li ma jkunux ġew issodisfati l-kriterji għall-approvazzjoni, hija se tistabbilixxi d-data tal-iskadenza tal-perjodu ta' approvazzjoni bħala d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament sakemm ma tiġġeddidx l-approvazzjoni tal-glifosat, anki jekk dik id-data tkun qabel id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni.
(9) Filwaqt li tqis l-estensjoni tal-perjodu ta' approvazzjoni tal-glifosat deskritta fil-premessi preċedenti, u fid-dawl tat-tħassib identifikat mill-Awtorità dwar l-użu tal-koformulant POE-tallowamin (bin-numru tas-CAS 61791-26-2) fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-glifosat, il-Kummissjoni se tibda tanalizza l-approvazzjoni tal-glifosat malajr kemm jista' jkun skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.
(10) Għaldaqstant, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 għandu jiġi emendat kif xieraq.
(11) Minħabba li l-approvazzjoni attwali tal-glifosat tiskadi fit-30 ta' Ġunju 2016, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ malajr kemm jista' jkun.
(12) Il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf ma tax opinjoni fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-President tiegħu. Tqies li kien hemm bżonn ta' att ta' implimentazzjoni u l-President ressaq l-abbozz tal-att ta' implimentazzjoni lill-kumitat tal-appell għal aktar deliberazzjoni. Il-kumitat tal-appell ma esprima l-ebda opinjoni,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 Emenda tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011
Fis-sitt kolonna tal-annotazzjoni 25 dwar il-glifosat mogħtija fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011, intitolata Skadenza tal-approvazzjoni, il-kliem 30 ta' Ġunju 2016 qed jinbidel bil-kliem Sitt xhur mid-data meta l-Kummissjoni tirċievi l-opinjoni tal-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskji tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi jew il-31 ta' Diċembru 2017, skont liema minnhom jiġi l-ewwel.
Artikolu 2 Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Ġunju 2016. Għall-Kummissjoni Il-President Jean-Claude Juncker