Gelex

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/107 tas-27 ta' Jannar 2016 dwar in-nuqqas ta' approvazzjoni taċ-ċibutrin bħala sustanza attiva eżistenti għall-użu fil-prodotti bijoċidali għall-prodotti tat-tip 21 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

In forceVersion 2016-01-27from 2016-02-17
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2016/107@2016-01-27/mt

Contents
  1. Preamble

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali, u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 89(1) tiegħu,

Billi:

(1) Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 jistabbilixxi lista ta' sustanzi attivi eżistenti li għandhom jiġu evalwati biex possibbilment jiġu approvati għall-użu fil-prodotti bijoċidali. Din il-lista tinkludi ċ-ċibutrin.

(2) Iċ-ċibutrin ġie evalwat skont l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-użu fil-prodotti tat-tip 21, prodotti antifouling, kif iddefiniti fl-Anness V ta' dik id-Direttiva, li jikkorrispondu mal-prodotti tat-tip 21 kif iddefiniti fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(3) In-Netherlands intgħażel bħala l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni u fis-7 ta' April 2011, f'konformità mal-paragrafi 4 u 6 tal-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1451/2007, lill-Kummissjoni bagħtilha r-rapport tal-valutazzjoni flimkien mar-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

(4) Skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1062/2014, il-Kumitat tal-Prodotti Bijoċidali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi ta l-opinjoni tiegħu fis-17 ta' Ġunju 2015, filwaqt li qies il-konklużjonijiet tal-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni.

(5) Skont dik l-opinjoni, il-prodotti bijoċidali użati għall-prodotti tat-tip 21 u li fihom iċ-ċibutrin, ma jistgħux jitqiesu li jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/8/KE. Ix-xenarji evalwati fil-valutazzjoni tar-riskji ambjentali identifikaw riskji inaċċettabbli.

(6) Għadaqstant, mhuwiex xieraq li ċ-ċibutrin jiġi approvat għall-użu fil-prodotti bijoċidali għall-prodotti tat-tip 21.

(7) Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Iċ-ċibutrin (Nru tal-KE 248-872-3, Nru tal-CAS 28159-98-0) mhuwiex approvat bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali għall-prodotti tat-tip 21.

Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Jannar 2016. Għall-Kummissjoni Il-President Jean-Claude Juncker

Versions

  1. 2016-01-27