Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1090 tal-5 ta' Lulju 2016 li japprova t-tijoċjanat tar-ram bħala sustanza attiva eżistenti għall-użu fil-prodotti bijoċidali għall-prodotti tat-tip 21 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2016/1090@2016-07-05/mt
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali, u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 89(1) tiegħu,
Billi:
(1) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 jistabbilixxi lista ta' sustanzi attivi eżistenti li għandhom jiġu vvalutati biex possibbilment jiġu approvati għall-użu fil-prodotti bijoċidali. Din il-lista tinkludi t-tijoċjanat tar-ram.
(2) It-tijoċjanat tar-ram ġie evalwat għall-użu fi prodotti tat-tip 21, prodotti għall-kontra l-iżvilupp tal-ħaxix tal-ilma (antifouling), kif deskritt fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.
(3) Franza ntgħażlet bħala l-awtorità kompetenti tal-valutazzjoni u, fil-31 ta' Ottubru 2014, bagħtet ir-rapport tal-valutazzjoni flimkien mar-rakkomandazzjonijiet tagħha.
(4) Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 1062/2014, il-Kumitat tal-Prodotti Bijoċidali tal-Aġenżija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi ta l-opinjoni tiegħu fid-9 ta' Diċembru 2015, filwaqt li qies il-konklużjonijiet tal-awtorità kompetenti tal-valutazzjoni.
(5) Skont dik l-opinjoni, il-prodotti bijoċidali li huma fil-kategorija tal-prodotti tat-tip 21 u li fihom it-tijoċjanat tar-ram, jistgħu jkunu mistennija li jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 19(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, diment li jkun hemm konformità ma' ċerti speċifikazzjonijiet u kundizzjonijiet li jikkonċernaw l-użu tagħhom.
(6) Madankollu, l-aċċettabbiltà tar-riskji marbuta mal-użu ta' prodotti kontra l-iżvilupp tal-ħaxix tal-ilma (antifouling), kif ukoll l-adegwatezza tal-miżuri proposti għall-mitigazzjoni tar-riskji, iridu jiġu kkonfermati aktar. Sabiex jiġu ffaċilitati, fl-istess żmien tat-tiġdid tal-approvazzjonijiet tas-sustanzi attivi eżistenti kontra l-iżvilupp tal-ħaxix tal-ilma (antifouling), l-analiżi u t-tqabbil tar-riskji u tal-benefiċċji ta' dawk is-sustanzi kif ukoll tal-miżuri tal-mitigazzjoni tar-riskji applikati, id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni ta' dawk is-sustanzi kollha għandha tkun l-istess.
(7) Għaldaqstant, jixraq li l-użu tat-tijoċjanat tar-ram għall-użu fil-prodotti bijoċidali għall-prodotti tat-tip 21 jiġi approvat, soġġett għall-konformità ma' ċerti speċifikazzjonijiet u kundizzjonijiet.
(8) Għandu jitħalla jgħaddi perjodu ta' żmien raġonevoli qabel ma tiġi approvata sustanza attiva, biex il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jieħdu l-miżuri preparatorji meħtieġa biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda.
(9) Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 It-tijoċjanat tar-ram huwa approvat bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip 21, soġġett għall-ispeċifikazzjonijiet u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness.
Artikolu 2 Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Lulju 2016. Għall-Kummissjoni Il-President Jean-Claude Juncker
ANNEX
ANNESS
Isem Komuni Isem tal-IUPAC Numri ta' Identifikazzjoni Grad minimu ta' purità tas-sustanza attiva Data tal-approvazzjoni Data tal-iskadenza tal-approvazzjoni Tip ta' prodott Kundizzjonijiet speċifiċi Tijoċjanat tar-ram Isem tal-IUPAC: Tijoċjanat tar-ram (I) Nru tal-KE: 214-183-1 Nru tal-CAS: 1111-67-7 99,5 % w/w fl-1 ta' Jannar 2018 fil-31 ta' Diċembru 2025 21 Fil-valutazzjoni tal-prodott għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-esponimenti, lir-riskji u lill-effikaċja marbutin ma' kull użu kopert minn applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni, iżda li jkunx indirizzat fil-valutazzjoni tar-riskju fil-livell tal-Unjoni tas-sustanza attiva. F'każ li l-prodotti li fihom it-tijoċjanat tar-ram jiġu sussegwentement awtorizzati għall-użu mill-utenti mhux professjonali, il-persuni li jqiegħdu l-prodotti fis-suq għall-utenti mhux professjonali, għandhom jiżguraw li l-prodotti jkunu fornuti b'ingwanti adattati. Għall-prodotti bijoċidali, l-awtorizzazzjonijiet huma soġġetti għal dawn il-kundizzjonijiet:
1. Għall-utenti industrijali jew professjonali, għandhom jiġu stabbiliti proċeduri operattivi sikuri u miżuri organizzativi adegwati. Jekk l-esponiment ma jistax jitnaqqas għal livell aċċettabbli b'mezzi oħra, il-prodotti għandhom jintużaw b'tagħmir protettiv personali xieraq.
2. It-tikketti u, meta disponibbli, l-istruzzjonijiet għall-użu, għandhom jindikaw li t-tfal għandhom jinżammu 'l bogħod sakemm is-superfiċji ttrattati jinxfu.
3. It-tikketti u, fejn disponibbli, il-fuljetti tad-dejta dwar is-sikurezza tal-prodotti awtorizzati għandhom jindikaw li l-applikazzjoni, il-manutenzjoni u l-attivitajiet tat-tiswija għandhom iseħħu f'żona iżolata, fuq bażi iebsa u impermeabbli jew imdawra b'ħitan ta' protezzjoni jew fuq ħamrija mgħottija b'materjal impermeabbli biex ma jkunx hemm rilaxxi u biex jiġu minimizzati l-emissjonijet fl-ambjent, u li kwalunkwe rilaxx jew skart li jkun fih it-tijoċjanat tar-ram għandu jinġabar għall-użu mill-ġdid jew għar-rimi.
4. Għall-prodotti li jistgħu jwasslu għar-residwi fl-ikel jew fl-għalf, għandha tiġi vverifikata l-ħtieġa li jiġu ddefiniti livelli massimi tar-residwi (MRLs) ġodda jew li jiġu emendati l-livelli massimi tar-residwi eżistenti skont ir-Regolament (KE) Nru 470/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jew ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u għandha tittieħed kull miżura xierqa ta' taffija tar-riskju sabiex jiġi żgurat li l-MRLs applikabbli ma jinqabżux.