Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1197 tas-26 ta' Ottubru 2015 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Kiribati dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perijodu qasir
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2016/1197@2015-10-26/mt
Contents
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 77(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) Ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ittrasferixxa r-referenza għar-Repubblika ta' Kiribati mill-Anness I għall-Anness II tar- Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001.
(2) Dik ir-referenza għar-Repubblika ta' Kiribati hija akkumpanjata b'nota f'qiegħ il-paġna li tispeċifika li l-eżenzjoni mill-ħtieġa ta' viża għandha tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża li għandu jiġi konkluż mal-Unjoni Ewropea.
(3) Fid-9 ta' Ottubru 2014, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mar-Repubblika ta' Kiribati għall-konklużjoni ta' ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Kiribati dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perijodu qasir (il-Ftehim).
(4) In-negozjati dwar il-Ftehim infetħu fis-17 ta' Diċembru 2014 u ġew iffinalizzati b'suċċess billi l-ftehim ġie inizjalat, permezz ta' skambju ta' ittri, fis-6 ta' Mejju 2015 mir-Repubblika ta' Kiribati u fl-10 ta' Ġunju 2015 mill-Unjoni.
(5) Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat, u d-dikjarazzjonijiet mehmuża mal-Ftehim għandhom jiġu approvati,f'isem l-Unjoni. Il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja, mill-jum wara d-data tal-iffirmar tiegħu, sakemm jintemmu l-proċeduri għall-konklużjoni formali tiegħu.
(6) Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li r-Renju Unit ma jieħux sehem fihom, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE; għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem f'adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.
(7) Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li l-Irlanda ma tieħux sehem fihom, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE; għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem f'adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 L-iffirmar f'isem l-Unjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Kiribati dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perijodu qasir (il-Ftehim) huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim. It-test tal-Ftehim jinsab mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2 Id-dikjarazzjonijiet mehmuża ma' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu approvati f'isem l-Unjoni.
Artikolu 3 Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jaħtar il-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.
Artikolu 4 Il-Ftehim għandu japplika b'mod proviżorju mill- jum wara d-data tal-iffirmar tiegħu, sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għal konklużjoni tiegħu.
Artikolu 5 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, is-26 ta' Ottubru 2015. Għall-Kunsill Il-President C. Dieschbourg