Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1619 tat-8 ta' Settembru 2016 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 948/2014 dwar l-aħħar jum għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-ħżin privat ta' trab tal-ħalib xkumat
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2016/1619@2016-09-08/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007, u b'mod partikolari l-Artikolu 18(2), l-Artikolu 20(c), (f), (l), (m) u (n) u l-Artikolu 223(3)(c) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 tas-16 ta' Diċembru 2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta' ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli, u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(2)(b) tiegħu,
Billi:
(1) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 948/2014 fetaħ skema ta' ħżin privat għat-trab tal-ħalib xkumat, minħabba s-sitwazzjoni tas-suq partikolari u diffiċli, li notevolment irriżultat mill-projbizzjoni introdotta mir-Russja fuq l-importazzjonijiet ta' prodotti tal-ħalib mill-Unjoni.
(2) Dik l-iskema ta' ħżin privat ġiet estiża bir-Regolamenti ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1337/2014, (UE) 2015/303, (UE) 2015/1548 u (UE) 2016/224. B'riżultat ta' dan, l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jistgħu jiddaħħlu sat-30 ta' Settembru 2016.
(3) Fid-29 ta' Ġunju 2016, ir-Russja estendiet il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta' prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-Unjoni sa tmiem l-2017.
(4) Il-produzzjoni tat-trab tal-ħalib xkumat fl-Unjoni żdiedet bi 18 % fil-perjodu ta' bejn Jannar u April 2016 minħabba ż-żieda fil-produzzjoni tal-ħalib, filwaqt li l-esportazzjonijiet naqsu bi 8 % fl-istess perjodu. L-esportazzjonijiet ta' trab tal-ħalib xkumat tradizzjonalment jirrappreżentaw bejn 40 u 50 % tat-total tal-produzzjoni tat-trab tal-ħalib xkumat fl-Unjoni.
(5) Minħabba dan, il-prezzijiet tat-trab tal-ħalib xkumat fl-Unjoni għadhom taħt pressjoni negattiva.
(6) Minħabba s-sitwazzjoni preżenti tas-suq jixraq li tiġi żgurata d-disponibbiltà mingħajr interruzzjoni tal-iskema ta' għajnuna għall-ħżin privat ta' trab tal-ħalib xkumat u li din tiġi estiża sal-bidu tal-perjodu ta' intervent tal-2017 fl-1 ta' Marzu 2017.
(7) Sabiex tiġi evitata kwalunkwe interruzzjoni fil-possibbiltà li jiddaħħlu applikazzjonijiet skont l-iskema, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu.
(8) Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq fi Prodotti Agrikoli,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 Fl-Artikolu 5 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 948/2014, it-30 ta' Settembru 2016 tinbidel bi it-28 ta' Frar 2017.
Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Settembru 2016. Għall-Kummissjoni Il-President Jean-Claude Juncker