Gelex

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1841 tal-5 ta' Ottubru 2016 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima

In forceVersion 2016-10-05from 2016-10-06
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2016/1841@2016-10-05/mt

Contents
  1. Preamble
  2. Artikolu 3

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1) Fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), li saret f'Pariġi mit-30 ta' Novembru sat-12 ta' Diċembru 2015, ġie adottat it-test ta' ftehim li jikkonċerna t-tisħiħ tar-rispons globali għat-tibdil fil-klima.

(2) Il-Ftehim ta' Pariġi ġie ffirmat fit-22 ta' April 2016 f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/590.

(3) Il-Ftehim ta' Pariġi jidħol fis-seħħ fit-30 jum wara d-data li fiha mill-inqas 55 Parti tal-UNFCCC li b'kollox jikkostitwixxu mill-inqas 55 % tal-emissjonijiet globali ta' gass serra, ikunu ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' ratifika, ta' aċċettazzjoni, ta' approvazzjoni jew ta' adeżjoni. Il-partijiet tal-UNFCCC jinkludu l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-18 ta' Marzu 2016, il-Kunsill Ewropew enfasizza l-bżonn li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jikkonkludu l-Ftehim ta' Pariġi malajr kemm jista' jkun u fil-ħin sabiex ikunu partijiet fil-mument tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

(4) Il-Ftehim ta' Pariġi jissostitwixxi l-approċċ meħud taħt il-Protokoll tal-Kyoto tal-1997.

(5) Il-Ftehim ta' Pariġi, fost l-oħrajn, jistabbilixxi mira fit-tul b'konformità mal-objettiv li ż-żieda fit-temperatura globali tinżamm sew taħt iż-2 °C meta mqabbla mal-livelli pre-industrijali u biex jitkomplew l-isforzi biex tinżamm sa 1,5 °C meta mqabbla maal-livelli pre-industrijali. Sabiex tintlaħaq din il-mira, il-Partijiet ser ifasslu, jikkomunikaw u jagħmlu kontributi suċċessivi stabbiliti fil-livell nazzjonali.

(6) Taħt il-Ftehim ta' Pariġi, mill-2023, il-Partijiet għandhom jagħmlu analiżi globali kull 5 snin, ibbażata fuq ix-xjenza l-aktar aġġornata u l-istadju ta' implimentazzjoni sa dik id-data, li ser tittraċċa l-progress u tikkunsidra t-tnaqqis fl-emissjonijiet, l-adattament u s-sostenn ipprovdut u l-kontribuzzjoni suċċessiva ta' kull Parti għandha tirrappreżenta progressjoni meta mqabbla mal-kontribuzzjoni preċedenti tagħha u li tirrifletti l-ogħla ambizzjoni tagħha possibbli.

(7) Mira vinkolanti ta' mill-inqas 40 % tnaqqis domestiku fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra fl-ekonomija kollha sal-2030 meta mqabbel mal-livell tal-1990 ġiet approvata fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta' Ottubru 2014 dwar il-qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija għall-2030. Fis-6 ta' Marzu 2015, il-Kunsill adotta dan il-kontribut tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha bħala l-kontribut maħsub stabbilit fil-livell nazzjonali tagħhom (INDC), li ġie ppreżentat lis-Segretarjat tal-UNFCCC.

(8) Fil-Komunikazzjoni tagħha li takkumpanja l-proposta biex l-Unjoni tiffirma l-Ftehim ta' Pariġi il-Kummissjoni enfasizzat li t-tranżizzjoni globali għal enerġija nadifa teħtieġ bidliet fil-mod kif isiru l-investimenti u kif jingħataw inċentivi tul l-ispettru kollu tal-politika. Hija prijorità prinċipali tal-Unjoni li tistabbilixxi Unjoni tal-Enerġija reżiljenti biex tipprovdi enerġija sikura, sostenibbli, kompetittiva u affordabbli liċ-ċittadini tagħha. Biex jinkiseb dan jeħtieġ li l-azzjoni klimatika ambizzjuża u l-progress rigward aspetti oħra tal-Unjoni tal-Enerġija jibqgħu għaddejjin.

(9) Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-18 ta' Settembru 2015 il-Kunsill ikkonferma li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom il-ħsieb jaġixxu b'mod konġunt taħt il-Ftehim ta' Pariġi u kien sodisfatt bl-intenzjoni tan-Norveġja u tal-Iżlanda li jipparteċipaw f'din l-azzjoni konġunta.

(10) L-azzjoni konġunta mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ser tiġi miftiehma fiż-żmien debitu u ser tkopri l-livell ta' emissjonijiet rispettiv allokat lill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

(11) Il-paragrafu 16 tal-Artikolu 4 tal-Ftehim ta' Pariġi jirrikjedi li s-Segretarjat jiġi notifikat dwar l-azzjoni konġunta, inkluż il-livell tal-emissjonijiet allokat lil kull Parti fil-perjodu ta' żmien relevanti.

(12) Il-Ftehim ta' Pariġi huwa f'konformità mal-objettivi ambjentali tal-Unjoni kif imsemmija fl-Artikolu 191 tat-Trattat, jiġifieri s-salvagwardja, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent; il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem, u l-promozzjoni ta' miżuri fil-livell internazzjonali sabiex jitrattaw problemi ambjentali reġjonali jew globali, u b'mod partikolari li jiġġieldu t-tibdil fil-klima.

(13) Il-Ftehim ta' Pariġi u d-Dikjarazzjoni ta' Kompetenza għandhom għalhekk jiġu approvati f'isem l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Il-Ftehim ta' Pariġi adottat fit-12 ta' Diċembru 2015 taħt il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni. It-test tal-Ftehim ta' Pariġi huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni. Id-Dikjarazzjoni ta' Kompetenza mehmuża ma' din id-Deċiżjoni hija wkoll approvata f'isem l-Unjoni.

Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill għandu jinnomina l-persuna jew il-persuni bis-setgħa li jiddepożitaw, f'isem l-Unjoni, l-istrument ta' ratifika mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 20 tal-Ftehim ta' Pariġi, flimkien mad-Dikjarazzjoni ta' Kompetenza.

Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jieħdu l-passi neċesarji bil-ħsieb li jiddepożitaw l-istrumenti ta' ratifika simultanjament mal-Unjoni jew kemm jista' jkun malajr wara dan.

2. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bid-deċiżjonijiet tagħhom dwar ir-ratifika tal-Ftehim ta' Pariġi jew, skont iċ-ċirkostanzi, bid-data probabbli tat-tlestija tal-proċeduri neċesarji.

Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta' wara dik tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Ottubru 2016. Għall-Kunsill Il-President M. Lajčák

Versions

  1. 2016-10-05