Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1899 tas-26 ta' Ottubru 2016 li temenda d-Deċiżjonijiet 92/260/KEE, 93/197/KEE u 2004/211/KE fir-rigward tal-ammissjoni u l-importazzjoni temporanja ta' żwiemel reġistrati minn ċerti partijiet tal-Eġittu (notifikata bid-dokument C(2016) 6791) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2016/1899@2016-10-26/mt
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2009/156/KE tat-30 ta' Novembru 2009 dwar kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-moviment u l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta' ekwidi, u b'mod partikolari l-Artikolu 12(1) u (4), il-punt (a) tal-Artikolu 15 u l-frażi introduttorja u l-punti (a) u (b) tal-Artikolu 19 tagħha,
Billi:
(1) Id-Direttiva 2009/156/KE tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni tal-ekwidi ħajjin fl-Unjoni. Hi tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi, fost affarijiet oħra, il-kundizzjonijiet speċjali għad-dħul temporanju u l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' ekwidi rreġistrati.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 92/260/KEE tistipula li l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw id-dħul temporanju fl-Unjoni ta' żwiemel reġistrati li jkunu ġejjin mill-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I tagħha. Dak l-Anness jistabbilixxi listi ta' pajjiżi terzi fejn hija applikata r-reġjonalizzazzjoni uffiċjali u jassenja dawk il-pajjiżi terzi fi gruppi sanitarji speċifiċi, skont is-sitwazzjoni tas-saħħa tagħhom.
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/197/KEE tistipula li l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' ekwidi rreġistrati u ta' ekwidi għat-tgħammir u l-produzzjoni li jkunu ġejjin mill-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I tagħha. Dak l-Anness jistabbilixxi listi ta' pajjiżi terzi fejn hija applikata r-reġjonalizzazzjoni uffiċjali u jassenja dawk il-pajjiżi terzi fi gruppi sanitarji speċifiċi, skont is-sitwazzjoni tas-saħħa tagħhom.
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/211/KE tistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi, jew ta' partijiet minnhom fejn tapplika r-reġjonalizzazzjoni, li minnhom l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni tal-ekwidi u s-semen, l-ova u l-embrijuni tagħhom. L-Anness I ta' din id-Deċiżjoni jistabbilixxi l-lista u jassenja wkoll il-pajjiżi terzi, jew partijiet minnhom, fi gruppi sanitarji speċifiċi.
(5) Id-Deċiżjonijiet 92/260/KEE, 93/197/KEE u 2004/211/KE kienu assenjaw lill-Eġittu fil-grupp sanitarju E. Madankollu, wara spezzjoni veterinarja mwettqa fl-Eġittu f'Ġunju 2010, ġie deċiż li s-sitwazzjoni f'dak il-pajjiż terz tista' tikkostitwixxi riskju serju għas-saħħa tal-annimali għall-popolazzjoni tal-ekwini fl-Unjoni. B'riżultat ta' dan, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/463/UE ġiet adottata sabiex tħassar l-entrata għall-Eġittu fil-Grupp Sanitarju E kif elenkat fl-Anness I tad-Deċiżjonijiet 92/260/KEE, 93/195/KEE u 93/197/KEE u biex tiġi emendata l-entrata għall-Eġittu fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE.
(6) Il-kunċett ta' Żona Ħielsa mill-Mard tal-Ekwini (EDFZ) żviluppat mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) jirrifletti l-prinċipji ta' reġjonalizzazzjoni stipulati fid-Direttiva 2009/156/KE. EDFZ hija għalhekk parti mit-territorju ta' pajjiż taħt superviżjoni veterinarja speċifika li hija ħielsa minn mard ekwin speċifikat multiplu u hija normalment stabbilita fejn il-kontroll u l-eradikazzjoni tal-mard kollu taż-żwiemel fit-territorju kollu ta' pajjiż ma jkunux fattibbli jew ma jistgħux jitwettqu. Is-separazzjoni tal-ekwidi fl-EDFZ minn ekwidi oħra tinkiseb permezz tal-implimentazzjoni ta' ġestjoni ta' bijosigurtà tajba, standards u proċeduri ta' ċertifikazzjoni, ippjanar ta' kontinġenza u identifikazzjoni taż-żwiemel kollha li jinsabu fl-EDFZ u l-kapaċità għar-rintraċċar tal-moviment tagħhom.
(7) F'Ġunju 2016, l-Eġittu talab li l-Kummissjoni terġa' tikkunsidra l-istatus ta' esportazzjoni ta' dak il-pajjiż terz u ressaq dokumentazzjoni dwar it-twaqqif ta' EDFZ madwar l-Isptar Veterinarju tal-Forzi Armati Eġizzjani li jinsab fil-lvant tal-periferija tal-Kajr. L-EDFZ hija konnessa mal-Ajruport Internazzjonali tal-Kajr, li jinsab anqas minn 10 km 'il bogħod, permezz ta' awtostrada.
(8) Mid-dokumentazzjoni sottomessa mill-Eġittu jidher li l-garanziji offruti mill-Eġittu huma biżżejjed biex l-Eġittu jerġa' jiġi assenjat fil-Grupp Sanitarju E u li jiġu awtorizzati l-ammissjoni u l-importazzjoni temporanji ta' żwiemel reġistrati fl-EDFZ tal-Eġittu.
(9) Id-Deċiżjonijiet 92/260/KEE, 93/197/KEE u 2004/211/KE għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan.
(10) Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 L-Anness I tad-Deċiżjoni 92/260/KEE huwa emendat skont l-Anness I ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2 L-Anness I tad-Deċiżjoni 93/197/KEE huwa emendat skont l-Anness II ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 3 L-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE huwa emendat skont l-Anness III ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Ottubru 2016. Għall-Kummissjoni Vytenis Andriukaitis Membru tal-Kummissjoni
ANNEX
ANNESS I
Fl-Anness I tad-Deċiżjoni 92/260/KEE, il-lista tal-pajjiżi terzi fil-Grupp Sanitarju E toħdilha postha din li ġejja: L-Emirati Għarab Magħquda (AE), il-Baħrejn (BH), l-Alġerija (DZ), l-Eġittu (3) (EG), l-Iżrael (4) (IL), il-Ġordan (JO), il-Kuwajt (KW), il-Libanu (LB), il-Marokk (MA), l-Oman (OM), il-Katar (QA), l-Arabja Sawdija (3) (SA), it-Tuniżija (TN), it-Turkija (3) (TR).
ANNESS II
Fl-Anness I tad-Deċiżjoni 93/197/KEE, il-lista tal-pajjiżi terzi fil-Grupp Sanitarju E toħdilha postha din li ġejja: L-Emirati Għarab Magħquda (3) (AE), il-Baħrejn (3) (BH), l-Alġerija (DZ), l-Eġittu (2) (3) (EG), l-Iżrael (5) (IL), il-Ġordan (3) (JO), il-Kuwajt (3) (KW), il-Libanu (3) (LB), il-Marokk (MA), il-Mawrizju (3) (MU), l-Oman (3) (OM), il-Katar (3) (QA), l-Arabja Sawdija (3) (SA), it-Tuniżija (TN), it-Turkija (2) (3) (TR).
ANNESS III
L-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE huwa emendat kif ġej:
(1) l-entrata għall-Eġittu joħdilha postha dan li ġej: EG l-Eġittu EG-0 Il-pajjiż kollu E — — — — — — — — — — EG-1 Iż-Żona Ħielsa mill-Mard Ekwin stabbilita fl-Isptar Veterinarju tal-Forzi Armati Eġizzjani fi Triq El Nasr, faċċata tal-Klabb AL Ahly, il-Kajr, u l-konnessjoni bl-awtostrada mal-Ajruport Internazzjonali tal-Kajr (ara l-Kaxxa 7 għad-dettalji) E X — X — — — — — — —
(2) tinżied il-Kaxxa 7 li ġejja: Kaxxa 7 EG l-Eġittu EG-1 Iż-Żona Ħielsa mill-Mard Ekwin (EDFZ) hija ta' madwar 0,1 km2 stabbilita madwar l-Isptar Veterinarju tal-Forzi Armati Eġizzjani fi Triq El-Nasr, faċċata tal-Klabb Al Ahly, fil-lvant tal-periferija tal-Kajr, (lokalizzata f'30°04′19,6″N 31°21′16,5″E) u l-konnessjoni bl-awtostrada ta' 10 km fuq it-Triq El-Nasr u Triq l-Ajruport mal-Ajruport Internazzjonali tal-Kajr.
(2)
(a) Id-delineazzjoni tal-fruntieri tal-EDFZ: Mill-intersezzjoni ta' Triq El Nasr ma' Triq El-Shaheed Ibrahim El-Shaikh (f'30°04′13,6″N 31°21′04,3″E) tul Triq El-Shaheed Ibrahim El-Shaikh għal madwar 500 m lejn it-Tramuntana sal-ewwel intersezzjoni mal-Passaġġ Ġewwa l-Forzi Armati (il-Passaġġ), iddur fuq il-lemin u ssegwi l-Passaġġ għal madwar 100 m lejn il-Lvant, iddur mill-ġdid fuq il-lemin u ssegwi l-Passaġġ għal 150 m lejn in-Nofsinhar, iddur fuq ix-xellug u ssegwi l-Passaġġ għal 300 m lejn il-Lvant, iddur fuq il-lemin u ssegwi l-Passaġġ għal 100 m lejn in-Nofsinhar sa Triq El-Nasr, iddur fuq il-lemin u ssegwi Triq El-Nasr għal 300 m lejn il-Lbiċ sakemm tiġi faċċata tal-intersezzjoni ta' Triq El-Nasr ma Triq Hassan Ma'moon, iddur fuq il-lemin u ssegwi l-Passaġġ għal 100 m lejn it-Tramuntana, iddur fuq ix-xellug u ssegwi l-Passaġġ għal 120 m lejn il-Punent, iddur fuq ix-xellug u ssegwi l-Passaġġ għal 200 m lejn in-Nofsinhar, iddur fuq il-lemin u ssegwi Triq El-Nasr għal 100 m lejn il-Punent sal-intersezzjoni ta' Triq El-Nasr ma' Triq El-Shaheed Ibrahim El-Shaikh.
(b) Id-delineazzjoni tal-fruntiera taż-żona tal-kwarantina ta' qabel l-esportazzjoni fi ħdan l-EDFZ: Mill-punt faċċata tal-intersezzjoni ta' Triq El-Nasr ma' Triq Hassan Ma'moon, issegwi l-Passaġġ għal 100 m lejn it-Tramuntana, iddur fuq il-lemin u ssegwi l-Passaġġ għal 250 m lejn il-Lvant, iddur fuq il-lemin u ssegwi l-Passaġġ għal 50 m lejn in-Nofsinhar sat-Triq El-Nasr, iddur fuq il-lemin u ssegwi Triq El-Nasr għal 300 m lejn il-Lbiċ sakemm tkun faċċata tal-intersezzjoni ta' Triq El-Nasr ma Triq Hassan Ma'moon.