Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2080 tal-25 ta' Novembru 2016 dwar il-ftuħ tal-bejgħ tat-trab tal-ħalib xkumat permezz ta' proċedura ta' sejħa għall-offerti
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2016/2080@2016-11-25/mt
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1240 tat-18 ta' Mejju 2016 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' intervent pubbliku u ta' għajnuna għall-ħżin privat, b'mod partikolari l-Artikolu 28 u l-Artikolu 31(1) tiegħu,
Billi:
(1) Minħabba s-sitwazzjoni attwali tas-suq tat-trab tal-ħalib xkumat f'termini tal-irkupru tal-prezz u l-livell għoli ta' ħażniet ta' intervent huwa xieraq li jinfetaħ il-bejgħ tat-trab tal-ħalib xkumat mill-intervent pubbliku permezz ta' proċedura ta' sejħa għall-offerti skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 2016/1240.
(2) Sabiex jiġi ġestit il-bejgħ mill-intervent b'mod adegwat, huwa meħtieġ li tiġi speċifikata d-data li qabilha t-trab tal-ħalib xkumat li jitqiegħed għall-bejgħ, għandu jkun daħal fl-intervent pubbliku.
(3) Skont l-Artikolu 28(4)(b), (c) u (d) tar-Regolament (UE) Nru 2016/1240, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-perjodi għas-sottomissjoni tal-offerti, il-kwantità minima li għaliha tista' tiġi ppreżentata offerta u l-ammont tal-garanzija li għandha tiġi ppreżentata meta titressaq offerta.
(4) Għall-finijiet tal-Artikolu 31(1) tar-Regolament (UE) Nru 2016/1240, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-limiti ta' żmien sa meta l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-offerti ammissibbli kollha.
(5) Fl-interess ta' amministrazzjoni effiċjenti, l-Istati Membri għandhom jagħmlu n-notifiki tagħhom lill-Kummissjoni skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009.
(6) Il-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli ma tax opinjoni saż-żmien stabbilit mill-president tiegħu,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 Kamp ta' applikazzjoni
Il-bejgħ permezz ta' proċedura ta' sejħa għall-offerti, tat-trab tal-ħalib xkumat maħżun qabel l-1 ta' Novembru 2015 huwa miftuħ taħt il-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III tat-Titolu II tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 2016/1240.
Artikolu 2 Tressiq ta' offerti
1. Il-perjodu li fih jistgħu jitressqu l-offerti bi tweġiba għall-ewwel sejħa parzjali għall-offerti għandu jintemm fit-13 ta' Diċembru 2016 fil-11.00 (ħin ta' Brussell).
2. Il-perjodi li fihom jistgħu jitressqu l-offerti bi tweġiba għat-tieni sejħa parzjali u għas-sejħiet parzjali sussegwenti għandhom jibdew fl-ewwel jum tax-xogħol wara tmiem il-perjodu preċedenti. Dawn għandhom jintemmu fl-11.00 (ħin ta' Brussell) fl-ewwel u t-tielet Tlieta tax-xahar. Madankollu, f'Awwissu għandu jkun il-11.00 (ħin ta' Brussell) fir-raba' Tlieta, u f'Diċembru għandu jkun il-11.00 (ħin ta' Brussell) fit-tieni Tlieta. Jekk it-Tlieta tkun festa pubblika l-limitu taż-żmien għandu jkun il-11.00 (ħin ta' Brussell) tal-jum tax-xogħol preċedenti.
3. L-offerti jitressqu quddiem l-aġenziji tal-pagamenti approvati mill-Istati Membri.
Artikolu 3 Kwantità għal kull offerta u unità ta' kejl
Il-kwantità minima ta' trab tal-ħalib xkumat li għaliha tista' tiġi ppreżentata offerta għandha tkun ta' 20 tunnellata. Il-prezz propost għandu jkun il-prezz għal kull 100 kilogramma ta' prodott.
Artikolu 4 Is-sigurtà
Meta titressaq offerta għall-bejgħ tat-trab tal-ħalib xkumat, garanzija ta' EUR 50/tunellata għandha tiġi ppreżentata lill-aġenzija tal-pagamenti fejn intefgħet l-offerta.
Artikolu 5 Notifika lill-Kummissjoni
In-notifika prevista fl-Artikolu 31(1) tar-Regolament (UE) Nru 2016/1240 għandha ssiru skont ir-Regolament (KE) Nru 792/2009 sal-16.00 (ħin ta' Brussell) il-jiem imsemmija fl-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 6 Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Novembru 2016. Għall-Kummissjoni, F'isem il-President, Phil Hogan Membru tal-Kummissjoni