Gelex

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/232 tal-15 ta' Diċembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li jikkonċerna ċerti aspetti ta' kooperazzjoni bejn il-produtturi

In forceVersion 2015-12-15from 2016-02-26
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2016/232@2015-12-15/mt

Contents
  1. Preamble
  2. Artikolu 1 Kamp ta' applikazzjoni
  3. Artikolu 2 Definizzjonijiet
  4. Artikolu 3 Esternalizzazzjoni
  5. Artikolu 4 Rikonoxximent ta' organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet tranżnazzjonali
  6. Artikolu 5 Notifiki
  7. Artikolu 6 Tħassir

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007, u b'mod partikolari l-Artikolu 173(1) u 223(2) tiegħu,

Billi:

(1) Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 u jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali. Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati u ta' implimentazzjoni f'dak ir-rigward. Sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-azzjoni ta' dawn l-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet fil-qafas ġuridiku l-ġdid, iridu jiġu adottati ċerti regoli.

(2) Diġà jeżistu regoli speċifiċi dwar ċerti aspetti ta' kooperazzjoni għas-settur tal-frott u l-ħaxix, għas-settur tal-ħalib u l-prodotti mill-ħalib u għas-settur taż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ għall-ikel. Sabiex tkun żgurata l-kontinwità, ir-regoli speċifiċi għal dawn is-setturi għandhom jibqgħu japplikaw. Għal dawk l-aspetti ta' kooperazzjoni bejn il-produtturi li mhumiex koperti minn dawk ir-regoli speċifiċi, għandu japplika dan ir-Regolament Delegat.

(3) L-Artikolu 155 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistipula li l-Istati Membri jistgħu jippermettu organizzazzjoni tal-produtturi rikonoxxuta jew assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti biex jesternalizzaw kull attività tagħhom minbarra l-produzzjoni f'dawk is-setturi fejn il-Kummissjoni tippermetti l-esternalizzazzjoni. Fil-preżent, l-esternalizzazzjoni hija prevista għas-settur tal-frott u l-ħaxix u għas-settur taż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ tal-ikel. Filwaqt li jitqiesu l-aspetti ekonomiċi involuti u l-benefiċċji li l-esternalizzazzjoni ta' ċerti attivitajiet tista' tipprovdi lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi u lill-assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi u lill-membri tagħhom, din l-esternalizzazzjoni għandha tkun disponibbli għas-setturi kollha.

(4) Għandhom ikunu stabbiliti regoli dwar ir-rikonoxximent ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi tranżnazzjonali u ta' assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi tranżnazzjonali u ta' organizzazzjonijiet interprofessjonali tranżnazzjonali kif ukoll regoli li jiċċaraw ir-responsabbiltà tal-Istati Membri involuti. Filwaqt li titħares il-libertà tal-istabbiliment, ir-rikonoxximent ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi tranżnazzjonali u ta' assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi tranżnazzjonali għandu jkun ir-responsabbiltà tal-Istat Membru fejn dawn l-organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet ikollhom għadd sinifikanti ta' membri jew volum jew valur minimu sinifikanti ta' produzzjoni kummerċjabbli. Għal organizzazzjonijiet interprofessjonali tranżnazzjonali għandu jkun l-Istat Membru fejn huma stabbiliti l-kwartieri ġenerali tagħhom, li jiddeċiedi dwar ir-rikonoxximent tagħhom.

(5) Għandhom jiġu stabbiliti regoli rigward l-istabbiliment tal-assistenza amministrattiva li għandha tingħata fil-każ ta' kooperazzjoni tranżnazzjonali. Assistenza bħal din għandha b'mod partikolari tinkludi t-trasferiment ta' informazzjoni li tkun tippermetti lill-Istat Membru kompetenti jivvaluta jekk organizzazzjoni tal-produtturi tranżnazzjonali, assoċjazzjoni ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi tranżnazzjonali jew organizzazzjoni interprofessjonali tranżnazzjonali hijiex konformi mat-termini tar-rikonoxximent. Informazzjoni bħal din hija meħtieġa biex l-Istat Membru kompetenti jkun jista' jieħu azzjoni f'każ ta' nuqqas ta' konformità. Fl-istess ħin, din l-assistenza se tippermetti li meta l-Istati Membri kompetenti jintalbu, huma jkunu jistgħu jittrasferixxu informazzjoni lill-Istati Membri fejn ikunu jinsabu l-membri ta' tali organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet.

(6) Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-miżuri fil-kuntest tal-politika agrikola komuni u għall-fini tal-monitoraġġ, l-analiżi u l-ġestjoni ta' prodotti agrikoli kif ukoll biex jiġi żgurat approċċ armonizzat u simplifikat, għandha tiġi speċifikata l-informazzjoni meħtieġa għan-notifika tad-deċiżjonijiet li jippermettu l-esternalizzazzjoni u li jagħtu, jirrifjutaw jew jirtiraw ir-rikonoxximent ta' organizzazzjoni tal-produtturi, ta' assoċjazzjoni ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi jew ta' organizzazzjoni interprofessjonali.

(7) Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 223/2008 u Nru 709/2008 jistipulaw regoli speċifiċi dwar l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali. Uħud mid-dispożizzjonijiet ta' dawk ir-regolamenti ma għadhomx fis-seħħ jew qatt ma ġew applikati. Għalhekk, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, dawk ir-Regolamenti għandhom jitħassru,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1 Kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistipula regoli li jissupplimentaw ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 f'dak li jikkonċerna ċerti aspetti tal-kooperazzjoni tal-produtturi. Dan japplika mingħajr preġudizzju għar-regoli speċifiċi stabbiliti fir-Regolamenti li ġejjin:

(a) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 dwar is-settur tal-frott u l-ħaxix;

(b) Ir-Regolament (UE) Nru 880/2012 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 511/2012 fir-rigward tas-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib; kif ukoll

(c) Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 611/2014 dwar is-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-ikel.

Artikolu 2 Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) organizzazzjoni tal-produtturi tranżnazzjonali tfisser kwalunkwe organizzazzjoni tal-produtturi li l-azjendi tal-produtturi membri tagħha jkunu jinsabu f'aktar minn Stat Membru wieħed;

(b) assoċjazzjoni ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi tranżnazzjonali tfisser kwalunkwe assoċjazzjoni ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi li l-organizzazzjonijiet membri tagħha jkunu jinsabu f'aktar minn Stat Membru wieħed;

(c) organizzazzjoni interprofessjonali tranżnazzjonali tfisser kwalunkwe organizzazzjoni interprofessjonali li l-membri tagħha jkunu involuti fil-produzzjoni, fl-ipproċessar jew fil-kummerċ ta' prodotti koperti mill-attivitajiet tal-organizzazzjoni f'aktar minn Stat Membru wieħed.

Artikolu 3 Esternalizzazzjoni

1. Is-setturi li fihom l-Istati Membri jistgħu jippermettu l-esternalizzazzjoni skont l-Artikolu 155 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandhom ikunu dawk elenkati fl-Artikolu 1(2) ta' dak ir-Regolament.

2. Organizzazzjonijiet tal-produtturi jew assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi li jesternalizzaw kwalunkwe attività minn tagħhom għandhom jidħlu f'arranġament kummerċjali permezz ta' kuntratt bil-miktub, li jiżgura li l-organizzazzjoni tal-produtturi jew l-assoċjazzjoni tal- organizzazzjonijiet tal-produtturi żżomm il-kontroll u s-superviżjoni tal-attivitajiet li jkunu qed isiru.

Artikolu 4 Rikonoxximent ta' organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet tranżnazzjonali

1. Suġġett għat-Taqsimiet 1 u 2 tal-Kapitolu III tat-Titolu II tal-Parti II tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, huwa l-Istat Membru li fih organizzazzjoni tal-produtturi tranżnazzjonali jew assoċjazzjoni ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi tranżnazzjonali jkollha għadd sinifikanti ta' membri jew organizzazzjonijiet membri jew volum jew valur sinifikanti ta' produzzjoni kummerċjabbli, jew l-Istat Membru li fih il-kwartieri ġenerali ta' organizzazzjoni interprofessjonali tranżnazzjonali huwa stabbilit, li jiddeċiedi dwar ir-rikonoxximent ta' tali organizzazzjoni jew assoċjazzjoni.

2. L-Istat Membru msemmi fil-paragrafu 1 għandu jistabbilixxi l-kooperazzjoni amministrattiva neċessarja mal-Istati Membri l-oħra li fihom il-membri ta' tali organizzazzjoni jew assoċjazzjoni jinsabu fir-rigward tal-verifika tal-konformità mat-termini tar-rikonoxximent msemmija fl-Artikoli 154, 156 u 157 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

3. L-Istati Membri l-oħra fejn jinsabu l-membri ta' organizzazzjoni tal-produtturi tranżnazzjonali, ta' assoċjazzjoni ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi tranżnazzjonali jew organizzazzjoni interprofessjonali tranżnazzjonali għandhom jagħtu l-assistenza amministrattiva neċessarja kollha lill-Istat Membru msemmi fil-paragrafu 1.

4. L-Istat Membru msemmi fil-paragrafu 1 għandu jagħmel disponibbli l-informazzjoni rilevanti kollha fuq talba ta' Stat Membru ieħor fejn ikunu jinsabu l-membri ta' tali organizzazzjoni jew assoċjazzjoni.

Artikolu 5 Notifiki

Sal-31 ta' Marzu ta' kull sena, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni li ġejja fir-rigward tas-sena kalendarja preċedenti:

(a) id-deċiżjonijiet li jagħtu, li jirrifjutaw jew li jirtiraw ir-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi jew l-organizzazzjonijiet interprofessjonali, inkluża d-data tad-deċiżjoni u l-ismijiet u s-setturi kkonċernati u sommarju tar-raġunijiet għar-rifjut u għall-irtirar ta' rikonoxximent;

(b) fir-rigward ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi rikonoxxuti u ta' assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, il-valur tal-produzzjoni kummerċjabbli.

Artikolu 6 Tħassir

Ir-Regolamenti (KE) Nru 223/2008 u (KE) Nru 709/2008 huma mħassra.

Artikolu 7 Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Diċembru 2015. Għall-Kummissjoni Il-President Jean-Claude Juncker

Versions

  1. 2015-12-15