Gelex

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/365 tal-11 ta' Marzu 2016 li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta' oriġini protetti u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (Telemea de IIbănești (DOP))

In forceVersion 2016-03-11from 2016-04-04
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2016/365@2016-03-11/mt

Contents
  1. Preamble

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, u b'mod partikolari l-Artikolu 52(3)(a) tiegħu,

Billi:

(1) F'konformità mal-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-applikazzjoni ppreżentata mir-Rumanija għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni Telemea de Ibănești ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(2) Fil-5 ta' Marzu 2015, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta' oppożizzjoni mill-Greċja. Fit-30 ta' April 2015 il-Kummissjoni rċeviet dikjarazzjoni motivata ta' oppożizzjoni relatata.

(3) Il-Kummissjoni eżaminat l-oppożizzjoni mibgħuta mill-Greċja u sabet li kienet ammissibbli. Il-kelma Telemea, li tifforma parti mill-isem Telemea de Ibănești huwa kważi identiku għall-isem Τελεμές (Telemés) li jintuża fil-Greċja. Τελεμές (Telemés) huwa ġobon abjad imellaħ li jiġi prodott f'partijiet differenti tal-Greċja fuq skala kummerċjali. L-oppożizzjoni ssostni li r-reġistrazzjoni tal-isem Telemea de Ibănești tista' tipperikola l-eżistenza ta' isem parzjalment identiku Τελεμές (Telemés) u l-eżistenza ta' prodotti li ilhom legalment fuq is-suq Grieg għal mill-inqas ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem Telemea de Ibănești.

(4) Permezz ta' ittra tat-22 ta' Ġunju 2015, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jinvolvu ruħhom fil-konsultazzjonijiet rilevanti biex jilħqu qbil bejniethom skont il-proċeduri interni tagħhom.

(5) Ir-Rumanija u l-Greċja laħqu ftehim, li ġie notifikat lill-Kummissjoni fil-21 ta' Settembru 2015, fi żmien l-iskadenza preskritta.

(6) Kif jirriżulta mill-informazzjoni skambjata mal-Greċja fil-kuntest tal-proċedura ta' oppożizzjoni, ir-Rumanija tipproduċi fuq livell nazzjonali, tip ta' ġobon imsejjaħ Telemea. Din il-produzzjoni hija konformi ma' standard nazzjonali approvat mil-Assoċjazzjoni Standard Rumena. Fl-2014 madwar 24000 tunnellata ta' Telemea ġew prodotti fir-Rumanija. Bl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem Telemea de Ibănești, ir-Rumanija ma kellhiex l-għan li tirriżerva l-użu tat-terminu Telemea.

(7) Ir-Rumanija u l-Greċja qablu li l-protezzjoni tad-denominazzjoni Telemea de Ibănești m'għandhiex tkopri biss l-isem Telemea iżda l-isem kompost biss Telemea de Ibănești b'mod ġenerali. Barra minn hekk, huma kkonkludew li r-Regolament li jdaħħal l-isem Telemea de Ibănești fir-reġistru ta' denominazzjoni protetta ta' oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti għandu jinkludi premessa li tispeċifika l-kamp ta' protezzjoni.

(8) Il-kontenut tal-ftehim konkluż bejn ir-Rumanija u l-Greċja għandu jiġi kkunsidrat, billi huwa konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

(9) Għalhekk, id-denominazzjoni ta' oriġini Telemea de Ibănești (DOP), għandha tiġi mħarsa b'mod ġenerali, billi t-terminu Telemea jista' jkompli jiġu wżat fit-tikkettar jew preżentazzjonijiet fi ħdan it-territorju tal-Unjoni, sakemm il-prinċipji u r-regoli applikabbli fl-ordni legali tiegħu jitħarsu.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1 L-isem Telemea de Ibănești (DOP) huwa rreġistrat. Id-denominazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu tiddentifika prodott mill-Klassi 1.3. Ġobon stabbilit fl-Anness XI tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014.

Artikolu 2 It-terminu Telemea jista' jkompli jiġi użat fit-tikkettar jew preżentazzjonijiet fi ħdan it-territorju tal-Unjoni, sakemm il-prinċipji u r-regoli applikabbli fl-ordni legali tiegħu jitħarsu.

Artikolu 3 Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Marzu 2016. Għall-Kummissjoni Il-President Jean-Claude Juncker

Versions

  1. 2016-03-11