Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/63 tal-15 ta' Jannar 2016 rigward l-adeżjoni tal-Kroazja għall-Konvenzjoni mfassla abbażi tal-Artikolu K.3(2)(c) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2016/63@2016-01-15/mt
Contents
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra t-Trattat tal-Adeżjoni tal-Kroazja,
Wara li kkunsidra l-Att ta' Adeżjoni tal-Kroazja, u b'mod partikolari l-Artikolu 3(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,
Billi:
(1) Il-Konvenzjoni mfassla abbażi tal-Artikolu K.3(2)(c) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (il-Konvenzjoni kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali) ġiet iffirmata fis-26 ta' Mejju 1997 u daħlet fis-seħħ fit-28 ta' Settembru 2005.
(2) L-Artikolu 3(4) tal-Att ta' Adeżjoni tal-Kroazja (l-Att ta' Adeżjoni) jipprovdi li l-Kroazja taderixxi għall-konvenzjonijiet u l-protokolli konklużi bejn l-Istati Membri, elenkati fl-Anness I għall-Att ta' Adeżjoni, li jinkludi, fost oħrajn, il-Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali. Dawn għandhom jidħlu fis-seħħ fir-rigward tal-Kroazja fid-data deċiża mill-Kunsill.
(3) Skont l-Artikolu 3(5) tal-Att ta' Adeżjoni, il-Kunsill għandu jiddeċiedi li jagħmel l-aġġustamenti kollha meħtieġa minħabba l-adeżjoni għal dawk il-konvenzjonijiet u l-protokolli,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Il-Konvenzjoni kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali għandha tidħol fis-seħħ għall-Kroazja fl-ewwel jum tal-ewwel xahar minn wara d-data ta' pubblikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2 It-test tal-Konvenzjoni kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali mfassla fil-lingwa Kroata għandu jkun awtentiku skont l-istess kondizzjonijiet bħat-testi l-oħra tal-Konvenzjoni kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali.
Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Jannar 2016. Għall-Kunsill Il-President J.R.V.A. Dijsselbloem