Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/835 tal-25 ta' Mejju 2016 dwar it-tiġdid tal-mandat tal-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u fit-Teknoloġiji l-Ġodda
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2016/835@2016-05-25/mt
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Billi:
(1) Il-valuri fundamentali tal-Unjoni huma minquxa fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Europea, u l-Artikolu 6 jikkonferixxi l-istess valur legali lill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali daqs tat-Trattati u jistabbilixxi li d-drittijiet fundamentali għandhom jikkostitwixxu l-prinċipji ġenerali tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.
(2) Fl-20 ta' Novembru 1991, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tinkorpora l-etika fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għall-politiki dwar l-iżvilupp tar-riċerka u tat-teknoloġija tal-Komunità bit-twaqqif ta' Grupp ta' Konsulenti dwar l-Implikazzjonijiet Etiċi tal-Bioteknoloġija (GKIEB).
(3) Fis-16 ta' Diċembru 1997 il-Kummissjoni ddeċidiet li tissostitwixxi l-GKIEB bil-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u fit-Tekonoloġiji l-Ġodda (GEE) billi estendiet il-mandat tal-Grupp biex ikopri t-taqsimiet kollha tal-applikazzjoni tax-xjenza u t-teknoloġija. Wara dan, l-aktar tiġdid riċenti tal-mandat tal-GEE sar bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/1/UE. Issa wasal iż-żmien li jiġġedded il-mandat għal perjodu ta' ħames snin u b'hekk jiġu appuntati l-membri l-ġodda.
(4) Il-GEE għandu l-inkarigu li jagħti gwida etika lill-Kummissjoni Ewropea, jew meta din titlobha, jew fuq l-inizjattiva tiegħu u bi ftehim mal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tista' tiġbed l-attenzjoni tal-GEE lejn kwistjonijiet li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill iqisuhom ta' importanza etika kbira.
(5) Għandhom jiġu stabbiliti r-regoli dwar l-iżvelar tal-informazzjoni mill-membri tal-grupp.
(6) Id-dejta personali għandha tiġi pproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(7) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/1/UE għandha titħassar,
ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Mandat
Il-mandat tal-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u fit-Tekonoloġiji l-Ġodda, minn hawn 'il quddiem il-GEE, jiġġedded għal ħames snin.
Artikolu 2 Inkarigu
L-inkarigu tal-GEE għandu jkun li jagħti l-pariri lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet etiċi marbutin max-xjenzi u mat-teknoloġiji l-ġodda, u dwar l-implikazzjonijiet soċjali aktar wesgħin tal-avvanzi f'dawn l-oqsma, jew meta titolbu parir il-Kummissjoni jew fuq talba mill-president tiegħu bi qbil mas-servizzi tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, il-Grupp għandu:
(a) jidentifika, jiddefinixxi u jeżamina l-kwistjonijiet etiċi li jitqajmu mill-iżviluppi fix-xjenza u fit-teknoloġiji;
(b) jipprovdi gwida, permezz ta' analiżijiet u rakkomandazzjonijiet orjentati lejn il-promozzjoni tat-tfassil tal-politiki etiċi tal-UE filwaqt li jqis il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 3 Konsultazzjoni
Il-Kummissjoni tista' tikkonsulta lill-grupp dwar kwalunkwe kwistjoni fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 2. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tista' tiġbed l-attenzjoni tal-Grupp lejn kwistjonijiet li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill iqisuhom ta' importanza etika kbira.
Artikolu 4 Sħubija — Ħatra
1. Il-GEE għandu jkollu sa 15-il membru. Il-membri għandhom ikunu kompetenti fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 2.
2. Il-membri jagħtu s-servizz tagħhom f'kapaċità personali. Huma għandhom jagħtu l-pariri lill-Kummissjoni fl-interess tal-pubbliku u mingħajr ebda influwenza barranija. Il-membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni malli jkollhom ebda kunflitt ta' interess li jista' jikkomprometti l-imparzjalità tagħhom.
3. Il-membri se jiġu maħturin mill-President tal-Kummissjoni fuq proposta tal-Kummissarju responsabbli għar-Riċerka, ix-Xjenza u l-Innovazzjoni wara li jkunu rrispondew sejħa għall-espressjoni ta' interess biex jidħlu membri tal-GEE u li jkun sar il-proċess tal-għażla ssorveljat minn Kumitat tal-Identifikazzjoni, u bbażat fuq il-kriterji stipulati fil-paragrafi 4 u 6 ta' dan l-Artikolu.
4. Meta jkun qed jipproponi l-membri tal-GEE, il-Kumitat tal-Identifikazzjoni għandu kemm jista' jkun jipprova jiżgura livell għoli ta' għarfien espert u ta' pluraliżmu, bilanċ ġeografiku, u rappreżentanza bbilanċjata tal-għarfien u tal-oqsma ta' interess rilevanti, filwaqt li jqis il-kompiti speċifiċi tal-GEE, it-tip ta' għarfien espert li jkun meħtieġ, u t-tweġib għas-sejħa għall-espressjoni ta' interess. Il-GEE għandu jkun indipendenti, pluralistiku u multidixxiplinarju.
5. Kull membru tal-GEE għandu jinħatar għal perjodu ta' sentejn u nofs. Fi tmiem dan iż-żmien, il-ħatra tista' tiġġedded. Wara l-ewwel ħatra, membru jista' jinħatar mill-ġdid għall-massimu ta' darbtejn oħra.
6. Fl-għażla tal-kandidati li japplikaw biex jinħatru membri ta' dan il-Grupp, se jitqiesu l-fatturi u l-kriterji li ġejjin:
6.
(a) Il-kompożizzjoni tal-grupp trid tiżgura li dan ikun jista' jagħti pariri indipendenti u tal-ogħla kwalità, li jikkumbinaw l-għaqal u l-ħsieb orjentat lejn il-ġejjieni. Il-kredibbiltà tal-grupp għandha tinbena fuq il-bilanċ tal-kwalitajiet tal-irġiel u n-nisa li jiffurmawh, u dawn għandhom ilkoll flimkien jirriflettu l-firxa ta' perspettivi madwar l-Ewropa. Għandu jitqies b'mod strett il-bilanċ ta' nisa u rġiel fil-grupp, kif ukoll il-bilanċ tal-etajiet u tal-firxa ta' pajjiżi li jkunu ġejjin minnhom.
(b) Il-Membri tal-grupp għandhom ikunu esperti magħrufin internazzjonalment, b'rekord ta' eċċellenza u esperjenza fil-livell Ewropew u dinji.
(c) Il-Membri għandhom jirriflettu l-firxa wiesgħa tad-dixxiplini tal-mandat tal-grupp, f'dak li jikkonċerna l-filosofija u l-etika; ix-xjenzi naturali u soċjali; u l-liġi. Madankollu, ma għandhomx iqisu ruħhom bħala rappreżentanti ta' dixxiplina, perspettiva tad-dinja, jew linja ta' riċerka partikolari; għandu jkollhom perspettiva wiesgħa li b'mod kollettiv tirrifletti fehim tal-iżviluppi importanti li jkunu għaddejjin jew se jibdew, dawn jinkludu perspettivi interdixxiplinari, transdixxiplinari u multidixxiplinari, u fehim tal-ħtieġa ta' pariri etiċi fil-livell Ewropew.
(d) Apparti milli jkollhom reputazzjonijiet tajbin ippruvati, kollettivament, il-membri tal-grupp għandu jkollhom l-esperjenza tal-għotja ta' pariri etiċi lill-fassala tal-politiki, li jkunu kisbuha minn firxa wiesgħa ta' Stati Membri, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak internazzjonali.
(e) Il-grupp għandu jinkludi membri li jkollhom l-esperjenza f'korpi bħalma huma kunsilli u kumitati konsultattivi, konsulenti ta' gvernijiet, kunsilli nazzjonali dwar l-etika, universitajiet u istituti ta' riċerka. Jista' jkun ta' ġid għall-grupp jekk jiġu inklużi membri li jkunu kisbu l-esperjenza tagħhom f'aktar minn pajjiż wieħed, u membri li jkunu ġejjin minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea.
7. L-għażla tal-membri tal-GEE se ssir fuq il-bażi ta' sejħa miftuħa għall-espressjonijiet ta' interess li tispeċifika kif għandha timtela l-applikazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika s-sejħa fis-sit web Europa. Għandu jkun hemm ippubblikata wkoll ħolqa bejn ir-Reġistru tal-esperti tal-Kummissjoni, u entitajiet oħrajn simili (ir-reġistru tal-gruppi esperti) u s-sit web Europa.
8. In-nominazzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati dment li l-innominat isegwi l-mod preskritt biex wieħed jimla u jressaq l-applikazzjoni tiegħu.
9. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista tal-membri tal-GEE fir-Reġistru tal-gruppi esperti.
10. Il-kandidati addattati li ma jinħatrux skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, għandhom jitpoġġew fuq lista ta' riżerva. Il-President tal-Kummissjoni jista' jaħtar il-membri minn din il-lista ta' riserva.
11. F'każ li membru ma jibqax kapaċi jikkontribwixxi b'mod effettiv għall-ħidma tal-GEE, jew jirriżenja, jew ma jikkonformax mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 339 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-President tal-Kummissjoni jista' jaħtar membru ieħor minfloku mil-lista ta' riżerva, għall-kumplament taż-żmien tal-kariga tal-membru oriġinali.
Artikolu 5 Ħidma
1. Id-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, b'kooperazzjoni fil-qrib mal-president tal-GEE, ikun responsabbli mill-koordinazzjoni u l-organizzazzjoni tal-ħidma tal-GEE u biex jipprovdilu s-Segretarjat.
2. Il-membri tal-GEE għandhom jeleġġu president u viċipresident minn fosthom permezz ta' votazzjoni b'maġġoranza sempliċi, li jservu tul il-kariga tal-grupp.
3. Il-membri tal-GEE u l-esperti mistiedna, għandhom jikkonformaw mal-obbligi tas-segretezza professjonali stabbiliti fit-Trattati u fir-regoli ta' implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll mar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà fir-rigward tal-protezzjoni tal-informazzjoni kklassifikata tal-UE, stabbiliti fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 u (UE, Euratom) 2015/444. F'każ li dawn l-obbligi ma jiġux irrispettati, il-Kummissjoni tista' tieħu l-miżuri xierqa kollha.
4. Il-Kummissjoni trid tkun taqbel mal-Programm ta' Ħidma tal-GEE li jista' jkun jinkludi l-analiżijiet etiċi li jissuġġerixxi fuq l-inizjattiva tiegħu l-GEE. Kull talba ta' analiżi etika għandha tinkludi l-parametri tal-analiżi mitluba. Meta titlob parir mingħand il-GEE, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi limitu ta' żmien li fih għandu jingħata l-parir.
5. L-Opinjonijiet tal-GEE għandu jkun fihom sett ta' rakkomandazzjonijiet. Dawn għandhom ikunu bbażati fuq għarfien ġenerali tal-attwalitajiet l-aktar riċenti fix-xjenzi u fit-teknoloġiji kkonċernati u fuq analiżi dettaljata tal-kwistjonijiet etiċi rilevanti. Is-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni għandhom jintgħarrfu bir-rakkomandazzjonijiet tal-GEE.
6. Il-GEE għandu jaħdem b'mod kolleġjali, billi jfittex li jasal għal kunsens fost il-membri. Il-GEE għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu abbażi tar-Regoli ta' Proċedura standard għall-gruppi ta' esperti bil-qbil tar-rappreżentant tal-Kummissjoni. Il-proċeduri tal-ħidma għandhom jippruvaw jassiguraw li kull membru jkollu parti attiva fl-attivitajiet tal-grupp.
7. Il-laqgħat tal-GEE normalment għandhom isiru fl-uffiċċji tal-Kummissjoni skont il-modalitajiet u l-kalendarju stabbiliti mill-Kummissjoni. Il-GEE għandu jiltaqa' mill-inqas sitt darbiet matul perjodu ta' 12-il xahar u dan jinvolvi tnax-il jum ta' xogħol fis-sena. Jistgħu jiġu organizzati aktar laqgħat meta jkun hemm bżonn, bi qbil mar-rappreżentant tal-Kummissjoni. Bl-iskop li jitħejjew l-analiżijiet tal-GEE, u fil-limiti tar-riżorsi disponibbli, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista': Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha torganizza diskussjoni pubblika biex tippromwovi d-djalogu u tiżdied it-trasparenza fuq kull Opinjoni li jipproduċi l-GEE. Il-GEE għandu jistabbilixxi kuntatti mill-qrib mad-dipartimenti tal-Kummissjoni involuti fil-kwistjonijiet li jkun qed jaħdem fuqhom il-Grupp.
jistieden lill-esperti u lir-rappreżentanti tal-NGOs jew ta' organizzazzjonijiet rappreżentattivi rilevanti, meta dan ikun jixraq, għal skambju ta' fehmiet fuq bażi ad hoc; ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista' wkoll jistieden xi esperti esterni biex jieħdu sehem fil-ħidma tal-GEE fuq bażi ad hoc u temporanja, jekk iqis li dan ikun meħtieġ biex jiġi ttrattat spettru wiesa' ta' kwistjonijiet etiċi li jkunu marbutin mal-avvanzi fix-xjenza u fit-teknoloġiji l-ġodda;
jagħti bidu għal studji biex tinġabar l-informazzjoni xjentifika u teknika kollha meħtieġa;
jippermetti li jiġu stabbiliti gruppi ta' ħidma li jiddiskutu kwistjonijiet speċifiċi;
jistabbilixxi kuntatti mill-qrib mar-rappreżentanti tad-diversi korpi tal-etika fl-Istati Membri u f'pajjiżi terzi.
8. Il-Grupp għandu jagħmel ħiltu biex jilħaq kunsens. Madankollu, meta Opinjoni ma tiġix adottata b'mod unanimu, għandha tkun tinkludi kull perspettiva diverġenti (bħala opinjoni ta' minoranza) u l-ismijiet tal-Membri li jaqblu ma' din il-perspettiva. L-Opinjoni għandha tintbagħat lill-President tal-Kummissjoni jew lil xi rappreżentant li jintgħażel mill-President. Kull Opinjoni għandha tiġi ppubblikata minnufih u tintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea malli tiġi adottata.
9. Jekk iċ-ċirkostanzi tax-xogħol jeħtieġu li parir dwar suġġett partikolari jingħata aktar malajr milli tippermetti l-adozzjoni ta' Opinjoni, jistgħu jingħataw Dikjarazzjonijiet qosra jew forom oħra ta' analiżi, li, jekk ikun hemm bżonn, wara jkunu segwiti minn analiżi aktar dettaljata fil-forma ta' Opinjoni, filwaqt li jkun żgurat li tkun rispettata t-trasparenza, kif għandha tkun għal kull Opinjoni oħra. Id-dikjarazzjonijiet jiġu ppubblikati u jitpoġġew fis-sit web tal-GEE. Bħala parti mill-Programm ta' Ħidma tiegħu, il-GEE, bil-qbil tar-rappreżentant tal-Kummissjoni, jista', jekk iqis li dan ikun meħtieġ, jaġġorna Opinjoni.
10. Id-diskussjonijiet tal-GEE għandhom jibqgħu kunfidenzjali. Bi ftehim mar-rappreżentant tal-Kummissjoni, il-grupp jista', b'maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu, jiddeċiedi li jiftaħ id-deliberazzjonijiet tiegħu għall-pubbliku.
11. Id-dokumenti rilevanti kollha li jkollhom rabta mal-attivitajiet tal-GEE (bħall-aġendi, il-minuti, l-Opinjonijiet u s-sottomissjonijiet tal-parteċipanti) għandhom ikunu disponibbli, jew fir-Reġistru tal-gruppi tal-esperti jew permezz ta' ħolqa bejn ir-Reġistru u sit web imtella' apposta. F'każijiet eċċezzjonali, meta l-iżvelar ta' dokument jitqies li jdgħajjef il-ħarsien tal-interess pubbliku jew privat kif inhu ddefinit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jistgħu ma jiġux ippubblikati xi dokumenti.
12. Qabel tmiem il-mandat tal-GEE, għandu jinkiteb rapport taħt ir-responsabbiltà tal-president, dwar l-attivitajiet tal-Grupp. Ir-rapport għandu jiġi ppubblikat u trażmess skont il-modalitajiet stabbiliti fil-paragrafu 11.
Artikolu 6 Spejjeż tal-laqgħat
1. Il-parteċipanti fl-attivitajiet tal-GEE ma jitħallsux tas-servizzi tagħhom.
2. L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-għajxien li jġarrbu l-parteċipanti fl-attivitajiet tal-grupp għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ.
3. Dawk l-ispejjeż għandhom jitħallsu lura fil-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli, allokati skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.
Artikolu 7 Dispożizzjonijiet finali
Din id-Deċiżjoni tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tagħha. Id-Deċiżjoni 2010/1/UE hija b'dan imħassra.
Magħmul fi Brussell, l-25 ta' Mejju 2016. Għall-Kummissjoni Il-President Jean-Claude Juncker