Gelex

Regolament (UE) 2016/94 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Jannar 2016 li jħassar ċerti atti mill-acquis ta’ Schengen fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali

In forceVersion 2016-01-20from 2016-02-22
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2016/94@2016-01-20/mt

Contents
  1. Preamble
  2. Artikolu 1 Tħassir ta’ atti li ma baqgħux applikabbli
  3. Artikolu 2 Dħul fis-seħħ

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 82(1)(d) u l-Artikolu 87(2)(a) u (c) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1) It-titjib fit-trasparenza tad-dritt tal-Unjoni huwa element essenzjali tal-istrateġija għal tfassil aħjar tal-liġijiet li qed jimplimentaw l-istituzzjonijiet tal-Unjoni. F’dak il-kuntest, huwa xieraq li dawk l-atti li ma għadx għandhom skop jitħassru.

(2) Għadd ta’ atti adottati fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u li jagħmlu parti mill-acquis ta’ Schengen ma għadhomx rilevanti minħabba n-natura temporanja tagħhom jew billi l-kontenut tagħhom kien trattat f’atti suċċessivi.

(3) Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv SCH/Com-ex (93)14 immirata biex ittejjeb il-kooperazzjoni ġudizzjarja prattika għall-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga għal każijiet biss ta’ rifjut ta’ kooperazzjoni minn Stat Membru. Dik id-Deċiżjoni ma baqgħetx applikabbli wara d-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea stabbilita mill-Att tal-Kunsill 2000/C-197/01, li tipprevedi kooperazzjoni aktar fil-fond fost l-Istati Membri fil-qasam tal-assistenza reċiproka dwar ir-reati kollha u għalhekk ukoll dwar it-traffikar tad-drogi.

(4) Id-Dikjarazzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv SCH/Com-ex (97) decl. 13 rev2 indirizzat is-sekwestru ta’ minuri u t-teħid illegali ta’ minur minn wieħed mill-ġenituri mingħand il-persuna li lilha ngħata d-dritt tal-kustodja. Dik id-Dikjarazzjoni ma baqgħetx applikabbli wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/115/UE, li jipprevedu regoli ġodda dwar il-verifika ta’ minuri li jaqsmu l-fruntiera esterna u fir-rigward ta’ attivitajiet korrispondenti tal-uffiċċji SIRENE.

(5) Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv SCH/Com-ex (98)52 adottat il-Manwal ta’ Schengen dwar il-kooperazzjoni tal-pulizija transfruntiera li tassisti lill-Istati Membri fit-twettiq ta’ operazzjonijiet transfruntieri. Dik id-Deċiżjoni ma baqgħetx applikabbli wara li l-kontenut tal-manwal kien inkluż fil-katalogu aġġornat ta’ rakkomandazzjonijiet għall-applikazzjoni korretta tal-acquis ta’ Schengen u l-aħjar prattiki fil-kooperazzjoni tal-pulizija, Manwal dwar operazzjonijiet transfruntieri u Kompendju dwar l-uffiċjali ta’ kollegament dwar l-infurzar tal-liġi.

(6) Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv SCH/Com-ex (99)11 Rev. 2 adottat Ftehim ta’ Kooperazzjoni fi Proċeduri Kontra Reati ta’ Traffiku fit-Triq. Dak il-Ftehim ġie konkluż bejn ċerti Stati Membri u wkoll ma’ żewġ stati terzi (l-Iżlanda u n-Norveġja). Għaldaqstant mhuwiex parti tal-acquis ta’ Schengen. Barra minn hekk, qatt ma daħal fis-seħħ u ebda wieħed mill-Istati Membri ma għamel dikjarazzjoni skont l-Artikolu 20(3) ta’ dak il-Ftehim dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim bejn dawk l-Istati Membri li rratifikawh. Għalhekk, dik id-Deċiżjoni ma għandha l-ebda rilevanza u għandha titħassar.

(7) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/173/ĠAI stipulat il-kamp ta’ applikazzjoni, l-organizzazzjoni, il-koordinazzjoni u l-proċeduri ta’ validazzjoni ddettaljati għal ċerti testijiet bl-għan li jiġi ivvalutat jekk is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen II (SIS II) hijiex konformi mar-rekwiżiti tekniċi u funzjonali kif definiti fl-istrumenti legali tas-SIS II. Dik id-Deċiżjoni tilfet l-effett legali tagħha ladarba s-SIS II bdiet topera fid-9 ta’ April 2013.

(8) Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u ċarezza, għandhom jitħassru dawk id-Deċiżjonijiet u dik id-Dikjarazzjoni li ma għadhomx applikabbli.

(9) Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri t-tħassir ta’ għadd ta’ atti li ma baqgħux applikabbli tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u li jagħmlu parti mill-acquis ta’ Schengen, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal- prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jinkiseb dak l-għan.

(10) F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Ladarba dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament jekk hijiex ser timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

(11) Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda qed tieħu sehem f’konformità mal-Artikolu 5(1) tal- Protokoll Nru 19 dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE u mat-TFUE, u l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE.

(12) Wara n-notifika mogħtija mir-Renju Unit fl-24 ta’ Lulju 2013 f’konformità mal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(4) tal-Protokoll Nru 36 dwar dispożizzjonijiet transitorji, id-Deċiżjonijiet u d-Dikjarazzjoni li ma baqgħux applikabbli msemmijin hawn fuq ma baqgħux japplikaw għar-Renju Unit mill-1 ta’ Diċembru 2014, bis-saħħa tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(4) ta’ dak il-Protokoll. Għalhekk ir-Renju Unit mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhux marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

(13) Fir-rigward tal-Iżlanda u tan-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż bejn il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE.

(14) Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, li jaqgħu taħt il-qasam imsemmi fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/149/ĠAI.

(15) Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, skont it-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat ta’ Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat ta’ Liechtenstein għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/349/UE,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1 Tħassir ta’ atti li ma baqgħux applikabbli

L-atti li ġejjin huma mħassra:

Deċiżjoni SCH/Com-ex (93)14 (ġlieda kontra t-traffikar tad-droga);

Dikjarazzjoni SCH/Com-ex (97) decl. 13 Rev 2 (sekwestru ta’ minuri);

Deċiżjoni Sch/Com-ex (98) 52 (manwal tal-pulizija);

Deċiżjoni SCH/Com-ex (99)11 Rev. 2 (reati tat-traffiku fit-triq); u

Deċiżjoni 2008/173/ĠAI (testijiet tas-SIS II).

Artikolu 2 Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati. Magħmul fi Strasburgu, l-20 ta’ Jannar 2016. Għall-Parlament Ewropew Il-President M. Schulz Għall-Kunsill Il-President A.G. Koenders

Versions

  1. 2016-01-20